MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
15.7.2019 - (2019/2730(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Dita Charanzová, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, José Ramón Bauzá Díaz, Catherine Bearder, Izaskun Bilbao Barandica, Jordi Cañas, Catherine Chabaud, Olivier Chastel, Dacian Cioloș, Martina Dlabajová, Pascal Durand, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Cristian Ghinea, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Irena Joveva, Pierre Karleskind, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa, Dragoş Pîslaru, Samira Rafaela, Frédérique Ries, Stéphane Séjourné, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans, Marie‑Pierre Vedrenne
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0006/2019
B9‑0010/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela[2], tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil[3], tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4], tal-31 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5] u tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni ta' emerġenza fil-Venezwela[6],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Lulju 2019 dwar il-Venezwela ,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Union għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Venezwela tal-10 ta' Jannar 2019, tas-26 ta' Jannar 2019, tal-24 ta' Frar 2019, tat-28 ta' Marzu 2019, tat-30 ta' April 2019 u tat-18 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar il-Migranti u r-Rifuġjati Venezwelani tat-8 ta' Marzu 2019,
– wara li kkunsidra r-Raba' Laqgħa Teknika Internazzjonali tal-Proċess ta' Quito, li saret fi Buenos Aires fl-4 u l-5 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Grupp ta' Lima tat-30 ta' April 2019,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana, b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fl-20 ta' Mejju 2018 saru b'mod li ma kienx konformi mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;
B. billi fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro użurpa b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali; billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-President ad interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;
C. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Venezwela qed tiddeterjora b'mod gravi mill-elezzjoni ta' Nicolás Maduro fl-2013; billi, bejn l-2018 u l-2019, il-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja ta' ħafna dimensjonijiet fil-Venezwela marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi aktar skarsezzi ta' mediċini u ta' ikel, ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u jisfurzawhom jaħarbu l-pajjiż;
D. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, żaret il-pajjiż bejn id-19 u l-21 ta' Ġunju 2019; billi hija ħeġġet lill-Gvern de facto tal-Venezwela jieħu miżuri immedjati u konkreti biex itemm u jirrimedja l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat fil-pajjiż;
E. billi aktar minn 7 miljun ruħ fil-Venezwela jeħtieġu assistenza umanitarja; billi r-reġim ta' Maduro m'għamel ebda tentattiv serju biex jindirizza l-kriżi umanitarja allarmanti u mifruxa, u għaldaqstant ittraskura r-responsabbiltà li għandu fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess li jipproteġi lin-nies tiegħu u jipprovdi għalihom; billi r-reġim kiser id-dritt għall-ikel, inkluż l-obbligu li l-Istat jiżgura li l-popolazzjoni tkun ħielsa mill-ġuħ; billi, skont in-NU, 3,7 miljun Venezwelan huma malnutriti, b'mod partikolari t-tfal u n-nisa tqal;
F. billi s-sitwazzjoni tal-kura tas-saħħa fil-Venezwela tinsab f'xifer il-kollas, bi sptarijiet neqsin minn membri tal-persunal, provvisti, mediċini u elettriku, sitwazzjoni li wasslet għal tal-anqas 1 557 mewta bejn Novembru 2018 u Frar 2019; billi hemm nuqqas ta' bejn 60 % sa 100 % tad-drogi essenzjali f'erba' bliet ewlenin tal-Venezwela, fosthom Caracas; billi l-imwiet marbuta mal-maternità żdiedu, u billi ħafna nisa kellhom jitilqu mill-pajjiż biex iwelldu; billi mard li kien inqered bħall-malarja, il-marda Chagas, id-dengue, iz-zika, iċ-chikungunya u oħrajn, issa reġa' tfaċċa u nfirex fil-Venezwela bħala riżultat tal-istat terribbli tas-sistema tal-kura tas-saħħa; billi dawn l-epidemiji li sejrin għall-agħar jistgħu jinfirxu lil hinn mill-fruntieri tal-Venezwela u jikkawżaw emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell reġjonali;
G. billi madwar 4 miljun ruħ issa huma maħsuba li telqu mill-pajjiż f'dawn l-aħħar erba' snin, fost nuqqas kbir ta' ikel, mediċini u servizzi bażiċi, vjolenza u kriminalità li sejrin għall-agħar, u repressjoni f'isem ir-reġim; billi din il-migrazzjoni qed tpoġġi pressjoni partikolari fuq il-pajjiżi ġirien, iżda anke, kulma jmur, fuq l-Unjoni Ewropea u t-territorji Ewropej fil-Karibew; billi l-għadd totali ta' Venezwelani li kienu sfurzati jemigraw se jkun qabeż il-5 miljuni sa tmiem l-2019, hekk li din se tkun it-tieni l-akbar kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati fid-dinja;
H. billi 22 membru parlamentari, inkluż il-President tal-Assemblea Nazzjonali, tneħħitilhom l-immunità parlamentari tagħhom; billi tnejn minnhom jinsabu f'detenzjoni filwaqt li 16 oħra fittxew protezzjoni fl-ambaxxati, ħarbu mill-pajjiż jew inħbew;
I. billi kważi 7 000 ruħ sfaw maqtula matul operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Venezwela fl-aħħar sena u nofs; billi skont is-sejbiet tar-rapport maħruġ mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) fl-4 ta' Lulju 2019, l-awtoritajiet qed jużaw il-FAES (il-Forza ta' Azzjonijiet Speċjali tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana) u forzi oħra tas-sigurtà bħala parti mill-politika tagħhom ta' biża' fil-popolazzjoni u li jżommu l-kontroll soċjali; billi l-familji ta' dawk maqtula matul il-protesti għadhom qed jinżammu milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni;
J. billi r-reġim juża t-tortura bħala għodda sistemika ta' intimidazzjoni u ta' kastig lid-dimostranti, hekk li ħoloq klima ta' terrur; billi r-rapport tal-UNHRC sab li s-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence, b'mod partikolari s-SEBIN (is-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan) u d-DGCIM (id-Direttorat Ġenerali ta' Kontrospjunaġġ Militari), spiss irrikorrew għal prattiki bħal dawn; billi l-priġunieri politiċi fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk miżmuma mid-DGCIM, qed ikunu soġġetti għat-tortura f'dan il-mument stess, u bħalissa jinsabu f'iżolament, mingħajr ebda possibbiltà li jagħmlu kuntatt mal-avukati jew mal-membri tal-familja tagħhom, li huma beżgħana dwar ħajjithom u l-integrità fiżika tagħhom;
K. billi, fid-29 ta' Ġunju 2019, Rafael Acosta Arévalo, kaptan navali li safa arrestat u ttorturat fuq allegazzjonijiet ta' komplott ta' qtil kontra Nicolas Maduro, miet waqt li kien detenut; billi rapport post mortem żvelat segretament jissuġġerixxi li huwa kien ġie msawwat u ngħata x-xokkijiet; billi l-ġisem tal-Kaptan Acosta ndifen minn uffiċjali tal-gvern mingħajr il-kunsens ta' familtu;
L. billi, fit-2 ta' Lulju 2019, Rufo Chacón, tifel Venezwelan ta' 16-il sena, tilef il-vista wara li uffiċjali tal-gvern de facto sparawlu f'wiċċu waqt protesta kontra n-nuqqas ta' petrol;
M. billi fis-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f'Settembru 2005, l-Istati Membri kollha aċċettaw uffiċjalment ir-responsabbiltà ta' kull Stat li jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu minn delitti kontra l-umanità; billi l-Istati Membri qablu wkoll li meta Stat ma jwettaqx din ir-responsabbiltà, il-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tipproteġi l-popolazzjoni mhedda b'dawn id-delitti;
1. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President ad interim leġittimu, Juan Guaidó, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni Venezwelana; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li preżentement hija l-uniku korp demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jingħatawlha lura u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-President ad interim leġittimu tal-Venezwela;
2. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi, li qed jipperikolaw b'mod profond ħajjet il-Venezwelani u li l-effetti tagħhom qed jinfirxu wkoll fir-reġjun;
3. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni u l-vjolenza ħorox kontra ċ-ċivili u l-oppożizzjoni demokratika mill-korpi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà, li rriżultaw f'detenzjonijiet arbitrarji, korrimenti u mwiet; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela, kif ukoll jestendi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb ta' dawk milquta;
4. Jenfasizza r-responsabbiltà diretta ta' Nicolás Maduro, kif ukoll tal-forzi armati u tal-intelligence fis-servizz tar-reġim illeġittimu tiegħu, għall-użu indiskriminat tal-vjolenza fir-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u paċifika għar-reġim; jikkundanna l-użu, taħt kwalunkwe ċirkostanza, ta' detenzjonijiet arbitrarji, tortura u qtil extraġudizzjarju, li huma pprojbiti skont konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom;
5. Jikkundanna l-ksur kontra d-dritt għall-ikel u d-dritt għall-kura medika; jappella b'urġenza għad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-ikel, il-mediċini u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lis-servizzi materni u tat-tfal; jistieden lir-reġim ta' Maduro jiftaħ immedjatament passaġġ umanitarju li jippermetti l-għajnuna fil-pajjiż;
6. Jisħaq il-ħtieġa li l-atti kollha ta' persekuzzjoni u ta' repressjoni selettiva għal raġunijiet politiċi jiġu mwaqqfa, ikkundannati pubblikament, ikkastigati u prevenuti; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu s-sikurezza u d-drittijiet ta' dawk kollha li jinsabu fil-kustodja fil-Venezwela, u jeħilsu lill-persuni arrestati b'mod arbitrarju;
7. Jinsab allarmat minħabba l-kriżi migratorja li sejra għall-agħar fir-reġjun kollu; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tikkoopera mal-pajjiżi ġirien li rċevew dawn il-migranti Venezwelani, mhux biss billi tipprovdi assistenza umanitarja, iżda wkoll billi tipprovdi aktar riżorsi permezz tal-politika tal-iżvilupp;
8. Jirrimarka li d-djalogu li għaddej irid ikun ibbażat fuq il-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jinsisti li l-iskop ewlieni tad-djalogu jrid ikun tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli bbażati fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;
9. Ifakkar lil dawk li jeżerċitaw il-poter fil-Venezwela dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu l-popolazzjoni Venezwelana minn, fost affarijiet oħra, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u delitti kontra l-umanità; ifakkar ukoll lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fil-prinċipju tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni" tal-popolazzjoni Venezwelana minn delitti kontra l-umanità mwettqa mill-Istat; ifakkar li dan huwa impenn kollettiv miftiehem mill-Istati Membri tan-NU biex tiġi evitata katastrofi umanitarja b'konsegwenzi akbar; jistieden lill-komunità internazzjonali tevalwa l-possibilitajiet diplomatiċi, umanitarji u paċifiċi kollha, b'mod koordinat u fl-ambitu tan-NU, sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tar-"responsabbiltà ta' protezzjoni";
10. Jistieden lill-Kunsill jimponi sanzjonijiet addizzjonali mmirati lejn assi barranin tal-awtoritajiet tal-istat illeġittimi u dawk l-individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni, u biex jestendi dawn is-sanzjonijiet biex jinkludi l-membri tal-familja ta' dawn tal-aħħar; jemmen li l-awtoritajiet tal-UE jeħtiġilhom jillimitaw il-movimenti ta' dawn l-individwi, kif ukoll tal-eqreb qraba tagħhom, u jiffriżaw l-assi u l-viżi tagħhom; jitlob li l-Kunsill jesplora b'mod urġenti azzjonijiet ekonomiċi ulterjuri, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet fuq il-kumpanija taż-żejt proprjetà tal-Istat Petróleos de Venezuela, S.A. (PDVSA);
11. Ifakkar l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjonijiet tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti u l-atti ta' repressjoni estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan, li wħud minnhom jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jissieħbu fl-inizjattiva ta' diversi Stati Partijiet tal-QKI għall-investigazzjoni tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-gvern de facto ta' Maduro, ħalli dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;
12. Jappoġġja l-inizjattiva li tiġi stabbilita Kummissjoni ta' Inkjesta fi ħdan l-UNHRC li tistabbilixxi r-responsabbiltajiet individwali għall-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela; jappoġġja wkoll l-appell tal-UNHRC li, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jiġi stabbilit mekkaniżmu nazzjonali imparzjali u indipendenti biex jinvestiga l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mwettqa waqt operazzjonijiet tas-sigurtà, sabiex jiżgura li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, u li jagħti rimedju lill-familji tal-vittmi u jipproteġihom kontra l-intimidazzjoni u t-tpattija;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President ad interim leġittimu tar-Repubblika u tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
- [1] ĠU C 463, 21.12.2018, p. 61.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2018)0199.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2018)0313.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2018)0436.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2019)0061.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2019)0327.