Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0043/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0043/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi

16.9.2019 - (2019/2800(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B‑90051/2019
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Anthea McIntyre, Bert-Jan Ruissen, Veronika Vrecionová, Ruža Tomašić
f'isem il-Grupp ECR B9-0043/2019

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0040/2019

Proċedura : 2019/2800(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0043/2019
Testi mressqa :
B9-0043/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi

(2019/2800(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti[1] u tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali[2],–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[3], b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi m'għandhomx jingħataw privattiva,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikoli 53(b) u 33(b)tagħha,

 wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2016 dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[4],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2017 dwar l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tad-29 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Privattivi (CA/D 6/17),

 wara li kkunsidra r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP, b'mod partikolari l-Artikoli 26 u 28(2) tagħhom, li jiddikjaraw li għal applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej u privattivi li jikkonċernaw invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-Direttiva 98/44/KE għandha tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari (l-Artikolu 26),

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP dwar l-għoti ta' privattiva għall-pjanti tat-18 ta' Diċembru 2018 (il-Każ T 1063/18),

 wara li kkunsidra r-rinviju ta' punt ta' liġi tal-Bord tal-Appell Estiż mill-President tal-UEP f'Marzu 2019,

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità (minn hawn 'il quddiem ir-"Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94")[5], b'mod partikolari l-Artikolu 15(c) u (d) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ, inkluż il-Kummerċ ta' Prodotti Ffalsifikati (TRIPS), b'mod partikolari l-Artikolu 27(3) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-għoti ta' privattiva għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi (O-000026/2019 – B9-0051/2019),

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-aċċess mingħajr ostakli għall-materjal tal-pjanti (inklużi l-karatteristiċi tal-pjanti) huwa essenzjali għall-kapaċità innovattiva tas-settur Ewropew tat-tnissil tal-pjanti, għall-kompetittività globali tiegħu u l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' pjanti ġodda sabiex tiġi garantita sigurtà globali tal-ikel, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, filwaqt li fl-istess ħin jiġu provduti aktar opportunitajiet għall-SMEs;

B. billi kwalunkwe restrizzjoni jew tentattiv ta' tfixkil ta' aċċess għal riżorsi ġenetiċi tista' twassal għal konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq fil-qasam tat-tnissil tal-pjanti għad-detriment tal-kompetizzjoni tas-suq, tal-konsumaturi u tas-suq intern Ewropew;

C. billi t-tnissil tal-pjanti huwa proċess innovattiv li ġie pprattikat minn bdiewa u komunitajiet tal-biedja sa mit-twelid tal-agrikoltura; billi l-varjetajiet mingħajr privattiva u l-metodi tat-tnissil huma importanti għad-diversità ġenetika;

D. billi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma importanti għas-salvagwardja tal-inċentivi ekonomiċi biex jiġu żviluppati prodotti tal-pjanti ġodda u tiġi promossa l-kompetittività;

E. billi d-Direttiva 98/44/KE tilleġiżla favur l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b'mod partikolari l-inġinerija ġenetika;

F. billi fl-Avviż tagħha tat-8 ta' Novembru 2016 il-Kummissjoni kkonkludiet li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattiva prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

G. billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-3 ta' Frar 2017 aċċetta l-Avviż tal-Kummissjoni; billi l-leġiżlaturi kollha tal-UE involuti għamluha espliċitament ċara li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattiva prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

H. billi l-privattivi fuq prodotti derivati mit-tnissil konvenzjonali jew fuq materjal ġenetiku meħtieġ għat-tnissil konvenzjonali jikkompromettu l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 53(b) tal-KEP u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE;

I. billi fid-29 ta' Ġunju 2017 il-Kunsill Amministrattiv tal-UEP emenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-UEP[6] u ddetermina li l-privattivi għal pjanti u annimali huma projbiti;

J. billi t-38 Stat Kontraenti tal-KEP ikkonfermaw li l-liġi u l-prassi nazzjonali tagħhom huma allinjati biex jeskludu b'mod effettiv prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-għoti ta' privattiva;

K. billi fil-5 ta' Diċembru 2018 il-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP ikkontesta l-validità tal-Artikolu 28(2) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-KEP[7];

L. billi f'Marzu 2019 il-President tal-UEP għamel referenza għal żewġ punti ta' liġi lill-Bord tal-Appell Estiż dwar l-għoti ta' privattiva għall-pjanti u l-annimali miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

M. billi huwa prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991, u tas-sistema tal-UE bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, li d-detentur ta' dritt ta' varjetà ta' pjanta ma jistax iwaqqaf lil oħrajn milli jużaw il-pjanta protetta għal attivitajiet oħra ta' tnissil;

1. Itenni li l-varjetajiet tal-pjanti, minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi kif ukoll bħala prodotti miksuba minn tali proċessi, m'għandhom bl-ebda mod jingħataw privattiva, skont id-Direttiva 98/44/KE u l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE;

2. Iqis li kwalunkwe tentattiv biex tingħata privattiva lil prodotti derivati mit-tnissil konvenzjonali jew minn materjal ġenetiku meħtieġ għat-tnissil konvenzjonali jikkompromettu l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 53(b) tal-KEP u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE;

3. Jilqa' l-Avviż tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2016 li jiċċara li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattiva prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi; jilqa' l-fatt li l-Istati Kontraenti tal-KEP allinjaw il-liġi u l-prassi tagħhom, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-UEP li tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira tal-Artikolu 53(b) KEP dwar eċċezzjonijiet għall-għoti ta' privattiva permezz tal-Artikolu 28(2) KEP;

4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li d-deċiżjoni tal-Bord Tekniku tal-Appell tal-UEP tal-5 ta' Diċembru 2018 tikkontesta l-validità tal-Artikolu 28(2) KEP li kienet adottata mill-Kunsill Amministrattiv tal-UEP u dan qed iwassal għal prolongazzjoni bla ħtieġa tal-inċertezza dwar esklużjonijiet mill-għoti ta' privattiva ta' dawn il-prodotti;

5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq nota amicus curiae lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP qabel l-1 ta' Ottubru 2019 li tikkonferma l-konklużjonijiet tagħha imniżżla fl-Avviż 2016 tal-Kummissjoni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattiva prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u biex jannetti din ir-riżoluzzjoni ma' din id-dikjarazzjoni;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tipproteġi l-kapaċità innovattiva tas-settur Ewropew tat-tnissil tal-pjanti u l-interess pubbliku ġenerali fil-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP, u sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-leġiżlazzjoni dwar il-privattivi u d-drittijiet tal-varjetà tal-pjanti, kif ukoll biex perjodikament tirraporta dwar l-aħħar żviluppi lill-Parlament;

7. Isejjaħ b'mod urġenti lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP jikkonferma mingħajr dewmien il-validità tal-Artikolu 28(2) KEP u sabiex jerġa' jistabbilixxi ċ-ċertezza legali fl-interess tal-utenti tas-sistema Ewropea tal-privattivi, għal dawk li jnisslu l-pjanti, il-bdiewa u l-pubbliku;

8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Unjoni tissalvagwardja b'mod effettiv aċċess garantit għall-materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi għat-tnissil tal-pjanti u għall-użu tagħhom sabiex – fejn applikabbli – ma tinterferixxix mal-prattiki li jiggarantixxu l-eżenzjoni għal dawk li jnisslu l-pjanti;

9. Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod attiv ma' pajjiżi terzi meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ u ta' sħubija, bl-għan li tiġi żgurata l-esklużjoni ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi u tal-prodotti tagħhom mill-għoti ta' privattiva;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tad-dritt tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif meħtieġ skont l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 fuq il-privattivi u d-drittijiet ta' dawk li jnisslu l-pjanti, u sabiex tkompli tanalizza kwistjonijiet relatati mal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tal-privattivi;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni bħala dikjarazzjoni bil-miktub lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP sal-1 ta' Ottubru 2019, u biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza