MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
17.9.2019 - (2019/2819(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Michael Gahler, Andrius Kubilius, Rasa Juknevičienė, Željana Zovko, David McAllister, Antonio Tajani, Sandra Kalniete, Traian Băsescu, Radosław Sikorski, Andrzej Halicki, Andrey Kovatchev, Ewa Kopacz, Kinga Gál, Vangelis Meimarakis, Lukas Mandl, György Hölvényi, Alexander Alexandrov Yordanov, Andrea Bocskor, Inese Vaidere, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Vladimír Bilčík, Ivan Štefanec
f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0097/2019
B9-0097/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar it-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju ta' tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropea fit-8 ta' Mejju 1945[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[2],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjioni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu, adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[4],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2010 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa (COM(2010)0783),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Varsavja tat-23 ta' Awissu 2011, fl-okkażjoni tal-Jum ta' Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-23 ta' Awissu 2018 mir-rappreżentanti tal-gvern ta' tmien Stati Membri tal-UE b'kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Komuniżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar id-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi din is-sena, l-2019, timmarka t-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, li ħolqot tbatija umana fuq skala mingħajr preċedent u wasslet għall-okkupazzjoni ta' pajjiżi fl-Ewropa għal għexieren ta' snin sussegwenti;
B. billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika Komunista u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, u b'hekk qasmu l-Ewropa u t-territorji ta' stati indipendenti fi sferi ta' interess bejn iż-żewġ reġimi totalitarji u wittew it-triq biex tfaqqa' t-Tieni Gwerra Dinjija;
C. billi b'konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, li kien segwit bit-Trattat dwar il-Konfini u l-Ħbiberija bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-28 ta' Settembru 1939, ir-Repubblika Pollakka ġiet invaża l-ewwel minn Hitler u ġimagħtejn wara minn Stalin, u dan wassal għat-telfa deċiżiva tal-indipendenza Pollakka u t-traġedja bla preċedent tan-nazzjon Pollakk; billi, bħala konsegwenza addizzjonali, fit-30 ta' Novembru 1939 l-Unjoni Sovjetika Komunista bdiet gwerra aggressiva kontra l-Finlandja u f'Ġunju 1940 okkupat u annessat partijiet mir-Rumanija (territorji li qatt ma ġew ritornati) u annessat bil-forza r-Repubbliki indipendenti tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja;
D. billi bħala alleat u sieħeb tal-Ġermanja Nazista, l-Unjoni Sovjetika Komunista kkontribwixxiet politikament u ekonomikament għall-konkwista tal-Ewropa tal-Punent ta' Hitler billi pprovdiet lill-Ġermanja, matul l-ewwel 22 xahar tal-gwerra, b'żona sigura fuq in-naħa ta' wara, prodotti strateġiċi diversi inklużi ż-żejt u l-qamħ, u appoġġ politiku billi ordnat, pereżempju, lill-komunisti Franċiżi biex ma jopponux l-invażjoni Nazista;
E. billi l-għan strateġiku tal-mexxejja tal-Kremlin kien l-avvanz tar-rivoluzzjoni komunista globali billi jinstigaw gwerra bejn il-Ġermanja Nazista u l-alleati tal-Punent sabiex iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jdgħajfu lil xulxin sakemm ikunu suxxettibbli biżżejjed għas-sovjetizzazzjoni – pjanijiet li Stalin ippreżenta b'mod sigriet lill-Politburo fid-19 ta' Awwissu 1939;
F. billi wara t-telfa tar-reġim Nazista u t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, xi pajjiżi Ewropej gawdew mir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-gwerra, filwaqt li oħrajn baqgħu taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittatorjati Komunisti għal nofs seklu u komplew jiġu mċaħħda mil-libertà, mis-sovranità, mid-dinjità, mid-drittijiet tal-bniedem u mill-iżvilupp soċjoekonomiku;
G. billi d-delitti tar-reġim Nazista ġew ipproċessati u kkastigati fil-proċess ta' Nuremberg; billi għad hemm ħtieġa urġenti ta' sensibilizzazzjoni kompluta u evalwazzjoni morali u legali tad-delitti mwettqa mill-Istaliniżmu u mid-dittatorjati Komunisti;
H. billi f'xi Stati Membri tal-UE, ir-reġim Komunist ġie ddikjarat bħala "reġim kriminali" bil-liġi, u l-Partit Komunista, "organizzazzjoni kriminali";
I. billi l-proċess ta' tkabbir tal-UE tal-2004, li involva xi pajjiżi Ewropej li kienu sofrew taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittatorjati Komunisti, fisser ir-ritorn ta' dawk il-pajjiżi fil-familja Ewropea, fejn jappartjenu;
J. billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u r-rikonoxximent u s-sensibilizzazzjoni tal-legat Ewropew kondiviż ta' delitti mwettqa minn dittatorjati Komunisti, Nazisti u oħrajn huwa ta' importanza vitali għall-unità tal-Ewropa u għall-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid estern tal-lum;
K. billi fir-riżoluzzjoni storika tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja adottata fit-13 ta' Jannar 1983[5] b'reazzjoni għall-Appell Baltiku ta' 45 ċittadin minn dawn il-pajjiżi, il-Parlament Ewropew ikkundanna l-fatt li l-okkupazzjoni ta' dawk l-istati, li preċedentement kienu indipendenti u newtrali, mill-Unjoni Sovjetika seħħet fl-1940 wara li ġie ffirmat il-Patt Molotov-Ribbentrop, u kompliet sa dak il-jum;
