Proċedura : 2019/2730(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0009/2019

Testi mressqa :

B9-0009/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/07/2019 - 7.4
CRE 18/07/2019 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0007

<Date>{15/07/2019}15.7.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0009/2019</NoDocSe>
PDF 150kWORD 54k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela</Titre>

<DocRef>(2019/2730(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Kati Piri, Tonino Picula, Javi López, Isabel Santos</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0006/2019

B9‑0009/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2019/2730(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5], tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[6], tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[7], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil[8], tal-25 ta' Ottubru dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[9], tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[10] u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela[11],

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Lulju 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra l-aktar dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-4 ta' April, tat-30 ta' April u tat-18 ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2019 dwar il-laqgħa konġunta tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u tal-Grupp ta' Lima dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tat-3 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas-6 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fil-Venezwela[12], li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2019 il-miżuri restrittivi mmirati attwalment fis-seħħ,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Quito tal-4 ta' Settembru 2018 dwar il-mobbiltà umana taċ-ċittadini Venezwelani fir-reġjun,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kriżi umanitarja fil-Venezwela qed tkompli tmur għall-agħar u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt qed tkompli tiddeterjora; billi 7 miljun ruħ issa għandhom bżonn urġenti ta' għajnuna, 94 % tal-popolazzjoni qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 62 % qed jgħixu f'faqar estrem; billi 70 % tat-tfal mhumiex qed jintbagħtu l-iskola, 5 000 ruħ qed jitilqu mill-pajjiż kuljum u, skont l-istimi, sa tmiem is-sena se jkun hemm 5,2 miljun migrant Venezwelan;

B. billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) "hemm raġunijiet validi biex wieħed jemmen li fil-Venezwela twettaq ksur gravi tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, inklużi d-dritt għall-ikel u d-dritt għas-saħħa"; billi ġie rikonoxxut ukoll li għal aktar minn għaxar snin il-Venezwela adottat u implimentat sensiela ta' liġijiet, politiki u prattiki li rrestrinġew l-ispazju demokratiku, dgħajfu l-istituzzjonijiet pubbliċi u affettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura;

C. billi dan il-kuntest ippermetta lill-gvern iwettaq kemm-il darba ksur tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju persekuzzjoni għal raġunijiet politiċi, qtil ekstraġudizzjarju, użu tat-tortura, arresti arbitrarji kif ukoll theddid u vjolenza fil-konfront tal-komunitajiet indiġeni; billi l-gvern irrikonoxxa 5 287 każ ta' qtil minħabba "reżistenza għall-awtorità" fl-2018 u 1 569 każ ta' qtil ta' dan it-tip bejn Jannar u Mejju 2019; billi l-informazzjoni analizzata mill-OHCHR tissuġġerixxi li ħafna minn dawn il-każijiet ta' qtil għandhom mnejn jikkostitwixxu eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji;

D. billi l-ekonomija tal-Venezwela, b'mod partikolari l-industrija taż-żejt u s-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel tagħha, kienet diġà fi kriżi qabel ma ġiet imposta kwalunkwe sanzjoni settorjali; billi l-aktar sanzjonijiet ekonomiċi reċenti qed jaggravaw aktar l-effetti tal-kriżi ekonomika u s-sitwazzjoni umanitarja; billi l-gvern aċċetta l-ħatra ta' koordinatur umanitarju tan-NU, liema pass ifisser li l-gvern aċċetta li teżisti kriżi umanitarja;

E. billi s-sitwazzjoni umanitarja marret għall-agħar drastikament minħabba qtugħ fit-tul tad-dawl ikkawżat min-nuqqas ta' manutenzjoni tal-infrastruttura pubblika, l-allokazzjoni ħażina ta' riżorsi, il-korruzzjoni u nuqqas serju ta' investiment; billi dan wassal għall-kollass tas-servizzi pubbliċi bħat-trasport pubbliku u l-aċċess għall-elettriku, l-ilma u l-gass naturali; billi l-programmi soċjali, inklużi d-distribuzzjoni tal-ikel u l-aċċess għall-kura medika, intużaw bħala strument ta' kontroll soċjali u ġew implimentati b'mod diskriminatorju li huwa bbażat fuq raġunijiet politiċi u li jaffettwa b'mod sproporzjonat lin-nisa; billi d-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' ħafna popli indiġeni ġew affettwati b'mod sproporzjonat mis-sitwazzjoni umanitarja, b'mod partikolari mill-għeluq tal-fruntieri tal-Venezwela fi Frar 2019, li kellu konsegwenzi gravi fuq gruppi indiġeni bħall-Wayuu jew il-Pemon li t-territorji tradizzjonali tagħhom huma mifruxin lil hinn mill-fruntiera tal-pajjiż;

F. billi l-UE mmobilizzat EUR 117,6 miljun f'għajnuna ta' emerġenza u assistenza għall-iżvilupp bħala reazzjoni għall-kriżi, b'ħidma mal-popolazzjonijiet vulnerabbli kemm fil-Venezwela (60 % tal-finanzjament) kif ukoll fil-pajjiżi ġirien (40 % tal-finanzjament); billi s'issa l-appoġġ miġbur min-NU għall-Pjan ta' Intervent Reġjonali tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti jirrappreżenta biss madwar 22 % tat-total mitlub (USD 159 miljun minn appell għal USD 738 miljun);

G. billi l-UE għadha konvinta li soluzzjoni demokratika politika paċifika hija l-uniku mod sostenibbli biex il-Venezwela toħroġ mill-kriżi u hija involuta f'attivitajiet ta' komunikazzjoni fil-Venezwela u mal-atturi rilevanti kollha permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali u l-Konsulent Speċjali tagħha; billi, wara żewġ ċikli ta' taħditiet f'Oslo, id-diskussjonijiet bejn il-gvern de facto u l-oppożizzjoni reġgħu bdew fit-8 ta' Lulju f'Barbados; billi l-UE tenniet l-appoġġ tagħha għall-proċess iffaċilitat immexxi min-Norveġja bil-għan li tinkiseb soluzzjoni politika u demokratika għall-kriżi li għandha twassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'osservazzjoni internazzjonali;

H. billi l-kaptan tal-armata Rafael Acosta Arévalo miet fid-29 ta' Ġunju 2019 filwaqt li kien miżmum f'kustodja mill-forzi tas-sigurtà Venezwelani; billi l-UE qieset dan l-att bħala eżempju ċar ieħor tan-natura arbitrarja tas-sistema ġudizzjarja fil-pajjiż u tan-nuqqas ta' garanziji u drittijiet għal dawk miżmuma f'detenzjoni;

1. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-poplu tal-Venezwela li qed iġarrab l-effetti ta' kriżi politika u umanitarja serja;

2. Ifakkar fil-pożizzjoni preċedenti tiegħu li jirrifjuta kategorikament il-proposti jew it-tentattivi kollha għal soluzzjoni tal-kriżi li jistgħu jimplikaw l-użu tal-vjolenza jew intervent militari; isostni mill-ġdid li soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva hija l-uniku mod sostenibbli kif il-pajjiż joħroġ mill-istall politiku attwali u mill-kriżi soċjali u umanitarja serja li dan ikkaġuna;

3. Jappoġġja l-proċess iffaċilitat immexxi min-Norveġja li għaddej bħalissa u jilqa' l-ftehim miż-żewġ naħat li jinvolvu ruħhom fi djalogu permanenti għall-paċi; jenfasizza li, biex proċess ta' ffaċilitar ikun ta' suċċess, għandhom minn tal-anqas jiġu adottati l-miżuri ta' bini ta' fiduċja li ġejjin: il-ħelsien tal-priġunieri politiċi u t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq il-politiċi tal-oppożizzjoni li jkollhom kariga pubblika; ir-rikonoxximent u r-rispett tar-rwol kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali; l-istabbiliment ta' kompożizzjoni bbilanċjata tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali u reġistru elettorali nazzjonali aġġornat; l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-parteċipazzjoni ugwali fl-elezzjonijiet billi jiġi ggarantit li l-atturi politiċi kollha jkunu jistgħu jaħdmu taħt kundizzjonijiet ugwali, u l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet taħt kundizzjonijiet ta' ugwaljanza, ġustizzja u monitoraġġ internazzjonali;

4. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-għajnuna umanitarja titqassam lill-popolazzjoni kollha mingħajr ebda preġudizzju politiku; ifakkar li l-awtoritajiet Venezwelani għandhom iħarsu liċ-ċittadini kollha b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u li għandhom jonoraw l-impenji internazzjonali tagħhom li jirrispettaw l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-milizzji jew gruppi paramilitari kollha għandhom jiġu sottoposti għal restrizzjonijiet u jiġu diżarmati malajr kemm jista' jkun;

5. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jikkundanna r-revoka tal-immunità parlamentari ta' 22 membru parlamentari u l-priġunerija ta' tnejn minnhom;

6. Ifaħħar l-isforzi magħmula mill-gvernijiet tar-reġjun biex jilqgħu b'mod adegwat liċ-ċittadini Venezwelani f'sitwazzjoni ta' mobbiltà umana, magħrufin bħala l-Proċess ta' Quito; jilqa' l-Pjan Direzzjonali tal-Kapitolu ta' Buenos Aires, magħmul minn azzjonijiet speċifiċi relatati ma' kwistjonijiet li jinkludu t-traffikar tal-bnedmin, il-forniment tal-kura tas-saħħa u r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi u tappoġġja dawn l-inizjattivi biex tiżgura rispons immexxi mill-Amerka Latina;

7. Ifakkar li kwalunkwe intimidazzjoni u attakk fil-konfront tal-popli indiġeni, inklużi l-mexxejja, iridu jitwaqqfu u li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw il-ħarsien tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iħarsu d-drittijiet individwali u kollettivi tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom għall-art;

8. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jniedu investigazzjoni sħiħa u indipendenti dwar il-mewt tal-kaptan tal-armata Rafael Acosta Arévalo;

9. Ifakkar fil-proposti tiegħu biex delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew tintbagħat fuq missjoni ta' tiftix tal-fatti fil-pajjiż, jekk il-kundizzjonijiet ikunu jippermettu; ifakkar fir-rieda tiegħu li jwettaq monitoraġġ tal-proċess elettorali fil-ġejjieni;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

[1] ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

[2] ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

[3] ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

[4] ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

[5] ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

[6] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.

[7] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

[8] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

[9] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

[10] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.

[11] Testi adottati, P8_TA(2019)0327.

[12] ĠU L 276, 7.11.2018, p. 10.

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza