Proċedura : 2019/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0226/2019

Testi mressqa :

B8-0226/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/03/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{25/03/2019}25.3.2019</Date>
<NoDocSe>B8-0226/2019</NoDocSe>
PDF 158kWORD 55k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela</Titre>

<DocRef>(2019/2628(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Elena Valenciano, Ramón Jáuregui Atondo, Francisco Assis</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>


B8-0226/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela

(2019/2628(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6], tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[7], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil[8], tal-25 ta' Ottubru dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[9] u tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[10],

 wara li kkunsidra t-termini ta' Referenza tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela, kif adottati mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fit-30 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra r-rimarki magħmula fis-7 ta' Frar 2019 mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini fil-konferenza stampa wara l-ewwel laqgħa inawgurali tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-kummenti magħmula fit-12 ta' Marzu 2019 mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, f'isem ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-21 ta' Marzu 2019 mill-kelliem tas-SEAE dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fil-Venezwela[11], li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati attwalment fis-seħħ,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela dwar l-avvenimenti li seħħew fil-fruntiera Venezwelana matul tentattiv biex tingħata għajnuna umanitarja fil-pajjiż[12],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora; billi għadd dejjem ikbar ta' persuni qed ikomplu jitilqu mill-Venezwela għal raġunijiet differenti, inklużi n-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-deterjorazzjoni tal-istat tad-dritt, in-nuqqas ta' ikel, mediċina jew aċċess għal servizzi soċjali essenzjali, it-telf ta' dħul finanzjarju u rati ta' faqar ogħla;

B. billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (OHCHR), 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija affettwata mill-faqar, b'livell ta' faqar estrem li huwa ta' 61.2 %; billi fl-2018, studju fuq skala nazzjonali mwettaq minn tliet universitajiet prestiġjużi Venezwelani sab li 80 % tad-djar Venezwelani sofrew insigurtà tal-ikel u li, fl-2017, kull persuna intervistata kellha medja ta' telf tal-piż ta' 11-il kilogramma;

C. billi, wara l-istedina tal-President interim Juan Guaidó, fit-23 ta' Frar, l-Istati Uniti ppruvaw jiskjeraw għajnuna umanitarja b'valur ta' USD 20 miljun fil-Venezwela permezz tal-fruntieri tagħha mal-Kolombja u l-Brażil, iżda finalment mingħajr suċċess; billi l-Gvern tal-Venezwela kien għalaq il-fruntieri tiegħu mal-pajjiżi ġirien tiegħu 48 siegħa qabel l-intervent imsemmi hawn fuq; billi l-Venezwela bblukkat ukoll l-ivvjaġġar bil-baħar bejn il-Venezwela u l-gżira tal-Karibew tal-Pajjiżi l-Baxxi ta' Curaçao, fejn l-għajnuna kienet qed tiġi wkoll maħżuna; billi, fid-dikjarazzjoni konġunta tagħhom, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Moviment tan-Nofs Qamar l-Aħmar iddikjaraw li ma setgħux ikunu involuti, billi kkwotaw il- "prinċipji fundamentali tagħhom ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza" tagħhom komuni;

D. billi fit-28 ta' Jannar 2019, l-Istati Uniti adottaw sett ġdid ta' sanzjonijiet kontra Petróleos de Venezuela S.A. (PdVSA); billi sat-28 ta' April 2019, iċ-ċittadini tal-Istati Uniti kienu awtorizzati jidħlu fit-tranżazzjonijiet u attivitajiet kollha li għandhom x'jaqsmu max-xiri u l-importazzjoni ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi mill-PdVSA; billi wara l-iskadenza tal-perjodu ta' stralċ ta' 90 jum, sakemm ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju ta' Kontroll tal-Assi Barranin (OFAC), iċ-ċittadini tal-Istati Uniti mhux se jkunu jistgħu jixtru żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi mill-PdVSA jew minn kwalunkwe entità oħra li l-PdVSA hija s-sid tagħha, direttament jew indirettament; billi qabel dawn l-avvenimenti, l-Istati Uniti rċevew madwar 40 % tal-esportazzjonijiet tal-Venezwela u kienu l-akbar klijent ta' flus kontanti tal-PdVSA u sors ewlieni ta' inputs tal-produzzjoni; billi fil-31 ta' Jannar 2019, meta rrefera għall-Venezwela, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-impatt negattiv tal-miżuri unilaterali ta' koerċizzjoni ddikjara li l-isfurzar, kemm jekk huma militari kif ukoll ekonomiku, m'għandu qatt jintuża biex tinkiseb bidla fil-gvern fi stat sovran. L-użu ta' sanzjonijiet minn setgħat esterni biex jitwaqqa' gvern elett qiegħed jikser in-normi kollha tad-dritt internazzjonali[13];

E. billi fis-7ta' Marzu 2019, qtugħ tal-elettriku fil-pajjiż kollu ħoloq kaos tul il-pajjiż, ipparalizza l-ajruporti u l-isptarijiet, u qata' s-servizzi tat-telefown u tal-internet, flimkien mal-provvisti tal-ilma; billi skont il-Kamra tal-Kummerċ ta' Maracaibo, kien hemm madwar 500 negozju li nħatfu fil-ferment, u għadd kbir ta' nies indarbu fi ġlied bejn ħallelin, gwardji tas-sigurtà, membri tal-gangs u l-forzi tas-sigurtà;

F. billi l-qtugħ tal-elettriku iddeterjora l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż u hedded is-saħħa u s-sigurtà pubblika tal-poplu tiegħu; billi nuqqasijiet fil-mediċini u l-provvisti tas-saħħa, l-għeluq ta' utilitajiet bażiċi f'faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u l-emigrazzjoni ta' ħaddiema tal-kura tas-saħħa wasslu għal deklin progressiv fil-kapaċità operattiva tal-kura tas-saħħa;

G. billi huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat l-impatt li l-kriżi kellha fuq is-saħħa pubblika, peress li l-Ministeru għas-Saħħa tal-Venezwela waqaf jippubblika statistika kruċjali dwar is-saħħa pubblika fl-2016; billi mill-2012 sal-2016, l-imwiet tat-trabi żdiedu bi 63 % u l-mortalità tal-ommijiet aktar milli rdoppjat; billi sa mill-2016, it-tifqigħat ta' mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim, bħall-ħosba u d-difterja, infirxu mar-reġjun kollu; billi mill-2016 sal-2017, il-Venezwela kellha l-akbar rata ta' żieda f'każijiet ta' malarja fid-dinja, u fl-2015 ir-rati tat-tuberkolożi kienu l-ogħla fil-pajjiż għall-40 sena preċedenti; billi bejn l-2017 u l-2018, il-biċċa l-kbira tal-pazjenti li ġew infettati bl-HIV ġiet interrotta l-kura tagħhom minħabba nuqqas ta' mediċini[14];

H. billi t-tifqigħat u l-espansjoni ta' epidemiji ta' mard infettiv assoċjat mad-deklin fis-servizzi tas-saħħa pubblika bażika qed jheddu s-saħħa tal-pajjiż u tar-reġjun, li jospita 90 % mit-3 miljun migrant Venezwelan li emigraw mill-2015; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) jistenna li l-għadd ta' migranti jilħaq il-5 miljuni sa tmiem l-2019, jekk is-sitwazzjoni tippersisti;

I. billi, fit-18 ta' Frar 2019, lil tliet Membri tal-Parlament Ewropew tal-Grupp PPE ġie miċħud l-aċċess għall-pajjiż; billi, fis-7 ta' Marzu 2019, lill-Ambaxxatur Ġermaniż fil-Venezwela ingħatawlu 48 siegħa biex iħalli l-pajjiż;

J. billi, fil-31 ta' Jannar 2019, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi l-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela; billi, fit-Termini ta' Referenza tiegħu, hemm stabbilit li l-objettivi tiegħu huma "fi ħdan perijodu ta' żmien limitat, jippromwovi intendiment komuni u approċċ iktar miftiehem fost atturi internazzjonali ewlenin dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela bl-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi attwali [...] permezz tal-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ġodda b'kull garanzija għal proċess elettorali ħieles u ġust, sorveljat minn osservaturi indipendenti internazzjonali. L-objettiv mhuwiex biex ikun medjatur iżda biex jagħti l-appoġġ lid-dinamika politika li l-grupp jista' mbagħad ikompli jakkumpanja u jikkonsolida";

K. billi l-UE tibqa' konvinta li soluzzjoni politika demokratika hija l-uniku mod sostenibbli biex il-Venezwela toħroġ mill-kriżi u qiegħda tiddjaloga mas-sħab internazzjonali u reġjonali permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali; billi t-tentattivi preċedenti biex tissolva l-kriżi permezz ta' proċess ta' negozjati u ta' djalogu ma pproduċewx riżultati konkreti;

L. billi, bil-maqlub tal-Grupp ta' Lima u tal-Mekkaniżmu ta' Montevideo, il-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali huwa l-unika inizjattiva politika eżistenti li għandha aċċess għad-diversi partijiet ikkonċernati kollha fil-Venezwela, kemm fir-reġjun kif ukoll fil-komunità internazzjonali; billi dan attwalment qiegħed isegwi t-twaqqif ta' "Grupp ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-assistenza internazzjonali", li jkun taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li jiggarantixxi l-konsenja tal-għajnuna umanitarja min-naħa tal-korpi speċjalizzati, skont il-prinċipji internazzjonali u skont approċċ rigoruż ibbażat fuq il-bżonnijiet; billi l-objettiv huwa li jiġi garantit u mwessa' l-ispazju għall-konsenja tal-għajnuna newtrali u imparzjali lil dawk fil-bżonn, f'konformità mal-prinċipji miftiehma fil-livell internazzjonali;

M. billi l-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali waqqaf ukoll "Grupp ta' ħidma dwar l-elezzjonijiet", li huwa assistit minn esperti elettorali; billi, bil-għan li jiġu organizzati elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-membri l-ġodda jridu qabel kollox jinħatru fl-istituzzjonijiet Venezwelani li jiżvolġu rwol fundamentali fis-superviżjoni ta' dawn l-elezzjonijiet, b'mod partikolari l-Kunsill Nazzjonali Elettorali (CNE) u l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (TSJ), barra mill-istituzzjonijiet potenzjali l-oħra bħall-Contraloría General (Qorti tal-Awdituri); billi aspett fundamentali ieħor ikun jikkonsisti f'dak li jerġgħu jingħataw id-drittijiet tal-mexxejja u tal-partiti politiċi kollha biex joħorġu għall-elezzjoni u jieħdu sehem;

N. billi, f'dawn l-aħħar ġranet, il-forzi tas-sigurtà Venezwelani arrestaw diversi membri tal-kabinett tal-President ad interim Juan Guaidó, inklużi membri tal-familja tiegħu, f'tentattiv li jiddgħajjef l-ambjent politiku tiegħu; billi, fil-21 ta' Marzu 2019, il-forzi tas-sigurtà Venezwelani arrestaw lill-Kap tal-Kabinett ta' Juan Guaidó, Roberto Marrero, u daħlu bil-forza fid-dar ta' Sergio Vergara, membru tal-Assemblea Nazzjonali għall-Istat ta' Táchira, mingħajr ma taw kas l-immunità parlamentari tiegħu;

1. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-poplu tal-Venezwela li qed iġarrab l-effetti ta' kriżi umanitarja u politika serja;

2. Ifakkar il-pożizzjoni preċedenti tiegħu li jirrifjuta kategorikament kwalunkwe proposta jew tentattiv għal soluzzjoni tal-kriżi li jistgħu jimplikaw l-użu tal-vjolenza jew l-intervent militari; jerġa' jafferma l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-istall politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja serja li dan ipprovoka;

3. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; ifakkar fir-rikonoxximent u fir-rispett tar-rwol kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali; isostni t-talba tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu adottati miżuri prekawzjonali favur il-membri tal-Assemblea;

4. Jitlob ir-rilaxx immedjat u inkundizzjonat tal-persuni detenuti kollha minħabba l-fatt li huma qraba tal-President ad interim Juan Guaidó jew membri tat-tim tiegħu; itenni l-appelli preċedenti tiegħu lill-Gvern Venezwelan biex itemm minnufih ir-repressjoni tal-mexxejja politiċi, tal-ġurnalisti u tal-membri tal-oppożizzjoni;

5. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jikkoopera mal-oppożizzjoni, mal-gvern u mal-atturi internazzjonali u reġjonali permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali, bil-għan li jinkisbu żewġ objettivi prinċipali: l-ewwel nett, sostenn favur il-konsenja tal-għajnuna umanitarja lill-Venezwela skont il-prinċipji miftiehma fil-livell internazzjonali u, it-tieni nett, promozzjoni ta' qbil komuni bejn l-atturi prinċipali involuti dwar il-fatturi li jwasslu għall-mod paċifiku ta' kif il-pajjiż joħroġ mill-kriżi u dwar il-modi li bihom il-pajjiż jista' jikseb soluzzjoni paċifika u demokratika permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali ġodda u kredibbli;

6. Jistieden lis-SEAE jippromwovi b'mod attiv ftehim dwar il-fornitura ta' għajnuna umanitarja u jiżgura li din l-għajnuna titqassam permezz tan-Nazzjonijiet Uniti, skont il-prinċipji miftiehma fil-livell internazzjonali; jesprimi s-sostenn tiegħu favur il-"Grupp ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-assistenza internazzjonali" u jfakkar fl-appelli preċedenti tiegħu biex tkun żgurata l-konsenja urġenti tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, biex tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jistinkaw biex jiżguraw li l-assistenza tal-UE tkun fornuta fil-post, u jikkundanna lill-Gvern Venezwelan li ma ppermettiex id-dħul ta' din l-assistenza fil-pajjiż, minkejja l-bżonnijiet tal-popolazzjoni;

7. Jirrakkomanda li s-SEAE, fl-isforzi tiegħu, jaħdem biex jikseb l-akbar sostenn possibbli min-naħa tal-pajjiżi tar-reġjun u li jfittex il-parteċipazzjoni attiva tan-Nazzjonijiet Uniti, kull meta jirreferi għall-għajnuna umanitarja u l-ftehimiet politiċi li ġew stabbiliti biex tissolva l-kriżi fil-Venezwela;

8. Jirrikonoxxi r-rwol fundamentali li żvolġew l-awtoritajiet Kubani fl-imgħoddi fir-rigward tal-kriżijiet reġjonali u jitlob lis-SEAE jeżamina, flimkien ma' Kuba, il-ftuħ ta' spazji għal soluzzjoni paċifika, demokratika u negozjata tal-kriżi;

9. Isostni x-xogħol tal-"Grupp ta' ħidma dwar l-elezzjonijiet" tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u jitlob lill-partijiet kollha jikkooperaw fl-iżvilupp ta' miżuri li jibnu l-fiduċja, bħar-rilaxx tal-priġunieri politiċi, it-tneħħija tal-projbizzjoni għall-politiċi tal-oppożizzjoni u l-ħolqien ta' Kunsill Nazzjonali Elettorali bbilanċjat; jistenna li, ladarba jkun hemm il-kundizzjonijiet favorevoli u jinfetħu spazji biex jinstab mod politiku, demokratiku u paċifiku ta' kif il-pajjiż joħroġ mill-kriżi, għandu jkun varat proċess ta' medjazzjoni favur djalogu politiku bejn il-Venezwelani bħala l-uniku mod possibbli biex tissolva l-kriżi;

10. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jagħtu bidu għal investigazzjoni dwar il-fatti li ġraw fit-23 u fl-24 ta' Frar 2019 biex jiċċaraw ir-responsabbiltà fir-rigward tal-allegati vittmi fost il-komunità Pemón; isostni t-talba tal-Assemblea Nazzjonali indirizzata lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu adottati miżuri prekawzjonali favur il-komunità indiġena Pemón;

11. Ifaħħar ix-xogħol li għamlu l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-pjattaformi ċivili u l-professjonisti tas-saħħa biex jagħtu appoġġ biex tittaffa s-sitwazzjoni; isostni t-talba tal-Assemblea Nazzjonali indirizzata lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu adottati miżuri prekawzjonali favur il-professjonisti tas-saħħa u jfakkar lill-Gvern Venezwelan li għandu jipproteġi lill-organizzazzjonijiet umanitarji u lill-persunal tagħhom fil-post;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President ad interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

 

 

 

[1] ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

[2] ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

[3] ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

[4] ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

[5] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

[6] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.

[7] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

[8] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

[9] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

[10] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

[11] ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10.

[12] Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, 2019, "Informe sobre los threos ocurridos en puntos de frontera relacionados con el intento de ingreso de la Ayuda Humantaria" https://comunidadenmovimiento.cl/wp-content/uploads/2019/03/Informe-AN-sobre-hechos-ocurridos-el-23-y-24F-1.pdf

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Marzu 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza