MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
17.9.2019 - (2019/2819(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Michal Šimečka, Frédérique Ries, Ramona Strugariu, Katalin Cseh, Ondřej Kovařík, Vlad‑Marius Botoş, Izaskun Bilbao Barandica, Jan‑Christoph Oetjen, Christophe Grudler
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0097/2019
B9‑0100/2019
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adottata fl-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 (2006) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi komunisti totalitarji,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu, adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-23 ta' Settembru 2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Awwissu 2018 dwar ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jikkommemoraw lill-vittmi tal-komuniżmu,
– wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inklużi dawk tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fit-8 ta' Mejju 1945[3], tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni ta' Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)[4], u tal-15 ta' Jannar 2009 dwar Srebrenica[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika komunista u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala il-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, li qasam l-Ewropa u t-territorji tal-istati indipendenti bejn żewġ reġimi totalitarji u ġabarhom fi sferi ta' interess, li witta t-triq biex tfaqqa' it-Tieni Gwerra Dinjija;
B. billi l-memorji tal-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandhom jinżammu ħajjin sabiex jiġu onorati l-vittmi, jiġu kkundannati dawk wettqu r-reati u jitħejjew il-pedamenti tar-rikonċiljazzjoni msejsa fuq il-verità u t-tifkira, billi din hija s-sena tat-80 anniversarju mindu faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, li wasslet għal livelli bla preċedenti ta' tbatija umana u kkundannat lill-pajjiżi fl-Ewropa għal bosta deċennji ta' okkupazzjoni;
C. billi l-integrazzjoni Ewropea mill-bidu tagħha kienet tweġiba għat-tbatija kkawżata miż-żewġ gwerer dinjija u mit-tirannija Nazista li wasslet għall-Olokawst u għat-tifrix tar-reġimi totalitarji u komunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u kienet ukoll mod li bih jingħelbu il-qasmiet profondi u l-ostilità fl-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni u tingħeleb il-gwerra u tiġi żgurata d-demokrazija fl-Ewropa,
D. billi l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea kien suċċess u wassal għal Unjoni Ewropea li llum il-ġurnata tħaddan fiha lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li għexu taħt reġimi komunisti minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija sal-bidu tas-snin Disgħin, u billi l-adeżjonijiet preċedenti tal-Greċja, Spanja u l-Portugall għenet biex tiżgura d-demokrazija fl-Ewropa t'Isfel;
E. billi fl-2012 l-Unjoni Ewropea ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi għall-kontribut li tat matul sitt deċennji għall-avvanz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;
F. billi l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi fl-Ewropa qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn minoranzi sesswali jew ta' tip ieħor;
G. billi l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea bħala antiteżi għall-oppressjoni u l-qerda totalitarji hija kondiviża miċ-ċittadini kollha tal-UE u mill-Istati Membri kollha, irrispettivament mill-ġeografija, u għandha sservi ta' bażi għas-solidarjetà tal-UE u sens ta' skop kondiviż;
1. Jesprimi l-akbar rispett lejn il-vittmi kollha tar-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi fl-Ewropa u jagħti ġieħ lil dawk li ġġieldu kontra t-tirannija u l-oppressjoni;
2. Iġedded l-impenn tiegħu lejn Ewropa paċifika u prospera msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jisħaq fuq l-importanza li l-memorji tal-imgħoddi jinżammu ħajjin, għaliex ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira, u jtenni l-pożizzjoni soda tiegħu kontra kull ħakma totalitarja minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;
