Proċedura : 2019/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0203/2019

Testi mressqa :

B8-0203/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2019 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0217

<Date>{11/03/2019}11.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0203/2019</NoDocSe>
PDF 203kWORD 62k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar it-tibdil fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima</Titre>

<DocRef>(2019/2582(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Lynn Boylan, Younous Omarjee, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Anja Hazekamp, Marie-Pierre Vieu, Stefan Eck, Eleonora Forenza, Luke Ming Flanagan, Rina Ronja Kari, Marisa Matias, Martina Michels</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0195/2019

B8-0203/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bidla fil-klima: viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

(2019/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, bejn it-30 ta' Novembru u l-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet (COP24) għall-UNFCCC u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn 2-14 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP24)[1],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu,

 wara li kkunsidra d-disa' edizzjoni tar-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, adottat fis-27 ta' Novembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-COP24 f'Katowice rriżultat fl-adozzjoni tal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice li tipprevedi ċarezza legali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

1. Jaċċentwa li ċ-ċittadini Ewropej diġà qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' impatti diretti tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-telf annwali medju kkawżat mill-estremitajiet tat-temp u tal-klima fl-Unjoni ammonta għal madwar EUR 12,8 biljun bejn l-2010 u l-2016 u li, jekk ma tittieħed ebda azzjoni ulterjuri, id-danni mill-klima fl-UE jistgħu jammontaw għal mill-inqas EUR 190 biljun sal-2080, li huwa ekwivalenti għal telf nett ta' 1,8 % tal-PDG attwali tagħha; jenfasizza li f'xenarju ta' livelli għolja ta' emissjonijiet, sal-2100 l-ispejjeż annwali mill-għargħar fl-UE jistgħu jogħlew sa EUR 1 triljun u li sal-2100 id-diżastri relatati mat-temp jistgħu jaffettwaw madwar żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-5 % tal-lum il-ġurnata; jisħaq aktar fuq li, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, sal-2030, 50 % taż-żoni popolati fl-UE ser isofru minn skarsezza serja tal-ilma;

2. Ifakkar fis-sejbiet tal-Ewrobarometru ta' Novembru 2018 li juru li 93 % tal-Ewropej iqisu li t-tibdil fil-klima huwa kkawżat mill-attività tal-bniedem u li 85 % jaqblu li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-użu tal-enerġija b'mod aktar effiċjenti jistgħu joħolqu tkabbir ekonomiku u impjiegi fl-Ewropa; jinnota li t-tibdil fil-klima huwa kwistjoni ta' prijorità għolja għall-persuni fl-Ewropa;

3. Jissottolinja li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali b'1,5°C jirrappreżenta l-valutazzjoni xjentifika l-aktar komprensiva u aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi;

4. Jenfasizza li, skont ir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali b'1,5°C, il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5°C mingħajr ebda eċċess jew b'eċċess limitat timplika li tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) globalment sa mhux aktar tard mill-2067 u li l-emissjonijiet GHG globali jitnaqqsu għal massimu ta' 27.4 GtCO2eq kull sena sal-2030; jisħaq fuq li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet, bħala mexxej globali u sabiex ikollha opportunità tajba biex iżżomm it-temperatura globali ferm anqas minn 1,5 C sal-2100, l-Unjoni teħtieġ tagħmel ħilitha biex tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG malajr kemm jista' jkun u sa mhux aktar tard mill-2050;

5. Jesprimi tħassib dwar ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, li jsib li l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) attwali bla kundizzjonijiet jaqbżu bil-bosta l-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm anqas minn 2 C, u minflok dan ser jirriżulta fi stima ta' żieda ta' 3,2 C[2] fit-temperatura sal-2100; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-partijiet kollha tal-UNFCCC iżidu l-ambizzjoni klimatika tagħhom sal-2020;

6. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima", li tissottolinja l-opportunitajiet li t-trasformazzjoni lejn ekonomija b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG iġġib liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija Ewropea, li tinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-parlamenti nazzjonali, lis-setturi kummerċjali u soċjali, lill-organizzazzjoni nongovernattivi kif ukoll liċ-ċittadini; japprova l-objettiv li tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG sal-2050 u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-istess waqt is-summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019;

Perkorsi għall-istrateġija Ewropea għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sa nofs is-seklu

7. Jappella lill-Unjoni Ewropea tinkludi l-ġlieda kontra t-tisħin globali fost il-valuri fundamentali tagħha;

8. Jinnota li l-istrateġija tal-UE dwar newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tippreżenta tmien perkorsi għat-trasformazzjoni ekonomika, teknoloġika u soċjali meħtieġa biex l-Unjoni tkun konformi mal-għan fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-temperatura; jinnota li tnejn minnhom biss jippermettu lill-Unjoni tikseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG sa mhux aktar tard mill-2050; jaċċentwa li dan jirrikjedi azzjoni rapida u sforzi konsiderevoli fil-livelli kollha, minn dak lokali u reġjonali għal nazzjonali u Ewropew, u l-involviment tal-atturi mhux pubbliċi kollha; jirrikonoxxi li l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jkunu għodod importanti biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-emissjonijiet; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw strateġiji nazzjonali fit-tul kif stabbilit fir-Regolament dwar il-Governanza[3]; jappella, għaldaqstant, lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u politiki ċari fuq terminu qasir u fit-tul li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jipprovdu appoġġ ta' investiment għal perkorsi newtrali;

9. Jinnota bi tħassib li bħalissa d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija hija madwar 55 %, b'90 % taż-żejt tagħha u 70 % tal-gass tagħha attwalment jiġu importati; jaċċentwa li taħt xenarju b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, din tonqos għal 20 % sal-2050 li b'hekk ikollha impatt pożittiv fuq il-bilanċ kummerċjali u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE; jinnota li l-iffrankar kumulattiv fl-ispejjeż tal-importazzjonijiet tal-karburanti fossili bejn l-2031 u l-2050 ikun ta' madwar EUR 2-3 triljun, li jistgħu jintefqu fuq prijoritajiet oħra għaċ-ċittadini Ewropej;

10. Jaċċentwa li tnaqqis fit-tniġġis tal-arja taħt xenarju li tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju jnaqqas l-imwiet prematuri kkawżati minn materja partikolata fina b'aktar minn 40 %; jinnota li taħt tali xenarju, id-danni fuq is-saħħa jitnaqqsu b'madwar EUR 200 biljun fis-sena;

11. Jilqa' l-inklużjoni ta' żewġ perkorsi mmirati biex tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG sal-2050 u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal dawn u jikkunsidra li l-objettiv ta' nofs is-seklu huwa l-uniku wieħed kompatibbli mal-impenji tal-Unjoni taħt il-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-istrateġija ma tqies ebda perkors għan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG għal qabel l-2050;

12. Jenfasizza li t-tibdil fil-klima u l-bijodiversità huma interkonnessi b'mod inseparabbli; jinsab imħasseb ħafna dwar il-falliment madwar id-dinja li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jisħaq fuq li l-bijodiversità għandha valur intrinsiku essenzjali u hija kruċjali għall-eżistenza tagħna;

Aspetti soċjali tat-tibdil fil-klima u ta' tranżizzjoni ġusta

13. Jilqa' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jkun hemm newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju mingħajr telf nett ta' impjiegi u jinnota b'mod pożittiv il-valutazzjoni ddettaljata tat-tranżizzjoni fl-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv; jaċċentwa li, jekk tiġi ġestita tajjeb b'appoġġ xieraq għar-reġjuni, is-setturi u ċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli, tranżizzjoni ġusta lejn newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG għandha l-potenzjal li toħloq żieda netta ta' impjiegi fl-Unjoni – l-impjiegi fl-ekonomija kollha ser jiżdiedu b'2,1 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 taħt xenarju ta' emissjonijiet netti żero meta mqabbla maż-żieda fl-impjiegi ta' 1,3 miljun impjieg addizzjonali taħt xenarju ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 80 %; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa verifika tal-ħiliet imġedda taħt il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE b'data reġjonali dwar il-ħiliet meħtieġa għal Ewropa newtrali għall-klima biex ir-reġjuni, is-setturi u l-persuni jiġu appoġġjati fit-taħriġ mill-ġdid għal impjiegi ta' kwalità għolja li jibqgħu validi fil-futur;

14. Jemmen li t-tranżizzjoni tal-Ewropa dwar il-klima trid tkun ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment sostenibbli; jisħaq fuq li, sabiex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni politika miċ-ċittadini kollha, huwa importanti li jitqiesu l-effetti distributtivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u d-dekarbonizzazzjoni, speċifikament fuq il-persuni b'introjtu baxx; jikkunsidra għaldaqstant li fil-politiki kollha dwar it-tibdil fil-klima tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jitqiesu bis-sħiħ l-impatti soċjali bil-għan li tiġi żgurata trasformazzjoni soċjali u ekoloġika fl-Ewropa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li ser ikun hemm bżonn jinħolqu strateġiji mfassla apposta u ffinanzjati b'mod suffiċjenti fil-livelli kollha abbażi ta' proċessi inklużivi u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, it-trade unions, l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha f'din it-tranżizzjoni jingħataw opportunitajiet indaqs u ġusti;

15. Ifakkar li attwalment madwar 50 sa 125 miljun ċittadin Ewropew jinsabu fir-riskju tal-faqar enerġetiku[4]; jaċċentwa li t-tranżizzjoni tal-enerġija jista' jkollha effett sproporzjonat fuq il-persuni bi dħul baxx u żżid aktar il-faqar enerġetiku; jirrikonoxxi l-fatt li l-politika dwar l-enerġija trid tinkorpora dimensjoni soċjali u tiżgura li ħadd ma jitħalla barra; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni li tħares 'il quddiem biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta tal-enerġija u aċċess għall-enerġija għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

16. Jemmen li ż-żgħażagħ qegħdin ikollhom dejjem aktar sensibilizzazzjoni soċjali u ambjentali akuta, li għandha s-setgħa li tittrasforma lis-soċjetajiet tagħna bil-għan li jkun hemm futur reżiljenti għall-klima, u li l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ tirrappreżenta waħda mill-aktar għodod effettivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa jiġu involuti b'mod attiv fil-bini ta' relazzjonijiet internazzjonali, interkulturali u interġenerazzjonali, li jirfdu l-bidla kulturali li ser tappoġġja l-isforzi globali għal futur aktar sostenibbli;

17. Jilqa' l-fatt li fl-Ewropa kollha l-persuni huma dejjem aktar attivi fil-manifestazzjonijiet favur il-ġustizzja klimatika, b'mod partikolari permezz ta' strajkijiet fl-iskejjel; jilqa' t-talbiet ta' dawn l-attivisti biex ikun hemm ambizzjoni akbar u jemmen li l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-UE għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn it-talbiet;

Miri intermedji

18. Jisħaq fuq li sabiex tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet GHG fl-2050 bl-aktar mod kosteffiċjenti, il-livell ta' ambizzjoni tal-2030 ser ikollu jiżdied u jiġi allinjat max-xenarji tal-2050 ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; jemmen li huwa tal-akbar importanza għall-Unjoni li tibgħat messaġġ ċar, matul is-Summit dwar il-Klima tan-NU fi New York sa mhux aktar tard minn Settembru 2019, li hija tinsab lesta li tirrieżamina l-kontribut tagħha lejn il-Ftehim ta' Pariġi;

19. Jappoġġja l-aġġornament tal-NDC tal-Unjoni, b'mira ta' tal-inqas 55 % tnaqqis fl-ekonomija kollha f'dak li għandu x'jaqsam ma' emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-Unjoni sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jappella, għaldaqstant, lill-mexxejja tal-UE biex, fis-Summit speċjali tal-UE f'Sibiu f'Mejju 2019, jappoġġjaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-Unjoni fid-dawl tas-Summit dwar il-Klima tan-NU f'Settembru 2019;

20. Jikkunsidra, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mir-rieżamijiet tal-2022-2024 tal-pakkett dwar il-klima tal-2030 u leġiżlazzjoni oħra rilevanti, tressaq proposti leġiżlattivi li jżidu l-livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-NDC aġġornat u l-mira li tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju; jemmen li ambizzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-2030 tillimita l-għażliet futuri, inkluża d-disponibbiltà ta' ċerti għażliet għal dekarbonizzazzjoni kosteffiċjenti; jikkunsidra li dawn ir-rieżamijiet huma pass importanti biex jiġu żgurati l-impenji klimatiċi tal-UE;

21. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata ulterjorment stabbiltà miżjuda għas-swieq, ser ikun ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi wkoll objettiv ta' tnaqqis fl-emissjonijiet interim ulterjuri sal-2040 li jista' jipprovdi stabbiltà addizzjonali u jiżgura li jintlaħaq l-objettiv fit-tul għall-2050;

Kontributi settorjali

22. Jisħaq fuq l-importanza li jiġi adottat approċċ integrat, transsettorjali sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni fis-sistema tal-enerġija kollha u setturi oħra assoċjati u jinkisbu benefiċċji minn effiċjenzi akbar; jirrikonoxxi l-fatt li l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tipprovdi flessibbiltà akbar, titjib fl-effiċjenza tas-sistema, adozzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fost il-portaturi tal-enerġija kollha, u fl-aħħar mill-aħħar tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi;

23. Jaċċentwa li mindu ġiet stabbilita, l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) naqset milli tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet u dewmet id-diskussjonijiet dwar azzjoni klimatika serja fil-livell tal-UE; jemmen li s-suq tal-karbonju jikkostitwixxi sistema difettuża li ma tistax tissewwa permezz ta' reviżjonijiet u li t-tibdil fil-klima ma jistax jitwaqqaf permezz tal-forzi tas-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jabbandunaw l-EU ETS u jiffavorixxu regolamentazzjoni diretta li tiffoka fuq l-industrija tal-fjuwils fossili u fuq dawk li jniġġsu l-aktar;

24. Jaċċentwa u jinkoraġġixxi l-importanza tal-innovazzjoni f'firxa varjata ta' teknoloġiji, bħat-trasport newtrali f'termini tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija, bil-għan li l-ekonomija tiġi dekarbonizzata; iħeġġeġ sabiex jieqaf l-appoġġ għall-karburanti fossili u li minflok il-finanzjament jintuża għal attivitajiet ekonomiċi, b'enfasi partikolari fuq is-setturi mikro u tal-SMEs li jinvolvu r-riċerka u d-disinn relatati mat-teknoloġija nadifa u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (lokali) kif ukoll il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel lokali li tkun separata mill-biedja intensiva;

25. Ifakkar li 71 % tal-enerġija kollha tintuża biss għat-tisħin tal-post u li d-djar effiċjenti fl-enerġija ser għaldaqstant isiru n-norma f'UE newtrali għall-klima, filwaqt li jipprovdu saħħa u kumdità aħjar għall-Ewropej kollha;

26. Jaċċentwa li r-rwol ċentrali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet GHG, peress li attwalment l-enerġija hija responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Ewropa;

27. Jikkunsidra li żviluppi u soluzzjonijiet fit-teknoloġija, effiċjenza fl-enerġija kemm fil-provvista kif ukoll fid-domanda, enerġija rinnovabbli sostenibbli fit-trasport, fil-bini, fit-tisħin u fit-tkessiħ, u fis-setturi tal-enerġija, u prinċipji tal-ekonomija ċirkolari kollha ser ikunu importanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG;

28. Jappella għal sistema tal-enerġija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq l-enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu kull azzjoni meħtieġa f'dak ir-rigward, billi dan se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-setturi ekonomiċi kollha; iħeġġeġ li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tiġi ddikjarata vinkolanti sabiex jintlaħqu b'mod effikaċi l-għanijiet tagħha; jenfasizza li l-perkorsi kollha jassumu dekarbonizzazzjoni sħiħa tas-settur tal-enerġija sa mhux aktar tard mill-2050, tnaqqis drastiku tal-fjuwils fossili u żieda qawwija fl-enerġiji rinnovabbli;

29. Jenfasizza li l-prinċipju l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel għandu jitqies fil-katina kollha tal-enerġija, inkluż għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari tal-enerġija, u li l-effiċjenza enerġetika għandha tiġi kkunsidrata kull meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-ippjanar jew il-finanzjament rilevanti għas-sistemi tal-enerġija;

30. Jissottolinja li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn[5] ikkontribwiet b'mod sinifikanti għall-miri klimatiċi tal-UE billi naqqset l-emissjonijiet GHG bi 320 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2 fis-sena u li huwa stmat li sal-2020, il-konsumaturi tal-UE se jiffrankaw total ta' massimu ta' EUR 112-il biljun, jew madwar EUR 490 fis-sena għal kull unità domestiku b'riżultat tad-Direttiva; jitlob li jiġu regolati prodotti addizzjonali skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, inklużi t-tablets u l-ismartphones, u li l-istandards eżistenti jinżammu aġġornati biex jiġu riflessi l-iżviluppi teknoloġiċi;

31. Jirrimarka li l-istrateġija tikkonferma li l-emissjonijiet GHG mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu, u li l-politiki kurrenti mhux se jkunu biżżejjed biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat sal-2050; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata bidla modali mill-ivvjaġġar bl-ajru għall-ivvjaġġar bil-ferrovija, u lejn it-trasport pubbliku u l-mobbiltà kondiviża; jikkonstata li t-trasport bit-triq jikkontribwixxi għal madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE; jistieden għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu l-aċċess tal-konsumaturi għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jevitaw żieda fl-użu ta' vetturi qodma, li jniġġsu ħafna fi Stati Membri bi dħul baxx; jissottolinja wkoll ir-rwol tat-teknoloġiji intelliġenti, bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar intelliġenti, biex jiġu stabbiliti sinerġiji bejn l-elettrifikazzjoni tat-trasport u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

32. Jiddeplora l-fatt li sussidji stabbiliti minn xi Stati Membri taħt l-intestatura "bonus ta' konverżjoni" fil-fatt jirriżultaw f'akkwist ta' karozzi diżil u tal-petrol aktar minn 90 % aktar vantaġġużi għall-konsumaturi, u jistieden lill-Istati Membri inkwistjoni jimmodifikaw dawn il-bonusijiet sabiex jilħqu l-mira tal-akkwist effettiva ta' mill-inqas 50 % tal-karozzi elettriċi u mingħajr emissjonijiet;

33. Jissottolinja li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi, is-setturi kollha inklużi l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, għandhom jikkontribwixxu għal dan; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali kurrenti previsti rispettivament mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ, jonqsu milli jiksbu t-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri sinifikanti li tikkonforma mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru investimenti f'teknoloġiji u fi fjuwils b'emissjonijiet tal-karbonju żero u baxxi f'dawn is-setturi; jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" f'dawn is-setturi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-pitrolju u tal-prezzijiet tal-biljetti tal-avjazzjoni; ifakkar li l-emissjonijiet GHG mit-tbaħħir internazzjonali huma previsti li jiżdiedu anke b'250 % sal-2050; jilqa' l-fatt li s-settur tat-tbaħħir internazzjonali stabbilixxa għalih innifsu mira ta' tnaqqis assoluta tal-emissjonijiet GHG; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tat-traduzzjoni ta' din il-mira f'azzjoni konkreta, bħal pereżempju d-dikjarazzjoni tal-Baħar Mediterran bħala żona ta' kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit (SECA) għall-bastimenti tal-kruċieri u trasportaturi ta' bastimenti kbar, kif diġà huwa l-każ għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż;

34. Jenfasizza li s-settur agrikolu, b'mod partikolari l-industrija tal-bhejjem, jammonta għal madwar 10 % tal-emissjonijiet GHG totali tal-UE, huwa l-akbar emittent ta' metan u għandu impatt negattiv serju fuq il-bijodiversità madwar id-dinja; jinsab imħasseb ħafna li l-emissjonijiet GHG tal-agrikoltura żdiedu f'dawn l-aħħar snin u issa jirrappreżentaw sa 60 % tal-emissjonijiet globali currenti tal-metan; jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG tal-metan b'saħħithom iżda b'ħajja qasira huwa strateġija indispensabbli biex it-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5°C;

35. Ifakkar li l-metan huwa GHG potenti b'potenzjal ta' tisħin ta' 100 sena, 28 darba aktar mis-CO2[6] u li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan jista' jaqdi rwol importanti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu troposferiku u l-impatti negattivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u s-saħħa tal-bniedem; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan fis-setturi kkonċernati, li jista' jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-UE, u li tippromwovi t-tnaqqis tal-metan fuq livell internazzjonali;

36. Jinnota li s-settur tal-bini tal-UE attwalment jammonta għal 40 % tal-konsum tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2[7] tal-Ewropa; jitlob li jintuża l-potenzjal tas-settur għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, bi qbil mal-objettiv stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[8] għall-kisba ta' stokk tal-bini b'effiċjenza enerġetika għolja u dekarbonizzat sal-2050; jenfasizza li t-twettiq ta' konsum tal-enerġija aktar effiċjenti fil-bini għandu potenzjal sostanzjali għal tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet GHG tal-Ewropa; iqis ukoll li l-kisba ta' bini b'domanda baxxa għall-enerġija, fornut bis-sħiħ b'enerġija rinnovabbli, hija sine qua non għall-Ftehim ta' Pariġi u għal aġenda tal-UE fir-rigward tat-tkabbir, l-impjiegi lokali u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa;

37. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistudja malajr kemm jista' jkun għażliet politiċi għall-indirizzar rapidu tal-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni għall-metan, u tippreżenta proposti leġiżlattivi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal dan il-għan; jissottolinja li l-agrikoltura se tkun wieħed mis-sorsi ewlenin li fadal tal-emissjonijiet GHG tal-UE fl-2050, b'mod partikolari minħabba l-emissjonijiet tal-metan u tal-ossidu nitruż; jissottolinja l-potenzjal tas-settur agrikolu fl-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima, pereżempju bit-tnaqqis tal-għadd ta' bhejjem u tal-innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiċi kif ukoll bil-qbid tal-karbonju fil-ħamrija;

38. Jenfasizza r-responsabbiltà tal-politiki tal-UE dwar il-politika agrikola komuni matul is-snin, li wasslu għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-produzzjoni, il-livelli ta' biedja intensiva u l-abbuż tal-annimali, b'dożi enormi ta' sustanzi kimiċi (pestiċidi u fertilizzanti) li qed jintużaw, biex b'hekk jiżdiedu l-asimetriji reġjonali u d-dipendenza tal-UE fuq prodotti agrikoli barranin; jitlob li tradizzjoni ġenwina tal-bijodiversità tkun il-punt tat-tluq għal kull pajjiż f'pożizzjoni li jnaqqas l-emissjonijiet GHG f'konformità mat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, minflok ma jkun hemm impatt negattiv kbir fuq l-ambjent, li jikkawża aktar tniġġis tal-art, l-ilma u l-arja, b'mod partikolari fl-Ewropa, u li tiġi restawrata politika agrikola sostenibbli fl-Istati Membri kollha;

39. Jiddispjaċih li l-possibbiltà tat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-GHGs fluworurati ma ġietx ikkunsidrata fl-istrateġija tal-Kummissjoni; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-kummerċ illegali tal-idrofluworokarbur (HFC) bl-adozzjoni ta' sistema ta' liċenzjar tal-HFC, li tipprojbixxi l-użu tal-HFCs fis-setturi li m'għadx għandhom bżonnhom, l-allokazzjoni ta' kwoti tal-HFC permezz ta' sistema ta' rkant, u l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gass Fluworurat[9] billi jiġu pprojbiti l-użi kollha mhux meħtieġa tal-SF6, huma opportunitajiet ċari li jgħinu lill-UE tissodisfa l-objettivi tagħha tal-Ftehim ta' Pariġi;

40. Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza bejn l-ambizzjonijiet tal-kummerċ ħieles u l-azzjoni klimatika, u l-impatt negattiv li l-ftehimiet kummerċjali futuri bħat-TTIP, is-CETA u t-TiSA, se jkollhom fuq l-SDGs; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-SDGs fil-politiki kummerċjali kollha u effettivament tirrispetta l-ispazju tal-politika sovrana demokratika tal-gvernijiet li jirregolaw u jieħdu deċiżjonijiet favur il-popolazzjonijiet tagħhom;

41. Jitlob l-implimentazzjoni, b'rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali, ta' qafas legali Ewropew usa', li skontu l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista' tiddeċiedi dwar ir-reati klimatiċi u ambjentali;

42. Jenfasizza l-ħtieġa għal prattiki ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jżommu bilanċ bejn it-tliet pilastri ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri l-pilastru ekoloġiku, ekonomiku u soċjokulturali, sabiex jiġu appoġġjati miżuri ta' ġestjoni bi ħżin tal-karbonju sinifikanti u effetti ta' sekwestru, bħall-użu ta' injam bħala materjal tal-bini kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali, bħala sostituzzjoni għall-fjuwils fossili u bħala għodda għal żamma aħjar tal-ilma;

43. Jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti, iżda fl-aħħar mill-aħħar limitat, tal-afforestazzjoni fl-Ewropa; jemmen, għalhekk, li l-inizjattivi ta' afforestazzjoni jridu jiġu kkumplimentati minn inizjattivi u inċentivi konkreti li jkollhom l-għan li jtejbu l-potenzjal ta' sekwestru, filwaqt li jiżguraw u jtejbu s-saħħa tal-artijiet tal-foresti eżistenti, biex b'hekk jinkisbu benefiċċji għall-klima, għall-bijoekonomija sostenibbli u għall-bijodiversità; jappoġġja, għalhekk, l-afforestazzjoni ta' art agrikola abbandunata u produttiva b'mod marġinali, l-agroforestrija u t-tnaqqis ta' konverżjoni ta' żoni ta' foresti għal art oħra, kif ukoll protezzjoni u restorazzjoni msaħħa ta' msaġar u artijiet mistagħdra bħala tneħħija ta' karbonju naturali;

44. Jirrimarka li l-azzjoni u l-politiki tal-UE għandhom impatt ukoll fuq il-bjar, l-art u l-foresti naturali li jinsabu barra mill-Ewropa u li l-istrateġija tal-UE newtrali f'termini ta' emissjonijiet jenħtieġ li tipprevjeni li l-azzjoni tal-UE jkollha effetti ta' ħsara fuq il-klima f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jippromwovu regoli internazzjonali sodi fil-qafas tal-Ġabra ta' Regoli ta' Pariġi, speċjalment rigward l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi biex jiġu evitati diskrepanzi fil-kontabbiltà kif ukoll għadd doppju ta' miżuri ta' afforestazzjoni li jistgħu jdgħajfu l-isforzi klimatiċi globali;

45. Jitlob l-introduzzjoni ta' taxxa dissważiva fuq il-karti biex jitnaqqas l-użu tagħhom fil-livelli kollha, speċjalment fir-riklamar u l-imballaġġ żejjed, u projbizzjoni fuq il-qtugħ tal-injam għal użu fil-karti u l-għamara barra l-foresti kkultivati; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' prattiki alternattivi, li huwa possibbli minħabba l-livell għoli ħafna ta' żvilupp ta' appoġġ diġitali fis-soċjetajiet kontemporanji tagħna;

46. Jindika l-ħtieġa urġenti li titnaqqas l-impronta tal-konsum u x-xejriet ta' produzzjoni tal-UE, mhux biss ġewwa l-UE iżda wkoll barra minnha, fejn il-produzzjoni ta' għalf u bijokarburanti b'mod partikolari tqiegħed pressjoni enormi fuq il-klima u fuq ekosistemi b'ħażniet kbar ta' karbonju, bħal foresti pluvjali u torbieri; jitlob appoġġ qawwi għat-tranżizzjonijiet tal-proteini u tal-enerġija li jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-impronta Ewropea; jilqa' l-benefiċċji addizzjonali għall-bijodiversità, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa tal-bniedem u t-trattament xieraq tal-annimali li jwasslu għas-suċċess ta' dawn it-tranżizzjonijiet;

47. Jenfasizza r-rwol ta' prodotti tal-injam maħsud b'ħajja twila u r-rwol tagħhom fis-settur tal-użu tal-art, fit-tibdil fl-użu tal-art u fil-forestrija (LULUCF) sal-2030; jenfasizza li l-qafas futur għandu jqis il-kontribut ta' dawn il-prodotti, inkluż dawk mill-kategoriji tal-art agrikola, u mhux biss tal-art forestali u tal-art afforestata ġestita;

48. Jenfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati l-mudelli agrikoli li jappoġġjaw is-sistemi agrikoli reżiljenti għall-kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-infestazzjoni mill-pesti, u li jwettqu titjib fis-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija, fiż-żamma tal-ilma u fl-agrobijodiversità;

Finanzjament u riċerka

49. Iqis li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, qabel ma jiġi adottat, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, u li jrid jiġi stabbilit test standard li jiżgura li n-nefqa taħt il-baġit tal-UE tkun reżiljenti għall-klima; jissottolinja li l-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima trid tkun inkluża bis-sħiħ fil-kontenut tar-riċerka u tal-innovazzjoni u applikata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka bħala wieħed mill-prinċipji tal-finanzjament mill-UE;

50. Jenfasizza l-importanza li jinħoloq fond ta' tranżizzjoni ġust, speċjalment għar-reġjuni l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni ta' tħaffir għall-faħam, filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-impatti soċjali tal-finanzjament klimatiku eżistenti;

51. Jistieden lill-BĊE, bħala istituzzjoni tal-UE u, bħala tali, marbut bil-Ftehim ta' Pariġi, iżid b'mod ambizzjuż is-self mogħti biex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni ekoloġika, u jimmira għal żieda sostanzjali f'dan is-self minn sena għal oħra, għad-detriment tas-self lis-setturi tal-fjuwils fossili;

52. Jiddispjaċih għall-fatt li s-sussidji diretti u indiretti fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun kull sena; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri[10] jipproċedu immedjatament bit-tneħħija gradwali tas-sussidji Ewropej u nazzjonali kollha fuq il-fjuwils fossili, sabiex iwaqqfu kwalunkwe permess ġdid għall-esplorazzjoni jew l-isfruttament taż-żejt jew il-gass, u jwaqqfu l-isfruttament tal-konċessjonijiet eżistenti sal-2030;

Ir-rwol tal-konsumaturi u l-ekonomija ċirkolari

53. Jinnota li, minkejja l-istatistika tal-FAO li tindika tnaqqis fit-total tal-konsum ta' laħam u prodotti tal-annimali per capita fl-UE-28 mis-snin 1990 'l hawn, il-produzzjoni totali ta' laħam żdiedet matul l-istess perjodu, minħabba l-espansjoni tas-swieq barranin, li huma saħansitra aktar intensivi fl-użu tal-karbonju, u minħabba l-aġenda kummerċjali tal-UE; jinnota li l-kapaċità limitata tal-UE li tipproduċi laħam u prodotti tal-annimali tfisser li l-politiki kummerċjali tagħha għandhom iħeġġu ktajjen tal-provvista qosra għal dawn il-prodotti;

54. Jitlob miżuri addizzjonali biex jappoġġjaw din ix-xejra, inter alia fil-forma ta' riforma fiskali biex l-għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent isiru aktar attraenti, appoġġ għal innovazzjonijiet fl-ikel sostenibbli, kampanji ta' informazzjoni pubblika dwar l-impatt tal-ikel fuq il-klima u t-tmiem tal-appoġġ finanzjarju għat-tqegħid fis-suq ta' proteini tal-annimali;

55. Jitlob rata mnaqqsa ta' VAT għas-sidien tar-ristoranti li jużaw prodotti minn ċirkwiti qosra tal-provvista u ikel u prodotti organiċi;

56. Jenfasizza l-importanza li l-UE mhux biss tikseb sostituzzjoni tal-enerġija iżda wkoll sostituzzjoni tal-prodotti/materjali, jiġifieri sostituzzjoni ta' prodotti u materjali li huma bbażati fuq il-fossili jew li joħolqu emissjonijiet kbar matul il-produzzjoni favur prodotti bbażati fuq riżorsi rinnovabbli;

L-UE u l-azzjoni globali dwar il-klima

57. Jissottolinja l-importanza ta' aktar inizjattivi u ta' djalogu sostnut fil-fora internazzjonali rilevanti, u ta' diplomazija effettiva dwar il-klima, bil-għan li jiġu xprunati deċiżjonijiet ta' politika simili li jsaħħu l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima f'reġjuni u f'pajjiżi terzi oħrajn; jitlob li l-UE żżid il-finanzjament tagħha għall-klima u taħdem b'mod attiv biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għajnuna klimatika tagħhom (għajnuna għall-iżvilupp aktar milli self) f'pajjiżi terzi, li għandu jiżdied mal-assistenza barranija għall-iżvilupp, u ma għandux jingħadd darbtejn kemm bħala għajnuna għall-iżvilupp kif ukoll bħala għajnuna klimatika finanzjarja;

58. Jiddispjaċih għall-fatt li ħafna ekonomiji ewlenin oħra għadhom ma bdewx jaħdmu fuq strateġiji għall-2050 u m'hemm kważi l-ebda dibattitu f'ekonomiji ewlenin oħra biex jiżdiedu l-NDCs biex dawn jikkonformaw mal-mira globali skont il-Ftehim ta' Pariġi; jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jżidu d-diplomazija fil-qasam tal-klima u jieħdu miżuri xierqa oħrajn biex iħeġġu lil ekonomiji ewlenin oħrajn jikkonformaw mal-oqfsa komuni u l-azzjoni fil-formats tan-NU, sabiex flimkien inkunu nistgħu nilħqu l-miri fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi;

59. Jenfasizza li s-Summit tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ta' Settembru 2019 ikun il-mument ideali biex il-mexxejja jħabbru ambizzjoni akbar f'termini ta' NDCs; iqis li l-UE għandha tadotta pożizzjoni dwar l-aġġornament minn qabel sew tal-NDC, sabiex tasal għas-summit imħejjija sew u f'kooperazzjoni mill-qrib ma' koalizzjoni internazzjonali ta' Partijiet f'appoġġ għal ambizzjoni klimatika msaħħa;

 

°

° °

60. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0430.

[2] Programm tan-NU għall-Ambjent, "Emissions Gap Report 2018", p. 10.

[3] Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

[4] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563472/IPOL_STU(2015)563472_EN.pdf

[5] Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

[6] Van Dingenen, R., Crippa, M., Maenhout, G., Guizzardi, D., Dentener, F., "Global trends of methane emissions and their impacts on ozone concentrations" (Xejriet globali tal-emissjonijiet tal-metan u l-impatti tagħhom fuq il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu), EUR 29394 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2018, ISBN 978-92-79-96550-0, doi:10.2760/820175, JRC113210.

[7] https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings

[8] Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

[9] Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

[10] Il-Prezzijiet u l-Kostijiet tal-Enerġija fl-Ewropa, COM(2019)0001 final, p. 10.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza