MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
12.9.2019 - (2019/2817(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Gunnar Beck
f'isem il-Grupp ID
B9‑0039/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni libera u demokratika espressa mill-poplu Brittaniku fit-23 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[1] u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Ġunju 2016, 51,8 % tal-votanti fir-Renju Unit (17,4 miljun ruħ) ivvotaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea – kważi eżattament l-istess perċentwal ta' voti li bih Ursula von der Leyen ġiet eletta bħala President tal-Kummissjoni Ewropea;
B. billi kwalunkwe obbligu finanzjarju tar-Renju Unit fil-konfront tal-UE, u vice versa, jispiċċa, abbażi tad-dritt internazzjonali, fi tmiem il-perjodu ta' notifika skont l-Artikolu 50, sakemm ma jkunx hemm qbil ieħor;
C. billi r-Renju Unit huwa wieħed mill-akbar kontributuri nett tal-UE, u kien kontributur nett f'kull sena tas-sħubija tiegħu (ħlief fl-1975);
D. billi l-UE hija unjoni doganali b'tariffa esterna komuni u, għaldaqstant, mhijiex żona ta' kummerċ ħieles;
E. billi l-UE hija klabb li għandu l-intenzjoni li jipprovdi benefiċċji lill-Istati Membri tiegħu, u li, madankollu, għandhom id-dritt jitilqu jekk jaħsbu li l-piż tas-sħubija huwa hafna akbar mill-benefiċċji;
F. billi l-kisba ta' ħruġ ordnat ma tiddependix biss mill-attitudni tar-Renju Unit, iżda anki mir-rieda tajba tal-UE u l-atturi li qed jinnegozjaw f'isimha;
G. billi l-ftehim dwar il-ħruġ offrut mill-UE għadu ma ġiex appoġġat minn maġġoranza parlamentari fir-Renju Unit u għaldaqstant naqas milli jsib soluzzjoni għall-possibbiltà ta' ħruġ mhux regolat;
1. Ifakkar li r-rispett għall-prinċipji tad-demokrazija u tad-diversità nazzjonali huwa fost il-valuri kostituttivi tat-Trattati tal-UE;
2. Ifakkar lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE biex ma jinjorawx dawn il-prinċipji u minflok jirrispettaw id-deċiżjoni demokratika magħmula mill-poplu Brittaniku;
3. Jappoġġa bil-qawwa l-idea li tippermetti u tistituzzjonalizza l-kooperazzjoni intergovernattiva fost l-Istati Ewropej kollha – din l-istess kooperazzjoni tabilħaqq hija dik li wasslet għall-ħolqien tal-UE;
4. Jinnota li l-istituzzjonijiet tal-UE ilhom juru interess fl-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha lil hinn mill-idea oriġinali ta' "Ewropa tan-nazzjonijiet", kif ikkonċepita minn Charles de Gaulle;
5. Jemmen li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa ċentrali għall-idea ta' "Ewropa tan-nazzjonijiet" u li dan jista' jikkostitwixxi ostaklu inevitabbli għat-tendenzi mifruxa wisq ta' ċentralizzazzjoni u regolamentazzjoni żejda; jiddispjaċih li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ġie ddisprezzat, sovvertit u mxejjen mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi mġedded; jappella biex ċerti kompetenzi jiġu mogħtija lura lill-Istati Membri;
6. Jilqa' t-tradizzjonijiet demokratiċi vibranti f'ċerti Stati Membri, li jenfasizzaw rispons kontra t-tendenza mhix adatta taċ-ċentralizzazzjoni;
7. Iqis li r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit jirrappreżenta għażla leġittima ta' Stat Membru li jirrifjuta "unjoni dejjem aktar magħquda";
8. Jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mhuwiex biss ta' benefiċċju għar-Renju Unit iżda anki għall-Istati Membri kollha, billi jagħmilha ċara li s-sħubija fl-UE mhijiex inevitabbli u li hija għażla demokratika meħuda fil-livell nazzjonali;
9. Jemmen li kull arranġament ġdid bejn ir-Renju Unit, li se joħroġ, u l-bqija tal-Unjoni Ewropea għandu jkun reċiproku, inkella jinħoloq sens ta' riżentiment u jinqalgħu problemi fil-ġejjieni;
10. Jiddubita li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ġie abbozzat b'mod li jiżgura r-reċiproċità bejn l-UE u r-Renju Unit; jisħaq li n-nuqqas ta' ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mill-House of Commons u l-inkapaċità li tinstab maġġoranza parlamentari huma indikazzjoni ċara li l-Ftehim ma jirriflettix b'mod adegwat l-interessi tar-Renju Unit;
11. Għaldaqstant, jirrispetta l-intenzjoni dikjarata ta' Boris Johnson li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim dwar il-ħruġ bħala miżura aħħarija;
12. Jisħaq li kważi kwalunkwe ftehim dwar il-ħruġ miftiehem b'mod reċiproku kien ikun aktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi u għall-intrapriżi fl-UE;
13. Jirrimarka li n-nuqqas ta' negozjar ta' ftehim dwar il-ħruġ aċċettat b'mod reċiproku, ipperikola l-benesseri ekonomiku ta' miljuni ta' persuni fl-UE; għaldaqstant, iqis li l-aġenti responsabbli għan-negozjar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom jinżammu responsabbli jekk il-partijiet jonqsu milli jikkonkludu ftehim dwar il-ħruġ li jkun aċċettat b'mod reċiproku; jappella għar-riżenja immedjata ta' Michel Barnier, li, bħala n-negozjatur tal-UE għall-Brexit, ikkawża xhur ta' inċertezza ekonomika u politika li għamlet il-ħsara bit-tattiki ta' negozjar intransiġenti u antagonistiċi tiegħu;
14. Jibqa' xettiku fir-rigward tal-benefiċċji li tista' ġġib magħha estensjoni oħra;
15. Jenfasizza li r-riżultati tar-referendum urew biċ-ċar ir-rieda tal-poplu Brittaniku li joħroġ mill-UE; iqis li anke xenarju ta' ebda ftehim u bidla għar-regoli tad-WTO fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u r-Renju Unit ikunu aħjar milli tiġi injorata r-rieda tal-poplu;
16. Jinsisti li n-negozjar ta' ftehim futur dwar il-forom ġodda ta' kooperazzjoni amikevoli bejn l-UE u r-Renju Unit m'għandux jiddewwem aktar sabiex tali ftehim ikun jista' jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.