4. Ifakkar li l-aħħar att ta' ġenoċidju fl-Ewropa sar f'Srebrenica fil-qarib Lulju 1995, u li jenħtieġ li jkun hemm viġilanza kostanti biex jiġu miġġielda ideat u tendenzi, ksenofobiċi, awtoritarji jew totalitarji u mhux demokratiċi;
5. Jisħaq fuq il-punt li, sabiex tissaħħaħ il-kuxjenza Ewropea dwar id-delitti mwettqa mir-reġimi totalitarji u mhux demokratiċi, id-dokumentazzjoni u r-rakkonti ta' xhieda dwar il-passat mimli inkwiet tal-Ewropa għandhom jiġu appoġġati, peress li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira;
6. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkommemoraw it-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-vittmi ta' reġimi totalitarji kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-gvern, u biex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fost il-ġenerazzjoni iktar żagħżugħa, billi jinkludu l-istorja u l-analiżi tal-konsegwenzi tar-reġimi totalitarji fil-kurrikuli u fil-kotba akkademiċi tal-iskejjel kollha fl-UE;
7. Iffakkar li l-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu jibqgħu simbolu ta' kif l-politika tal-poter aggressiva u l-loġika tal-isferi ta' influwenza jwasslu għall-qerda u l-oppressjoni; jenfasizza li l-proġett Ewropew ta' kooperazzjoni paċifika u sovranità kondiviża hija l-aqwa garanzija kontra r-ritorn tal-politika tal-poter u l-qasmiet fil-kontinent Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jonoraw dan il-prinċipju anki fil-politiki esterni u tal-viċinat tal-UE;
8. Jikkundanna l-manifestazzjonijiet u t-tixrid ta' ideoloġiji totalitarji, bħan-Naziżmu u l-Istaliniżmu, fl-UE;
9. Jinsab imħasseb minħabba ż-żieda ta' movimenti estremisti u lingwaġġ ksenofobiku li jfakkar fl-imgħoddi totalitarju tal-Ewropa, anki fil-forma ta' mibegħda u diskriminazzjoni kontra l-komunità LGBTI, ir-Rom u minoranzi etniċi u reliġjużi oħra u rifuġjati, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kull forma ta' estremiżmu u jwaqqfu t-tixrid tad-diskors ta' mibegħda online;
10. Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni kienet għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikolari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll barra minnha;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex jissaħħaħ it-tagħlim tal-istorja Ewropea u biex jiġi aċċentwat il-ksib storiku tal-integrazzjoni Ewropea u l-kuntrast qawwi bejn l-imgħoddi traġiku u l-ordni soċjetali paċifiku u demokratiku fl-Unjoni Ewropea tal-lum;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistinkaw biex jilħqu fehim u tagħlim kondiviż dwar l-integrazzjoni Ewropea bħala antidotu għall-qerda tat-totalitarjaniżmu, kemm ta' natura Nazista kif ukoll Stalinista, irawmu sens kondiviż ta' storja u identità fost iċ-ċittadini tal-UE, u jegħlbu kwalunkwe diviżjoni li għadha teżisti bejn l-Istati Membri tal-bidu u l-Istati Membri l-ġodda;
13. Itenni l-appoġġ konsistenti tiegħu għal ġustizzja internazzjonali msaħħa, permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u qrati speċjalizzati oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ effettiv għall-proġetti ta' memorja storika u l-kommemorazzjoni fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropea, u biex talloka riżorsi finanzjarji adegwati taħt il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tappoġġa t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitarjaniżmu;
14. Jisħaq fuq il-punt li l-pajjiżi kollha tal-Ewropa għandhom ikunu konxji mill-imgħoddi u l-wirt storiku traġiċi tagħhom; josserva li ċ-ċittadini tar-Russja għadhom l-akbar vittmi tar-reġim komunist tal-imgħoddi u li l-iżvilupp demokratiku se jkun ostakolat sakemm ir-reġim Stalinista jibqa' jitgħatta jew jiġi gglorifikat;
15. Jisħaq fuq il-punt li l-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandu jkompli jservi ta' ispirazzjoni morali u politika biex tgħinha taffaċċja l-isfidi fid-dinja tal-lum, inkluża l-ġlieda għal dinja aktar ġusta, l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u r-rifuġjati, il-ħolqien ta' soċjetajiet u komunitajiet miftuħa li jħaddnu lil minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali, u jiżgura li kulħadd jibbenefika mill-valuri Ewropej;
16. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi assoċjati mal-Unjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa.