Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0118/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0118/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group

21.10.2019 - (2019/2854(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ramón Bauzá Díaz, Dinesh Dhamija, Bill Newton Dunn, Caroline Nagtegaal, Izaskun Bilbao Barandica, Liesje Schreinemacher, Dita Charanzová, Dominique Riquet, Valter Flego, Ilhan Kyuchyuk, Vlad‑Marius Botoş, Iskra Mihaylova, Atidzhe Alieva‑Veli
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0118/2019

Proċedura : 2019/2854(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0118/2019
Testi mressqa :
B9-0118/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0118/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group

(2019/2854(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2019 dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 intitolata "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa[1],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha dwar ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett, l-Artikolu 16 dwar l-obbligu li tingħata assistenza u l-Kapitolu V, li jirregola l-protezzjoni tal-vjaġġaturi mill-insolvenza ta' organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut[2],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta' falliment tal-linja tal-ajru[4],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2013 intitolata "Il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru" (COM(2013)0129), li fiha l-Kummissjoni stabbiliet miżuri biex ittejjeb il-protezzjoni tal-vjaġġaturi f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru, inkluż l-infurzar aħjar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni), b'mod partikolari l-Artikolu 8 dwar il-validità ta' liċenzja operattiva, u l-Artikolu 9 dwar is-sospensjoni u r-revoka ta' liċenzja operattiva[5],

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ("ir-Regolament dwar il-FEG")[6],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-aġenziji tal-ivvjaġġar qed joperaw f'ambjent li qed jinbidel b'rata mgħaġġla u li qed isir dejjem aktar kompetittiv kemm fis-suq tal-UE stess kif ukoll fis-suq estern tagħha u jeħtieġ li jadattaw għal imġibiet ġodda tal-konsumaturi u għal mudelli kummerċjali ġodda (eż. it-tkabbir tas-servizzi online għall-prenotazzjoni tal-vjaġġi u l-pakketti attraenti tagħhom);

B. billi l-falliment tat-Thomas Cook Group kien ikkawżat minn diversi fatturi, u wieħed minnhom kien in-nuqqas tal-kumpanija li tbiddel il-mudell kummerċjali tagħha u li tkun innovattiva sabiex tikkompeti fl-ekonomija diġitali;

C. billi wara l-kollass, f'Settembru 2019, tal-kumpanija tal-ivvjaġġar Thomas Cook Group, li mexxiet lukandi, resorts u linji tal-ajru f'16-il pajjiż u qdiet lil 19-il miljun ruħ fis-sena, il-gvernijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni kellhom jikkoordinaw operazzjoni ta' salvataġġ enormi biex 600 000 ruħ ikunu jistgħu jirritornaw mill-vaganzi tagħhom;

D. billi l-awtoritajiet fl-Istati Membri kienu diġà jafu sew x'kienet is-sitwazzjoni finanzjarja tat-Thomas Cook Group;

E. billi l-likwidazzjoni tat-Thomas Cook Group ipperikolat 22 000 impjieg fid-dinja kollha, li 9 000 minnhom jinsabu fir-Renju Unit, 2 500 jinsabu fi Spanja, u aktar minn 1 000 jinsabu fil-Greċja; billi, anke jekk id-destin ta' dawn l-impjiegi għadu inċert, x'aktarx li dan se jkollu effett indirett multiplu konsiderevoli mhux biss fuq l-industrija tat-turiżmu u fuq is-settur tat-trasport, iżda anki fuq l-ekonomija tal-UE b'mod ġenerali;

F. billi, din is-sena biss, għadd ta' linji tal-ajru bħal Air Berlin, Alitalia, Aigle Azur u Adria Airways iddikjaraw insolvenza, u dan kellu riperkussjonijiet serji fuq in-negozji, it-turiżmu u l-konsumaturi;

G. billi, f'April 2019, it-Thomas Cook Group ingħata liċenzja mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit biex ikompli jopera għal tnax-il xahar oħra;

H. billi, għal ħafna konsumaturi, ma kienx ċar x'kienu d-drittijiet ta' kumpens tagħhom u liema partijiet tal-prenotazzjonijiet tagħhom kienu koperti mill-assigurazzjoni tagħhom;

I. billi l-Ewropa hija l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, b'sehem mis-suq ta' 50,8 % fl-2018; billi t-turiżmu jiġġenera, kemm direttament kif ukoll indirettament, 10,3 % tal-PDG totali tal-UE-28 – ċifra li mistennija tiżdied għal 11,2 % tal-PDG sal-2027 – u l-industrija tat-turiżmu tal-UE timpjega madwar 12,3 miljun ruħ;

