Proċedura : 2019/2828(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0105/2019

Testi mressqa :

B9-0105/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0029

<Date>{01/10/2019}1.10.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0105/2019</NoDocSe>
PDF 202kWORD 62k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill</Titre>

<DocRef>(D062417/04 – 2019/2828(RSP))</DocRef>


<Commission>{ENVI}Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel</Commission>

Membri responsabbli: <Depute>Tilly Metz

Günther Sidl, Anja Hazekamp, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen</Depute>


B9‑0105/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(D062417/04 – 2019/2828(RSP))

 

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D062417/04),

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

 wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tal-11 ta' Ġunju 2019, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tat-12 ta' Lulju 2019, li fiha wkoll ma ngħatat ebda opinjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],

 wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-29 ta' Novembru 2018, u ppubblikata fl-14 ta' Jannar 2019[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)[4],

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/730/KE[5] awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (fażola tas-sojja A2704-12); billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-awtorizzazzjoni jkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti, għajr l-ikel u l-għalf, li fihom jew li jikkonsistu minn fażola tas-sojja A2704-12 għall-istess użi bħal kull fażola tas-sojja oħra għajr għall-kultivazzjoni;

B. billi, fid-29 ta' Awwissu 2017, id-detentur tal-awtorizzazzjoni Bayer CropScience AG ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni (l-applikazzjoni għat-tiġdid);

C. billi, fid-29 ta' Novembru 2018, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli fir-rigward tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li ġiet ippubblikata fl-14 ta' Jannar 2019[6];

D. billi l-fażola tas-sojja A2704-12 ġiet żviluppata biex tagħti tolleranza għall-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju; billi t-tolleranza għal dawk l-erbiċidi tinkiseb permezz tal-espressjoni tal-proteina (fosfinotriċina aċeltitransferasi) PAT[7];

Erbiċidi komplementari

E. billi għadd ta' studji juru li l-kultivazzjoni tal-għelejjel ġenetikament modifikati (ĠM) tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f'użu ogħla ta' dawk l-erbiċidi[8]; billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-għelejjel tal-fażola tas-sojja A2704-12 ikunu esposti għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glufosinat, li potenzjalment iwassal għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

F. billi, skont l-aħħar programm ta' kontroll pluriennali koordinat tal-Unjoni (għall-2020, l-2021 u l-2022)[9], l-Istati Membri mhumiex obbligati jkejlu r-residwi tal-glufosinat fl-importazzjonijiet tal-fażola tas-sojja; billi ma jistax jiġi eskluż li l-fażola tas-sojja A2704-12 jew il-prodotti derivati minnha għall-ikel u l-għalf jaqbżu l-Livelli Massimi ta' Residwi (MRLs) tal-Unjoni, li ġew stabbiliti biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

G. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni (Kategorija 1B tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi) u għalhekk jissodisfa l-kriterji ta' limitu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10]; billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta' Lulju 2018[11];

H. billi fil-pjanti ĠM, tista' tkun il-ġenetika mmodifikata nnifisha li tiddetermina l-mod li erbiċidi komplementari jiddekomponu skont il-pjanta, kif ukoll il-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni ("metaboliti")[12];

I. billi l-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom fuq il-pjanti ĠM titqies barra mill-mandat tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati;

Kummenti tal-Istati Membri

J. billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur[13]; billi l-aktar kummenti kritiċi jqisu l-impossibilità li jiġu vvalutati b'mod xieraq ir-riskji relatati mal-użu tal-fażola tas-sojja A2704-12 fl-ikel u fl-għalf, minħabba l-għadd insuffiċjenti u l-varjetà ta' studji fuq il-post, nuqqas ġenerali ta' data dwar ir-residwi tal-glufosinat u n-nuqqas ta' kwalunkwe studju ta' tossiċità kronika jew subkronika; billi diversi Stati Membri rrimarkaw li l-pjan ta' monitoraġġ ambjentali la huwa konformi mad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], u lanqas mal-linji gwida korrispondenti tal-EFSA dwar il-monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq (2011); billi diversi Stati Membri jesprimu tħassib dwar l-impatt tal-kultivazzjoni tal-fażola tas-sojja A2704-12 fuq il-bijodiversità u s-saħħa pubblika fil-pajjiżi produtturi u esportaturi;

K. billi studju indipendenti kkonkluda li l-valutazzjoni tar-riskju mill-EFSA mhijiex aċċettabbli fil-forma preżenti tagħha[15], peress li ma tidentifikax in-nuqqasijiet fl-għarfien u fl-inċertezzi u tonqos milli tivvaluta s-sikurezza ġenerali u t-tossiċità potenzjali tal-fażola tas-sojja A2704-12; billi l-istudju sab li l-EFSA naqset milli tirrikonoxxi t-tibdil li seħħ fil-perjodu ta' 10 snin mill-awtorizzazzjoni inizjali tal-fażola tas-sojja A2704-12, rigward il-kundizzjonijiet agronomiċi li fihom tiġi kkultivata fażola tas-sojja reżistenti għall-erbiċidi, pereżempju l-għadd li dejjem qed jiżdied ta' problemi kkawżati mill-ħaxix ħażin reżistenti għall-erbiċidi li jeħtieġ ammonti dejjem ogħla ta' erbiċidi;

Il-ħarsien tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

L. billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ĠM m'għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jesiġi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha; billi dawn il-fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB);

M. billi rapport reċenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel sab li, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa u l-potenzjal li jwasslu għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-bdiewa u l-ħaddiema agrikoli, il-komunitajiet li jgħixu qrib artijiet agrikoli, komunitajiet indiġeni, u nisa tqal u tfal[16]; billi l-Mira tal-SDG 3.9 għandha l-għan, li sal-2030, tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u tniġġis u kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija[17];

N. billi d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija tat-tnaqqis tal-bijodiversità; billi l-emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art, l-aktar minħabba d-deforestazzjoni, huma t-tieni l-akbar kawża tat-tibdil fil-klima wara l-ħruq tal-fjuwils fossili[18]; billi l-Ftehim ta' Pariġi u l-Pjan Strateġiku dinji għall-Bijodiversità 2011-2020, inklużi l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi, adottati skont il-KDB, jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-isforzi ta' protezzjoni u ta' restawr[19];

O. billi l-SDG 15 jinkludi l-mira li titwaqqaf id-deforestazzjoni sal-2020[20]; billi l-foresti għandhom rwol multifunzjonali li jappoġġjaw il-kisba tal-biċċa l-kbira tal-SDGs[21];

P. billi l-produzzjoni tas-sojja hija mutur ewlieni tad-deforestazzjoni fl-Amażonja, f'Cerrado u fil-foresti Gran Chaco fl-Amerika t'Isfel; billi 97 % u 100 % tas-sojja kkultivata fil-Brażil u fl-Arġentina, rispettivament, hija sojja ĠM[22]; billi l-fażola tas-sojja A2704-12 hija awtorizzata għall-kultivazzjoni, fost postijiet oħra, fil-Brażil u fl-Arġentina[23];

Q. billi l-Unjoni Ewropea hija t-tieni l-akbar importatur tas-sojja fid-dinja u l-maġġoranza tas-sojja importata fl-Unjoni hija għall-għalf tal-annimali; billi l-analiżi mill-Kummissjoni sabet li s-sojja storikament kienet il-kontributur ewlieni tal-Unjoni għad-deforestazzjoni globali u l-emissjonijiet relatati, li tirrappreżenta kważi nofs id-deforestazzjoni inkorporata fl-importazzjonijiet kollha tal-Unjoni[24];

R. billi disa' varjetajiet ta' fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni fil-Brażil huma diġà awtorizzati għall-importazzjoni bħala ikel u għalf fl-Unjoni; billi, barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni fl-Unjoni għall-ikel u l-għalf għal tliet varjetajiet ta' fażola tas-sojja ĠM awtorizzati għall-kultivazzjoni fil-Brażil, inkluża l-fażola tas-sojja A2704-12, hija pendenti[25];

S. billi stħarriġ reċenti pan-Unjoni sab li kważi 90 % ta' dawk li wieġbu jaħsbu li hemm bżonn ta' liġijiet ġodda biex jiġi żgurat li l-prodotti mibjugħa fl-Unjoni ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni globali[26];

Proċess mhux demokratiku

T. billi l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li saret fil-11 ta' Ġunju 2019 kif ukoll tal-Kumitat ta' Appell li saret fit-12 ta' Lulju 2019 ma taw l-ebda opinjoni, u dan ifisser li l-awtorizzazzjoni mhix appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

U. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ĠM fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjoni tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u tal-għalf ĠM; billi l-President tal-Kummissjoni diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika[27];

V. billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta riżoluzzjonijiet li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (3 riżoluzzjonijiet); billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OMĠ; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qed tkompli tawtorizza OĠM minkejja li ma għandha l-ebda obbligu legali li tagħmel dan;

1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[28], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4. Itenni l-impenn tiegħu li javvanza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fuq dik il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza;

5. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' OĠM sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhijiex adegwata;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira proposti għall-awtorizzazzjonijiet tal-OĠM jekk ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-użi ta' ikel u għalf;

7. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza l-ebda pjanta ĠM tolleranti għall-erbiċidi mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari, tal-metaboliti tagħhom u tal-formulazzjonijiet kummerċjali kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni għall-użi ta' ikel u għalf;

9. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni, biex tintuża bħala ikel jew għalf, ta' kwalunkwe pjanta ĠM li saret tolleranti għal erbiċida mhux awtorizzata għall-użu fl-Unjoni, f'dan il-każ il-glufosinat;

10. Ifakkar li l-SDGs jistgħu jintlaħqu biss jekk il-katini tal-provvista jsiru sostenibbli u jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki[29];

11. Itenni t-tħassib qawwi tiegħu li d-dipendenza għolja tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża d-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi[30];

12. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax l-importazzjoni tal-fażola tas-sojja ĠM, dment li ma jkunx jista' jintwera li l-kultivazzjoni tagħha ma kkontribwietx għad-deforestazzjoni;

13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-awtorizzazzjonijiet attwali kollha tagħha għas-sojja MĠ fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, inkluż skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-KDB u l-SDGs;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

[2] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[3] Scientific opinion on the Assessment of genetically modified soybean A2704-12 for renewal of authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA-GMO-RX-009), (Opinjoni xjentifika dwar il-Valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-009)), EFSA Journal 2019;17(1):5523, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2019.5523

[4] Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adottata 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati,

[5] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/730/KE tat-8 ta' Settembru 2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li huma magħmula, jew li ġejjin mis-sojja modifikata ġenetikament A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 247, 16.9.2008, p. 50).

[6] EFSA Journal 2019;17(1):5523.

[7] Opinion of the Scientific Panel on genetically modified organisms (GMO) on an application (Reference EFSA-GMO-NL-2005-18) for the placing on the market of the glufosinate tolerant soybean A2704-12, for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 from Bayer CropScience, (Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar organiżmi ġenetikament modifikati dwar applikazzjoni (Referenza EFSA-GMO-NL-2005-18) għat-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja A2704-12 tolleranti għall-glufosinat, għall-użu tal-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 mill-Bayer CropScience), EFSA Journal (2007)524, p. 1. https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2007.524

[8] Ara, pereżempju, Bonny, S, Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact, (Għelejjel, Ħaxix Ħażin u Erbiċidi Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi: Ħarsa Ġenerali u Impatt), Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Charles M Benbrook, Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years, (L-impatti ta' għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe; volum 24, numru tal-Artikolu: 24 (2012), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24.

[9] Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/533 tat-28 ta' Marzu 2019 dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta' kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta' residwi ta' pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom (ĠU L 88, 29.3.2018, p. 28).

[10] Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

[12] Pereżempju skont l-EFSA, dan hu fil-fatt il-każ meta l-erbiċida komplementari jkun il-glifosat: Ir-Rieżami tal-EFSA tal-livelli residwi massimi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, 2018, p. 12 https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263

[14] Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1: Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 006 P. 77).

[15] Kumment ta' TestBioTech dwar il-valutazzjoni tal-EFSA tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 għat-tiġdid https://www.testbiotech.org/en/content/testbiotech-comment-soybean-a2704-12-renewal

[18] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" (COM(2019)0352), p 1.

[19] Idem, p. 2.

[22] International Service for the Acquisition of Agri-biotech Applications (2017) "Global status of commercialized biotech/GM crops in 2017" (Servizz Internazzjonali għall-Akkwist ta' Applikazzjonijiet Agri-Bijotek (2017) "L-istatus globali ta' għelejjel bijotek/ĠM ikkummerċjalizzati fl-2017") ISAA Brief Nru 53, p. 16 u p. 21. http://www.isaaa.org/resources/publications/briefs/53/download/isaaa-brief-53-2017.pdf

[24] Rapport tekniku tal-Kummissjoni Ewropea 2013 - 063 bit-titolu "The impact of EU consumption on deforestation: Comprehensive analysis of the impact of EU consumption on deforestation", (L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni), pp 23-24 http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/1.%20Report%20analysis%20of%20impact.pdf: Bejn l-1990 u l-2008, l-Unjoni importat għelejjel u prodotti tal-bhejjem li jinkorporaw 90 000 km² ta' deforestazzjoni. Il-prodotti tal-għelejjel kienu jammontaw għal 74 000 km² (82 %), u l-għelejjel taż-żejt għandhom l-akbar sehem (52 000 km²). Il-fażola tas-sojja u l-espellent tas-sojja ammontaw għal 82 %(42 600 km²), jiġifieri 47 % tal-importazzjoni totali tal-Unjoni ta' deforestazzjoni inkorporata.

[25] Dawn iċ-ċifri huma miksuba mill-kontroreferenza tal-bażi ta' data tal-approvazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati tas-Servizz Internazzjonali għall-Akkwist tal-Applikazzjonijiet Agri-bijotek (https://www.isaaa.org/gmapprovaldatabase/approvedeventsin/default.asp?CountryID=BR&Country=Brazil) mar-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati (https://ec.europa.eu/food/plant/gmo/eu_register_en) – it-tnejn li huma kkonsultati f'Settembru 2019.

[27] Ara, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

[28] Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

[29] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (Testi adottati, P8_TA (2018)0333), il-paragrafu 67.

[30] Idem.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ottubru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza