MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi
16.9.2019 - (2019/2800(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Paolo De Castro
f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0040/2019
B9‑0044/2019
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[3], li tistabbilixxi l-prinċipji dwar l-għoti ta' privattivi għall-ġisem tal-bniedem u tal-partijiet tiegħu, għall-annimali u għall-pjanti, b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li ma jistgħux jingħataw privattivi għall-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħhom, li jiddikjara li għal applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej u privattivi li jikkonċernaw invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-Direttiva 98/44/KE għandha tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tad-29 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (CA/D 6/17),
– wara li kkunsidra r-rinviju ta' punt ta' liġi lill-Bord tal-Appell Estiż mill-President tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (l-Artikolu 112(1)(b) tal-KEP),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-privattiva tal-pjanti u l-proċessi bijoloġiċi essenzjali (O-000026/2019 – B8‑0051/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-aċċess għal materjal bijoloġiku għat-tnissil tal-pjanti u tal-annimali huwa assolutament neċessarju biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u biex jiġu żviluppati varjetajiet u razez ġodda sabiex tiġi garantita s-sigurtà globali tal-ikel u jiġu evitati monopolji fis-setturi tat-tnissil tal-annimali u tal-pjanti, waqt li fl-istess ħin l-SMEs u l-bdiewa jingħataw aktar opportunitajiet;
B. billi l-bdiewa u min inissel iż-żrieragħ jeħtieġu aċċess sempliċi għall-materjal għat-tnissil tal-pjanti f'kundizzjonijiet lokali u ultra lokali biex tittejjeb ir-reżiljenza minħabba l-effetti tat-tibdil tal-klima fuq it-temp u fuq id-disponibbilità tal-ilma, kif ukoll theddid minn parassiti ġodda u mard tal-pjanti ġdid;
C. billi t-tnissil tal-pjanti u tal-annimali huwa proċess li ilu jintuża – u għadu jintuża – mill-bdiewa u mill-komunitajiet tal-biedja sa mill-ħolqien tal-agrikoltura, u billi l-varjetajiet u l-metodi ta' tnissil mingħajr privattiva huma importanti għad-diversità ġenetika;
D. billi l-privattivi jistgħu jingħataw fil-qasam tal-inġinerija ġenetika, iżda l-projbizzjoni tal-privattivi fuq varjetajiet ta' pjanti u annimali trid tiġi mħarsa;
E. billi l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, bħal pjanti, żrieragħ u karatteristiċi u ġeni awtoktoni, għandhom jiġu esklużi mill-għoti ta' privattivi;
F. billi d-Direttiva 98/44/KE tilleġiżla għall-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b'mod partikolari l-inġinerija ġenetika, iżda billi ma kienitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jippermetti l-għoti ta' privattivi għall-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva;
G. billi għadd kbir ta' applikazzjonijiet fir-rigward ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi attwalment qegħdin jistennew deċiżjoni mill-UEP; billi hemm ħtieġa urġenti li l-UEP jiċċara r-regoli tiegħu f'dan ir-rigward;
H billi sal-1 ta' Ottubru 2019 partijiet terzi jistgħu jibagħtu osservazzjonijiet lill-Bord tal-Appell Estiż dwar il-kwistjoni tal-mistoqsijiet mibgħuta lilu mill-President tal-UEP li jfittxu kjarifika legali dwar il-kwistjoni tal-għoti ta' privattivi għall-proċessi essenzjalment bijoloġiċi;
1. Jesprimi tħassib profond rigward id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Tekniku tal-UEP dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti tal-5 ta' Diċembru 2018 (T 1063/18) li tiddikjara l-possibbiltà li jingħataw privattivi fir-rigward ta' karatteristiċi naturali introdotti f'varjetajiet ġodda permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi bħall-inkroċjar u s-selezzjoni;
2. Iqis li r-regoli interni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UEP ma jistgħux jimminaw il-kontroll politiku demokratiku tal-liġi Ewropea dwar il-privattivi u l-interpretazzjoni tagħha jew l-intenzjoni tal-leġiżlatur kif iċċarat mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar ċertu artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi[4];
3. Jistieden lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP jikseb mill-ġdid iċ-ċertezza tad-dritt tas-sistema Ewropea tal-privattivi, fl-interess tal-utenti u tal-pubbliku, billi jwieġeb affermattivament għaż-żewġ mistoqsijiet imressqa fir-rinviju ta' punt legali lill-Bord tal-Appell Estiż mill-President tal-UEP (Artikolu 112(1)(b) tal-KEP);
4. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-osservazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet neċessarji biex tafferma mill-ġdid taħt il-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP li l-ebda privattiva ma għandha tingħata għall-prodotti ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi bħall-inkroċjar u s-selezzjoni, pereżempju dwar karatteristiċi naturali li jiġu introdotti fil-pjanti permezz ta' tali proċessi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tibgħat l-osservazzjonijiet lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP fiż-żmien debitu fir-rigward tal-Każ G3/19 dwar l-għoti ta' privattivi għal pjanti miksuba esklużivament permezz ta' proċess bijoloġiku essenzjali, b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Avviż tiegħu imsemmi hawn fuq;
6. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-esklużjoni tal-għoti ta' privattivi għall-proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kuntest ta' diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-liġi multilaterali dwar il-privattivi;
7. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-esklużjoni tal-għoti ta' privattivi għall-proċessi essenzjalment bijoloġiċi u l-prodotti tagħhom meta jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet kummerċjali u ta' sħubija ma' pajjiżi terzi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Unjoni tissalvagwardja l-aċċess garantit għall-materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi għat-tnissil tal-pjanti u l-użu ta' tali materjal, sabiex – meta jkun applikabbli – ma tinterferixxix ma' prattiki li jiggarantixxu l-eżenzjoni għal min inissel;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta fuq l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tal-liġijiet tal-privattivi fuq il-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif jirrikjedi l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif irrikjeda l-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali u tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.