Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0008/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0008/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

15.7.2019 - (2019/2730(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Hermann Tertsch, Karol Karski, Zdzisław Krasnodębski, Geoffrey Van Orden, Assita Kanko, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Ryszard Czarnecki, Nicola Procaccini, Raffaele Stancanelli, Carlo Fidanza, Alexandr Vondra, Charlie Weimers
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0006/2019

Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0008/2019
Testi mressqa :
B9-0008/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0008/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela, tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil, tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Venezwela tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) tal-4 ta' Lulju 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Venezwela tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019 u tat-28 ta' Marzu 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Venezwelani qed iħabbtu wiċċhom ma' firxa ta' ksur interkonness u li qed jiddeterjora b'rabta mad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom: it-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tagħhom fisser li ma jistgħux jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; l-allokazzjoni ħażina ta' riżorsi, il-korruzzjoni, nuqqas ta' manutenzjoni tal-infrastruttura pubblika u nuqqas serju ta' investiment irriżultaw fil-kollass tas-servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa, it-trasport pubbliku u l-aċċess għall-elettriku, l-ilma u l-gass naturali; u l-iskarsezza u l-prezzijiet għoljin tal-ikel għamluha diffiċli biex il-Venezwelani jkollhom aċċess għall-ikel, u b'hekk wasslu għall-ġuħ;

B. billi mid-19 sal-21 ta' Ġunju 2019, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-Venezwela, u wara ppreżentat rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), li kien jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Gvern tal-Venezwela biex iwaqqaf u jirrimedja l-ksur gravi min-naħa tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem;

C. billi l-għadd ta' persuni li ġew imġiegħla jitilqu mill-Venezwela żdied b'mod drammatiku mill-2018 'l hawn u laħaq 'il fuq minn 4 miljun ruħ fis-6 ta' Ġunju 2019; billi l-migrazzjoni furzata tal-Venezwelani se taqbeż il-5 miljun ruħ sa tmiem l-2019, hekk li din tikkostitwixxi t-tieni l-akbar kriżi ta' migranti u rifuġjati fid-dinja;

D. billi l-Gvern de facto tal-Venezwela naqqas is-saħħa tal-istat tad-dritt, żarma l-istituzzjonijiet demokratiċi u ħa miżuri maħsuba biex jinnewtralizzaw, irażżnu u jikkriminalizzaw l-avversarji politiċi u l-persuni li jikkritikawh; billi s-sistema tat-tortura tintuża bħala għodda sistemika mir-reġim għal skopijiet ta' intimidazzjoni u ta' dissważjoni;

E. billi kważi 7000 persuna ġew maqtula b'mod ekstraġudizzjarju matul operazzjonijiet ta' sigurtà fil-Venezwela mwettqa mill-forzi de facto tal-gvern matul l-aħħar sena u nofs; billi l-familji ta' dawk maqtula b'mod ekstraġudizzjarju, qtil li seħħ matul il-protesti, għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw drittijiethom għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;

F. billi 22 membru parlamentari, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, tneħħitilhom l-immunità parlamentari tagħhom; billi żewġ deputati jinsabu f'detenzjoni filwaqt li 16-il deputat ieħor fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;

G. billi d-djalogu ta' medjazzjoni mniedi fis-16 ta' Mejju 2018 bejn il-President de facto Nicolás Maduro u l-forzi tal-oppożizzjoni, immexxi minn Juan Guaidó u bil-medjazzjoni tan-Norveġja, naqas milli jsib soluzzjoni għall-kriżi; billi fit-8 ta' Lulju 2019 id-djalogu kompla fil-Barbados, għalkemm il-Gvern de facto naqas milli jikkonforma ma' kwalunkwe rekwiżit li jwassal għal tentattiv imtejjeb ta' djalogu;

H. billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-kostituzzjoni tal-Venezwela;

I. billi l-forzi uffiċjali u l-gruppi paramilitari rrikorrew għal żieda fil-krudeltà fl-azzjonijiet tagħhom, kif muri mit-tortura sal-mewt tal-Kaptan Rafael Acosta, jew l-għama ta' Rupo Velandria ta' 16-il sena, li ġie sparat tir f'wiċċu meta pprotesta ma' ommu dwar in-nuqqas ta' gass għat-tisjir;

1. Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni gravi ta' emerġenza fil-Venezwela, li qed tipperikola bil-kbir il-ħajja u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-pajjiż;

2. Jikkundanna l-vjolenza u r-repressjoni ħarxa, li wasslu biex persuni sfaw maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela;

3. Jissottolinja r-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi tas-sigurtà fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, fl-użu indiskriminat tal-vjolenza għar-repressjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni demokratika u tar-restawr tal-istat tad-dritt fil-Venezwela;

4. Jiddenunzja l-abbużi mwettqa minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u r-repressjoni brutali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà; jitlob li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jiġi stabbilit mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti taħt gvern tranżizzjonali biex jinvestiga l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mwettqa matul operazzjonijiet tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, u li l-familji tal-vittmi jingħatawlhom rimedju u protezzjoni kontra l-intimidazzjoni u r-rappreżalji;

5. Jikkundanna l-ksur kontra d-dritt għall-ikel u d-dritt għall-kura medika; jitlob b'urġenza li jiġi ggarantit li l-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jkunu disponibbli u aċċessibbli, filwaqt li s-servizzi materni u tat-tfal jingħataw attenzjoni speċjali;

6. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jieqfu, jiġu kkundannati pubblikament u jiġu kkastigati; jitlob li jinħelsu dawk kollha li, b'mod arbitrarju, sfaw imċaħħda mil-libertà tagħhom;

7. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kriżi migratorja dejjem ikbar madwar ir-reġjun kollu, u jfaħħar l-isforzi u s-solidarjetà murija mill-pajjiżi ġirien; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' dawn il-pajjiżi, mhux biss billi tipprovdi għajnuna umanitarja, iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi permezz tal-politika tal-iżvilupp tal-UE;

8. Jissuġġerixxi li ż-żewġ naħat jaqblu dwar gvern interim li jista' joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal elezzjonijiet ġusti, sabiex ikun jista' jkun hemm djalogu b'suċċess u jsiru elezzjonijiet ħielsa — ħaġa li kienet impossibbli taħt il-gvern ta' Maduro;

9. Jinsisti li l-għan tad-djalogu jrid ikun li tinstab soluzzjoni paċifika li ttemm id-dittatorjat, issolvi l-kriżi attwali u ttemm it-tbatija tal-poplu tal-Venezwela;

10. Jitlob li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli, taħt gvern ta' tranżizzjoni u abbażi ta' kalendarju fiss, flimkien ma' kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

11. Jitlob li l-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn l-assi li l-awtoritajiet statali illeġittimi u ta' individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni għandhom barra l-pajjiż; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtieġ li jirrestrinġu l-movimenti ta' dawn l-individwi, kif ukoll tal-eqreb qraba tagħhom, jiffriżaw l-assi tagħhom u jissospendu l-viżi tagħhom;

12. Jitlob lill-VP/RGħ tmexxi l-politika tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, f'kooperazzjoni mal-grupp ta' kuntatt magħmul minn pajjiżi demokratiċi tar-reġjun, kif irrappreżentat mill-Grupp ta' Lima;

13. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-forza tal-pulizija u s-servizz tal-intelligence militari Kubani huma l-element strateġiku li għamilha possibbli għar-reġim illegali ta' Maduro li jippersisti, u b'hekk jikkostitwixxu interferenza militari, politika u militari massiċċa fil-Venezwela;

14. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-appoġġ tar-Russja għar-reġim fil-Venezwela u, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' esperti u konsulenti tekniċi u militari; jikkundanna din l-interferenza illegali fl-affarijiet interni tal-Venezwela;

15. Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tissieħeb fl-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex tinbeda investigazzjoni tar-reati kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, bl-għan li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;

16. Jappoġġja l-inizjattiva biex, flimkien mal-UNHRC, tiġi stabbilita Kummissjoni ta' Inkjesta li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

17. Iħeġġeġ lill-gvern de facto tal-Venezwela jikkonforma malajr mar-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport tal-UNHCHR dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza