MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus
16.9.2019 - (2019/2820(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Markus Ferber, Roberta Metsola, Emil Radev
f'isem il-Grupp PPE
Jonás Fernández, Birgit Sippel
f'isem il-Grupp S&D
Luis Garicano, Sophia in ’t Veld
f'isem il-Grupp Renew
Sven Giegold, Terry Reintke, Tineke Strik, Rasmus Andresen, Henrike Hahn, Viola Von Cramon‑Taubadel, Gwendoline Delbos‑Corfield, Alexandra Louise Rosenfield Phillips, Kira Marie Peter‑Hansen, Damien Carême, Salima Yenbou, Bronis Ropė
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Martin Schirdewan, Manon Aubry, Matt Carthy, Nikolaj Villumsen, Dimitrios Papadimoulis, Miguel Urbán Crespo, Stelios Kouloglou, Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Sabrina Pignedoli, Piernicola Pedicini
B9‑0045/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE[1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)[2], u kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI[4], id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali[5] u r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005[6],
– wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-Flus tal-Kummissjoni, adottat fl-24 ta' Lulju 2019, li jikkonsisti f'komunikazzjoni politika bl-isem "Fit-Triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (COM(2019)0360), ir-rapport dwar l-evalwazzjoni ta' każijiet reċenti allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE ("post-mortem") (COM(2019)0373), ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali) (COM(2019)0370) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2019)0650), u r-rapport dwar l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta' data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji (COM(2019)0372),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar komunikazzjonijiet lil entitajiet taħt superviżjoni rigward ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'superviżjoni prudenzjali, ippubblikata fl-24 ta' Lulju 2019,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' Pajjiżi Terzi b'Riskju Kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu",
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018 dwar il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 (SWD(2018)0362),
– wara li kkunsidra l-erba' Regolamenti Delegati adottati mill-Kummissjoni – (UE) 1675/2016, (UE) 2018/105, (UE) 2018/212 u (UE) 2018/1467 – li jissupplementaw id-Direttiva 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus[7];
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa[8],
– wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tal-5 ta' Settembru 2019 fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji mal-Awtorità Bankarja Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) issaħħaħ progressivament permezz tal-adozzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'Mejju 2015 u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'April 2018 u d-dati rispettivi tagħhom ta' traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sa Ġunju 2017 u Jannar 2020, u permezz ta' leġiżlazzjoni u azzjonijiet oħra ta' akkumpanjament;
B. billi, skont l-Europol, sa 0.7-1.28 % tal-PDG tal-Unjoni "jiġi identifikat bħala involut f'attività finanzjarja suspettuża"[9] bħall-ħasil tal-flus konness mal-korruzzjoni, it-traffikar tal-armi, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar ta' drogi, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi, il-finanzjament tat-terroriżmu jew attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;
C. billi skont l-Artikolu 9 tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir, filwaqt li tqis id-defiċjenzi strateġiċi f'diversi oqsma; billi l-Parlament jappoġġja l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' metodoloġija ġdida li ma tiddependix biss fuq sorsi esterni ta' informazzjoni biex jiġu identifikati pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi fir-rigward tal-AML u s-CTF, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom huma meħtieġa miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'entitajiet tal-UE marbutin b'obbligu skont ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;
D. billi t-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li kellha effett mill-15 ta' Diċembru 2007, tħassret bl-adozzjoni tar-ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus; billi l-implimentazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, inklużi s-setgħa u l-persunal adegwati tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma ġietx ivverifikata b'mod xieraq fil-passat u għandha titqies bħala prijorità għal kontrolli kontinwi ta' kompletezza u korrettezza u proċeduri ta' ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;
E. billi l-Kunsill u l-Parlament irrifjutaw tliet regolamenti delegati emendatorji proposti[10] fuq il-bażi li jew il-proposti ma kinux stabbiliti fi proċess trasparenti u reżiljenti li b'mod attiv jinċentiva lill-pajjiżi affettwati biex jieħdu azzjoni deċiżiva filwaqt li jiġi rispettat ukoll id-dritt tagħhom li jinstemgħu, jew li l-proċess tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli ma kienx awtonomu biżżejjed;
F. billi fit-13 ta' Frar 2019 il-Kummissjoni adottat lista ġdida ta' 23 pajjiż terz b'defiċjenzi strateġiċi fl-oqfsa finanzjarji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu taħt il-metodoloġija l-ġdida, jiġifieri l-Afganistan, is-Samoa Amerikana, il-Bahamas, il-Botswana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guam, l-Iran, l-Iraq, il-Libja, in-Niġerja, il-Pakistan, il-Panama, Puerto Rico, is-Samoa, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, is-Sirja, it-Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u l-Jemen; billi fis-7 ta' Marzu 2019 il-Kunsill irrifjuta l-att delegat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni;
G. billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu b'mod xieraq ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali;
H. billi fl-24 ta' Lulju 2019 il-Kummissjoni adottat pakkett AML, filwaqt li infurmat lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-kisbiet aġġornati u n-nuqqasijiet li kien għad fadal fil-qafas AML/CTF tal-Unjoni, u b'hekk wittiet it-triq għal aktar titjib fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal riformi leġiżlattivi u istituzzjonali possibbli fil-futur;
I. billi matul l-iskambju ta' fehmiet li sar mal-Kummissjoni u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 ta' Settembru 2019, il-President tal-EBA, José Manuel Campa, iddikjara li l-EBA ma kinitx superviżur fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, iżda pjuttost awtorità b'mandat biex tipprovdi linji gwida biex tippromwovi l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni, kif ukoll biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni AML; billi huwa ssottolinja wkoll li r-responsabbiltà ċentrali għall-implimentazzjoni kienet tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali;
J. billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2019 bl-isem "Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu", tista' tingħata kunsiderazzjoni għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju billi d-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tinbidel f'Regolament, li joffri l-potenzjal li jiġi stabbilit qafas regolatorju tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus applikabbli direttament;
K. billi, skont il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, il-valutazzjonijiet juru ħtieġa għal mekkaniżmu aktar b'saħħtu il-kooperazzjoni u l-analiżi transfruntiera mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jiġu kkoordinati u appoġġjati.
1. Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus minn numru kbir ħafna ta' Stati Membri; jilqa', għalhekk, il-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri abbażi ta' dak li rriżultalha mill-kontrolli tal-kompletezza; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza kemm jista' jkun malajr kontrolli għal korrettezza bir-reqqa u tiftaħ proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod xieraq ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom malajr kemm jista' jkun;
2. Jinsab imħasseb li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tal-10 ta'Jannar 2020, u l-iskadenzi rispettivi għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħrajn u l-10 ta' Marzu 2020 għal trusts u arranġamenti legali simili, mhux se jiġu rrispettati mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex iħaffu l-proċess ta' traspożizzjoni;
3. Japprezza r-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Ksur tad-Dritt tal-Unjoni tal-EBA, kif indirizzata matul l-iskambju ta' fehmiet mal-President tal-EBA José Manuel Campa, li sar fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 Settembru 2019, dwar il-każ tal-ħasil tal-flus tad-Danske Bank, li sal-lum huwa l-akbar każ magħruf ta' dan it-tip fl-UE, li kien jinvolvi tranżazzjonijiet suspettużi li jiswew 'il fuq minn EUR 200 biljun; jiddispjaċih li s-superviżuri tal-Istati Membri bħala l-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, irrifjutaw proposta għal rakkomandazzjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' ssegwi l-każ u tagħti bidu għal proċedura ta' ksur jekk ikun iġġustifikat;
4. Huwa estremament imħasseb dwar il-frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam AML/CTF, li mhuwiex addattat għall-attività transfruntiera dejjem tikber fl-Unjoni u s-superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Bankarja u setturi oħra mhux bankarji;
5. Jenfasizza li l-qafas kurrenti AML/CTF tal-UE jbati minn nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; jenfasizza li ġie ssottolinjat ripetutament li l-leġiżlazzjoni bi "standards minimi" dwar l-AML/CTF tista' tkun ta' riskju għal superviżjoni effettiva, skambju mingħajr xkiel ta' informazzjoni u koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest ta' valutazzjoni tal-impatt meħtieġa għal kwalunkwe reviżjoni futura tal-leġiżlazzjoni AML, jekk regolament ikunx att ġuridiku aktar xieraq minn direttiva;
6. Jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE, u b'mod partikolari l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) tal-Istati Membri, kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, fil-futur qrib, twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tevalwa l-possibbiltà u l-adegwatezza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ; iqis li għandu jingħata impetu akbar għall-inizjattivi li jistgħu jinfurzaw azzjonijiet AML/CTF fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;
7. Jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport post-mortem tagħha tal-24 ta' Lulju 2019, li kompiti speċifiċi ta' sorveljanza tal-ħasil tal-flus jistgħu jingħataw lil korp tal-Unjoni;
8. Iqis li sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, il-proċess ta' skrinjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet m'għandux jiġi affettwat minn kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tad-defiċjenzi AML/CTF; jissottolinja li l-lobbjar u l-pressjoni diplomatika ma għandhomx jimminaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jindirizzaw il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod li huwa marbut mal-UE b'manjiera effettiva u awtonoma; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tiġi stabbilita "lista griża" ta' pajjiżi terzi potenzjalment b'riskju kbir fuq bażi analoga għall-approċċ tal-Unjoni fl-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tul tal-perjodu ta' tnax-il xahar li jwassal għall-valutazzjoni finali fl-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'defiċjenzi strateġiċi jista' jirriżulta f'dewmien żejjed għal azzjoni AML/CTF effettiva;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess trasparenti b'parametri referenzjarji ċari u konkreti għall-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet inizjali u finali tagħha tal-pajjiżi elenkati, kif ukoll il-parametri referenzjarji applikati sabiex tiżgura skrutinju pubbliku b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu abbużati;
10. Jitlob li aktar riżorsi finanzjarji u umani jiġu allokati għall-unità rilevanti tad-Direttorat Ġenerali kompetenti, u jilqa' ż-żieda fir-riżorsi dedikati għall-EBA;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (it-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).
- [2] ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
- [3] ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
- [4] ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.
- [5] ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22.
- [6] ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6.
- [7] Test adottati, P8_TA(2019)0216.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
- [9] Ir-rapport tal-Grupp tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol "From suspicion to action" (2017).
- [10] C(2019)1326, C(2016)07495 u C(2017)01951.