L. billi 30 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1989, ġie mfakkar il-50 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-vittmi tar-reġimi totalitarji ġew imfakkra fil-"Katina Baltika", demostrazzjoni bla preċedent minn żewġ miljun Litwan, Latvjan u Estonjan li żammew id xulxin biex iffurmaw katina ta' bnedmin li għaddiet mit-tliet nazzjonijiet tagħhom, minn Vilnius, sa Riga u Tallinn;
1. Jisħaq fuq il-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aktar gwerra devastanti fl-istorja tal-Ewropa, inbdiet b'riżultat dirett tat-Trattat ta' Non-Aggressjoni bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-23 ta' Awwissu 1939, magħruf ukoll bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, fejn żewġ reġimi totalitarji li kellhom l-objettiv komuni li jaħkmu d-dinja qasmu l-Ewropa f'żewġ żoni ta' influwenza;
2. Ifakkar li fis-seklu 20, ir-reġimi Nazisti u Komunisti ġabu magħhom qtil tal-massa, ġenoċidju, deportazzjonijiet u telf ta' ħajja fuq skala li s'issa qatt ma dehret fl-istorja tal-bniedem; ifakkar fid-delitt orribbli tal-Olokawst imwettaq mir-reġim Nazista;
3. Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għal kull vittma ta' dawn ir-reġimi totalitarji u jistieden lill-istituzzjonijiet u l-atturi Ewropej kollha biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw it-tifkira u l-ipproċessar debitu tad-delitti totalitarji orribbli u tal-ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiggarantixxu li tali delitti qatt ma jiġu ripetuti;
4. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atti ta' aggressjoni, id-delitti kontra l-umanità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala kbira mwettqa mir-reġimi totalitarji Nazisti u Komunisti;
5. Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu ġudizzju ċar u bi prinċipju tad-delitti u l-atti ta' aggressjoni mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti u mir-reġim Nazista;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-popolarità tal-movimenti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem fl-Istati Membri;
7. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkommemoraw it-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-vittmi ta' reġimi totalitarji kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-gvern, u biex joħolqu sensibilizzazzjoni fost il-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa, billi jiżguraw li l-istorja u l-analiżi tal-konsegwenzi tar-reġimi totalitarji jiġu inklużi fil-kurrikuli u fil-kotba akkademiċi tal-iskejjel Ewropej kollha;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ effettiv għal proġetti li jippromwovu tifkira u memorja storika fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropej, u biex talloka riżorsi finanzjarji adegwati taħt il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tappoġġa t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitarjaniżmu;
9. Jirrimarka li fid-dawl tal-adeżjoni tagħhom mal-UE u man-NATO, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa Ċentrali mhux biss irritornaw fil-familja Ewropea ta' pajjiżi ħielsa u demokratiċi, iżda wrew ukoll suċċess bla preċedent, bl-għajnuna tal-UE, fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-introduzzjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku; jenfasizza, madankollu, li l-proġett Ewropew ta' paċi u integrazzjoni mhux se jkun komplut sakemm il-pajjiżi Ewropej kollha li jagħżlu t-triq tar-riformi Ewropej, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, isiru membri sħaħ tal-UE;
10. Iqis li s-suċċess tal-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova, li jista' jiġi żgurat biss permezz tal-proċess tal-integrazzjoni tagħhom fl-UE, se jkun l-istrument l-aktar qawwi, bis-saħħa ta' preċedent, biex titrawwem trasformazzjoni pożittiva fir-Russja, li mbagħad, min-naħa tagħha, tippermetti lir-Russja biex finalment tegħleb il-konsegwenzi traġiċi tal-Patt Molotov-Ribbentrop;
11. Isostni li r-Russja għadha l-akbar vittma tat-totalitarjaniżmu Komunista u li l-iżvilupp tagħha fi stat demokratiku se jkompli jiġi mxekkel sakemm il-gvern, l-elite politiku u l-propoganda politika jkomplu jgħattu d-delitti Komunisti u jigglorifikaw ir-reġim totalitarju Sovjetiku; jitlob, għalhekk, li l-oqsma kollha tas-soċjetà Russa jaċċettaw l-imgħoddi traġiku tagħhom;
12. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-isforzi mwettqa mit-tmexxija attwali tar-Russja favur it-tgħawwiġ ta' fatti storiċi u biex jitgħattew id-delitti mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku; iqis dawn it-tentattivi bħala komponent perikoluż tal-gwerra ta' informazzjoni li qed issir kontra l-Ewropa demokratika u li għandha l-objettiv li taqsam il-kontinent tagħna; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiġġieled dawn l-isforzi b'mod deċiżiv;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-użu kontinwu tas-simboli tar-reġim totalitarju Komunist fl-ispazji pubbliċi u għal skopijiet kummerċjali, filwaqt li jfakkar li għadd ta' pajjiżi Ewropej ipprojbixxew l-użu ta' simboli kemm Nazisti kif ukoll Komunisti;
14. Jinnota li l-eżistenza kontinwa fl-ispazji pubbliċi (parks, pjazez, toroq, eċċ.) ta' xi Stati Membri ta' monumenti u mfakar li jigglorifikaw l-armata Sovjetika, li kienet okkupat dawk l-istess pajjiżi, toħloq il-kundizzjonijiet għad-distorsjoni tal-verità dwar il-konsegwenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija u għall-propagazzjoni tas-sistema politika totalitarja;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.