MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
17.9.2019 - (2019/2819(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ryszard Antoni Legutko, Anna Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Dace Melbārde, Witold Jan Waszczykowski, Ryszard Czarnecki, Jadwiga Wiśniewska, Bogdan Rzońca, Anna Zalewska, Jacek Saryusz‑Wolski, Grzegorz Tobiszowski, Joanna Kopcińska, Elżbieta Rafalska, Joachim Stanisław Brudziński, Beata Szydło, Beata Mazurek, Andżelika Anna Możdżanowska, Beata Kempa, Patryk Jaki
f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0097/2019
B9‑0098/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-80 anniversarju mill-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 260 (III) A tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tad-9 ta' Diċembru 1948 dwar il-ġenoċidju,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju ta' tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fit-8 ta' Mejju 1945[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tas-25 ta' Jannar 2006, dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi Komunisti totalitarji,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tad-delitti tar-reġimi Komunisti totalitarji adottati minn numru ta' parlamenti nazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu[2],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Awwissu 2018 dwar ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex ifakkru l-vittmi tal-Komuniżmu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa" (COM(2010)0783),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Varsavja tat-23 ta' Awwissu 2011 fl-okkażjoni tal-Jum ta' Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Estonja, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Polonja u tar-Rumanija fl-okkażjoni tat-80 sena mill-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, li qasam l-Ewropa u t-territorji tal-istati indipendenti bejn żewġ reġimi totalitarji u ġabarhom fi sferi ta' interess, u li witta t-triq biex faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija;
B. billi din hija s-sena tat-80 anniversarju mindu faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, li wasslet għal livelli bla preċedenti ta' tbatija umana u kkundannat nofs l-Ewropa għal deċennji ta' miżerja u okkupazzjoni;
C. billi, bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, segwit mit-Trattat Nazi-Sovjetiku ta' Ħbiberija u Demarkazzjoni tat-28 ta' Settembru 1939, ir-Repubblika Pollakka ġiet invaża l-ewwel minn Hitler u ġimagħtejn wara minn Stalin – fatt li ċaħad lill-pajjiż mill-indipendenza tiegħu u safa fi traġedja bla preċedenti għall-poplu Pollakk – l-Unjoni Sovjetika Komunista bdiet gwerra aggressiva kontra l-Finlandja fit-30 ta' Novembru 1939, u f'Ġunju 1940 okkupat u annettiet partijiet tar-Rumanija – territorji li qatt ma troddew lura – u annettiet ir-repubbliki indipendenti tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja;
D. billi l-Patt Molotov-Ribbentrop kiser direttament numru ta' normi, trattati u ftehimiet internazzjonali – fosthom it-Trattat ta' Pariġi tal-1928, it-Trattat ta' Non-Aggressjoni tal-1932 bejn l-Polonja u l-URSS, u d-Dikjarazzjoni ta' Non-Aggressjoni tal-1934 bejn il-Polonja u l-Ġermanja – u kkundanna għal falliment il-paċi internazzjonali stabbilita mit-Trattat ta' Versailles; billi l-konsegwenzi ta' dan it-trattat bejn tnejn mill-aktar dittaturi brutali tal-istorja moderna wrew l-importanza tal-ġrajjiet storiċi għall-politika kontemporanja;
E. billi x-xewqa tal-Punent li jipplaka r-reġimi totalitarji fissret li ttieħdu deċiżjonijiet mingħajr ma ġew ikkonsultati l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif kien il-każ f'Locarno u f'Munich, fatt li wera d-dgħufijiet tal-Punent quddiem dawn ir-reġimi; billi dan witta t-triq għall-Patt Ribbentrop-Molotov, li min-naħa tiegħu wassal biex faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija;
F. billi l-Ġermanja Nazista u l-Unjoni Sovjetika kkooperaw fuq livell politiku, ekonomiku u militari bit-tir komuni li jaħkmu l-Ewropa u jaqsmuha fi sferi ta' influwenza, kif ippreveda l-Patt Ribbentrop-Molotov;
G. billi wara l-iskonfitta tar-reġim Nazista u t-tmien tat-Tieni Gwerra Dinjija, ċerti pajjiżi Ewropej kienu kapaċi jerġgħu jibnu u jidħlu fi proċess ta' rikonċiljazzjoni, mentri pajjiżi Ewropej oħra, bħala konsegwenza diretta tat-Trattat ta' Yalta, baqgħu nofs seklu taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittaturi Komunisti u komplew ikunu miċħuda mil-libertà, mis-sovranità, mid-dinjità, mid-drittijiet tal-bniedem u mill-iżvilupp soċjoekonomiku;
H. billi minkejja d-delitti tar-reġim Nazista ġew iġġudikati u kkastigati permezz tal-proċessi ta' Nuremberg, għad hemm bżonn urġenti ta' sensibilizzazzjoni u ta' valutazzjonijiet morali u ġuridiċi tad-delitti tad-dittaturi Komunisti; billi d-delitti kommessi fuq skala liema bħala fl-istorja fil-konfront ta' miljuni ta' bnedmin mill-Ġermanja Nazista u mill-Unjoni Sovjetika, li bihom ħafna nies sfaw fil-jasar u ġew imċaħħda mid-drittijiet fundamentali u inaljenabbli tagħhom, jikkwalifikaw bħala delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
I. billi l-Ewropa ma għandhiex tinsa l-istorja tagħha; billi fehim komprensiv tal-istorja tal-Ewropa jeħtieġ li jkun iffaċilitat u huwa importantissimu għall-prevenzjoni tal-qawmien ta' reġimi totalitarji;
J. billi f'ċerti Stati Membri, l-ideoloġiji tal-Komuniżmu u tan-Naziżmu huma pprojbiti bil-liġi;
K. billi l-komunità internazzjonali għandha tibqa' magħquda kontra t-totalitariżmu;
L. billi għall-pajjiżi Ewropej li batew taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittaturi Komunisti, it-tkabbir tan-NATO wara l-1990 u t-tkabbir tal-UE mill-2004 'l hawn fissru li ġew lura fil-familja tal-istati demokratiċi tal-Punent li tagħha huma jagħmlu parti;
M. billi l-istorja Ewropea tas-seklu XX hija miktuba u murija prinċipalment skont kif jifhimha l-Punent u għaldaqstant ċerti ġrajjiet storiċi u l-esperjenzi relatati tal-poplu tal-Ewropa tal-Lvant għad mhumiex irrapportati biżżejjed;
N. billi l-injoranza u l-preġudizzji inkonxji fil-memorja storika tal-Ewropej jistgħu jagħtu lok għall-estremiżmu kemm fuq il-lemin estrem kif ukoll fuq ix-xellug estrem; billi hemm bżonn oppożizzjoni effikaċi għall-falsifikazzjoni tal-istorja;
O. billi l-kommemorazzjoni tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u r-rikonoxximent tal-laxxitu tad-delitti kommessi mill-Komunisti, min-Nazisti u minn dittaturi oħra, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwarhom, huma ta' importanza vitali għall-għaqda tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza Ewropea għat-theddid estern ta' żmienna;
P. billi huwa wkoll tal-akbar importanza li jiġu ċċelebrati x-xhieda u d-determinazzjoni ta' bosta persuni li opponew din l-oppressjoni, bħall-Kaptan Witold Pilecki, li ġġieled b'mod attiv kontra ż-żewġ reġimi totalitarji, daħal minn jeddu fil-kamp ta' sterminju tal-Ġermanja Nazista ta' Auschwitz u spiċċa ġie ġġustizzjat mis-Sovjetiċi fl-1948;
Q. billi r-riżoluzzjoni storika tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja[4] adottata fit-13 ta' Jannar 1983 bħala reazzjoni għall-"Appell Baltiku" ta' 45 ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, il-Parlament Ewropew ikkundanna l-fatt li dawn l-istati, li kienu indipendenti u newtrali, fl-1940 kienu ġew okkupati mill-Unjoni Sovjetika wara li ġie ffirmat il-Patt Molotov-Ribbentrop u ma ġewx libertati sa bosta snin wara;
R. billi 30 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1989, ġie mfakkar il-50 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-vittmi tar-reġimi totalitarji ġew imfakkra fit-Triq Baltika, dimostrazzjoni bla preċedenti minn żewġ miljun Litwan, Latvjan u Estonjan li żammew id xulxin biex iffurmaw katina ta' bnedmin li bdiet minn Vilnius, għaddiet minn Riga u spiċċat Tallinn;
S. billi minkejja l-fatt li fl-24 ta' Diċembru 1989 il-Kungress tad-Deputati tal-Poplu tal-URSS ikkundanna l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop, kif ukoll ftehimiet oħrajn li saru mal-Ġermanja Nazista, f'Awwissu 2019 l-awtoritajiet Russi ċaħdu r-responsabbiltà għal dan il-ftehim u l-konsegwenzi tiegħu u attwalment qegħdin jippromwovu l-idea li l-Polonja, l-Istati Baltiċi u l-Punent huma l-istigaturi reali tat-Tieni Gwerra Dinjija;
T. billi l-Gvern tar-Russja llum mhux biss mhuwiex jikkundanna l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop, iżda qiegħed jerġa' jpinġih b'mod attiv bħala mezz ta' difiża tan-nazzjon kontra l-aggressuri, u b'hekk, b'estensjoni, qiegħed jikteb mill-ġdid l-istorja u jeżonera lil dawk responsabbli mid-delitti assoċjati;
U. billi sar normali għar-Russja tiċħad, fir-retorika uffiċjali tagħha, ir-responsabbiltà u tagħti t-tort lill-Punent għall-ostilitajiet, b'hekk toħloq bażi propagandistika affidabbli li fuqha tista' toqgħod biex tiġġustifika d-disrispett tad-dritt internazzjonali u tkompli l-aggressjoni tagħha kontra l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
1. Jisħaq fuq il-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aktar gwerra distruttiva fl-istorja tal-Ewropa, ikkawżat it-Trattat Nazi-Sovjetiku, ta' fama ħażina, ta' Non-Aggressjoni tat-23 ta' Awwissu 1939, imsemmi wkoll il-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, li ħallew żewġ reġimi totalitarji li kellhom l-objettiv komuni li jaħkmu d-dinja biex jaqsmu l-Ewropa f'żewġ żoni ta' influwenza;
2. Ifakkar li r-reġimi Nazista u Komunista kkommettew qtil tal-massa, ġenoċidju u deportazzjonijiet u kkawżaw telf ta' ħajja u ta' libertà bla preċedenti, u jfakkar id-delitt tal-waħx tal-Olokawst li wettaq ir-reġim Nazista;
3. Jiddispjaċih li ġenoċidji bħall-Olokawst, id-delitti tal-massa kontra l-umanità u l-ksur fuq skala wiesgħa tad-drittijiet tal-bniedem bħad-deportazzjonijiet tal-massa mill-Istati Baltiċi, mill-Polonja u minn pajjiżi oħrajn, l-eżekuzzjonijiet tal-massa bħall-massakru ta' fizzjali Pollakki fil-Foresta ta' Katyn u ta' fizzjali tal-armata Latvjana f'Litene, il-ħolqien u t-tħaddim ta' kampijiet ta' konċentrament u Gulag, il-karestija kkawżata mill-bniedem fl-Ukrajna, it-tiċħid tad-drittijiet fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, tal-kelma, tal-moviment u ħafna delitti oħrajn kommessi mill-Komuniżmu totalitarju ma kienu la suġġetti għal investigazzjoniijiet adegwati u lanqas valutati fuq livell internazzjonali;
4. Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għal kull vittma ta' dawn ir-reġimi totalitarji u jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-atturi kollha tal-UE jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-delitti totalitarji orribbli kontra l-umanità u l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jitfakkru u jinġiebu quddiem il-qrati, u biex jiggarantixxu li tali delitti qatt ma jiġu ripetuti u li l-uġigħ u l-inġustizzja li ħassew il-vittmi ma jintnesew qatt;
5. Iqis li t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-orruri tal-imgħoddi jagħtuna l-għerf u s-saħħa meħtieġa biex inqumu kontra dawk li jippruvaw jerġgħu jqajmu lil dawn l-ideoloġiji u lil dawk li jippruvaw jeżoneraw lil tali gruppi ideoloġiċi mid-delitti u mill-ħtija tagħhom; jemmen li t-tifkira tal-vittmi ġġegħilna nippromwovu ġustizzja storika billi titkompla r-riċerka u ssir sensibilizzazzjoni tal-laxxitu totalitarju tal-kontinent Ewropew;
6. Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej kollha joffru sostenn kemm morali kif ukoll materjali lill-investigazzjoni storika li qiegħda ssir dwar ir-reġimi totalitarji, billi jekk naġixxu b'mod magħqud biss nistgħu nikkuntrastaw b'mod effikaċi l-kampanji ta' diżinfornazzjoni u t-tentattivi ta' manipulazzjoni tal-fatti storiċi;
7. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atti ta' aggressjoni, id-delitti kontra l-umanità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala wiesgħa mwettqa mir-reġimi totalitarji Nazisti u Komunisti;
8. Jesprimi tħassib rigward il-qawmien tal-movimenti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem fl-Istati Membri tal-UE;
9. Ifakkar lill-Istati Membri kollha biex jikkommemoraw it-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, u biex jissensibilizzaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa dwar dawn il-kwistjonijiet, billi jinkludu l-istorja u l-analiżi tal-konsegwenzi tar-reġimi totalitarji fil-kurrikuli u fil-kotba tal-iskejjel kollha fl-UE;
10. Jitlob, barra minn hekk, li l-25 ta' Mejju (anniversarju tal-eżekuzzjoni tal-Kaptan Witold Pilecki, eroj ta' Auschwitz) jiġi pproklamat "Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda kontra t-Totalitariżmu", bħala turija ta' rispett u ġieħ lil dawk kollha li, huma u jiġġieldu t-tirannija, taw xhieda tal-eroiżmu tagħhom u ta' mħabba vera fil-konfront tal-umanità, b'hekk taw lill-ġenerazzjonijiet tal-futur eżempju ċar tal-atteġġjament ġust li għandu jiġi adottat quddiem it-theddida tat-tjassir totalitarju;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effikaċi għall-proġetti ta' memorja storika u l-kommemorazzjoni fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropej, u talloka riżorsi finanzjarji adegwati fil-qafas tal-programm Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tappoġġja t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitariżmu; jissottolinja li l-ġenerazzjonijiet tal-futur għandhom ikollhom aċċess għal materjali edukattivi fattwali, li jenfasizzaw il-konsegwenzi terribbli tal-passività quddiem ksur gravi ta' liġijiet u normi internazzjonali;
12. Jirrimarka li filwaqt li l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ġew lura fil-familja Ewropea tal-pajjiżi demokratiċi liberi bl-adeżjoni tagħhom mal-UE u man-NATO, il-proġett Ewropew ta' paċi u integrazzjoni mhux se jkun komplut sakemm il-pajjiżi Ewropej kollha li għażlu t-triq tar-riformi Ewropej, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, ma jsirux membri sħaħ tal-UE: dakinhar biss l-Ewropa tkun sħiħa, libera, magħquda u fil-paċi;
13. Huwa inkwetat mhux ftit bl-isforzi tat-tmexxija Russa attwali maħsuba biex jgħawġu l-fatti storiċi u jostru d-delitti kommessi mir-reġim totalitarju Sovjetiku, u jqis dawn l-isforzi bħala komponent perikoluż tal-gwerra ta' informazzjoni li qed issir kontra l-Ewropa demokratika bl-iskop li taqsam l-Ewropa u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva kontra dawn l-isforzi;
14. Jiġbed l-attenzjoni għall-użu kontinwu tas-simboli tar-reġim Sovjetiku fl-isferi pubbliċi u għal finijiet kummerċjali, u jfakkar li għadd ta' pajjiżi Ewropej ipprojbew l-użu ta' simboli kemm Nazisti kif ukoll Komunisti;
15. Jirrimarka li d-delitti kommessi mir-reġim Komunista totalitarju tal-URSS ma jistgħux ikunu ġġustifikati jew eżonerati bil-kontribut tiegħu għall-iskonfitta tar-reġim Nazista; jenfasizza fl-istess ħin li huwa inaċċettabbli li l-Federazzjoni Russa tadotta leġiżlazzjoni li tikkriminalizza kull min jipprova janalizza l-ġrajjiet tat-Tieni Gwerra Dinjija minn perspettiva ġdida;
16. Josserva li l-eżistenza kontinwa fl-ispazji pubbliċi ta' ċerti Stati Membri ta' monumenti u mfakar (ġonna, pjazez, toroq, eċċ.) li jigglorifikaw l-armata Sovjetika, li kienet tokkupa lil dawn il-pajjiżi, twitti t-triq għat-tgħawwiġ tal-fatti storiċi dwar il-kawżi, il-kors u l-konsegwenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija;
17. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Duma Russa u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.