J. billi t-turiżmu għadu wieħed mill-promoturi ewlenin għall-ħolqien tal-impjiegi kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja kollha, u jikkontribwixxi għall-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari l-Istati Membri tan-Nofsinhar, li ntlaqtu b'mod partikolari mill-kriżi finanzjarja u ekonomika;

K. billi hemm domanda qawwija mill-industrija tat-turiżmu għal aktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE u għal politika ċara tal-UE dwar it-turiżmu b'appoġġ baġitarju xieraq; billi politika tat-turiżmu tal-UE għandha tqis il-fatt li s-setturi differenti li għandhom rwol ewlieni fit-turiżmu, bħat-trasport u l-akkomodazzjoni, huma regolati minn oqsma differenti fl-UE;

L. billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u għandha tkun disponibbli bl-aktar mod effiċjenti u rapidu possibbli;

M. billi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) inħoloq biex joffri appoġġ addizzjonali lill-impjegati li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' tibdil strutturali kbir fix-xejriet kummerċjali dinjija u b'riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali;

1. Jenfasizza li t-Thomas Cook Group kopra diversi oqsma, bħall-akkomodazzjoni, it-trasport u l-attivitajiet ta' divertiment u affettwa lil diversi tipi differenti ta' konsumaturi u negozji, li jfisser, għalhekk, li l-kollass tiegħu jaqa' taħt il-leġiżlazzjoni u l-liġijiet tal-UE fl-Istati Membri;

2. Jirrikonoxxi l-isforzi kbar li saru matul l-operazzjoni ta' ripatrijazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE; madankollu, jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar l-impatt negattiv li l-falliment tat-Thomas Cook Group kellu fuq l-eluf ta' turisti li l-prenotazzjonijiet tagħhom ġew ikkanċellati awtomatikament, u li wassal biex ħafna turisti tħallew l-art fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr ma ġie offrut xi vjaġġ ta' ritorn alternattiv, fatt li kkostitwixxa inċertezza legali enormi għas-settur u li wassal għal nuqqas konsiderevoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi;

3. Jistieden lill-Kunsill jadotta Approċċ Ġenerali dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex ifassal qafas komprensiv għad-drittijiet tal-passiġġieri li jindirizza l-kwistjonijiet, inkluża lista ta' ċirkustanzi straordinarji, limiti minimi għal kumpens f'każijiet ta' kanċellazzjoni u dewmien jew kumpens meta jintilfu t-titjiriet ta' konnessjoni; jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas tal-Kunsill li jilħaq ftehim minn Frar 2014;

4. Jemmen li l-kollass f'daqqa tat-Thomas Cook Group seta' jiġi evitat u li n-negozju kellu jiġi stralċat b'mod aktar ordnat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-kawżi tal-likwidazzjoni tat-Thomas Cook Group, filwaqt li tqis il-fatt li l-bidla negattiva fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kienet diġà magħrufa, sabiex tiddetermina setgħux jittieħdu miżuri preventivi biex jiġi evitat il-kollass f'daqqa tagħha;

5. Jesprimi r-riżervi tiegħu dwar id-deċiżjoni li tingħata liċenzja operattiva lit-Thomas Cook Group, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-ħruġ ta' liċenzji jinfurzaw aħjar l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sospensjoni u r-revoka ta' liċenzja operattiva, kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari ta' problemi finanzjarji jew insolvenza; jemmen, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jagħtu liċenzja operattiva temporanja lil linja tal-ajru sabiex tkompli r-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' insolvenza; jitlob lill-UE ssaħħaħ l-obbligu tal-Istati Membri li jivvalutaw il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji tal-ajru meta tingħata liċenzja operattiva f'reviżjoni futura tar-Regolament;

6. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-kollass ta' aġenzija tal-ivvjaġġar tad-daqs tat-Thomas Cook Group ma tiqafx bir-ripatrijazzjoni, il-kumpens u r-rimborż tal-klijenti, u li, għall-kuntrarju, fuq perjodu twil, il-konsegwenzi mistennija jkunu saħansitra aktar gravi f'termini ta' konnettività tat-trasport, ta' turiżmu u ta' impjiegi;

7. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li kien aktar faċli għat-turisti li kellhom pakkett kollox inkluż li jirċievu informazzjoni u assistenza milli kien għall-konsumaturi li pprenotaw it-titjiriet u l-akkomodazzjoni separatament;

8. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jipproponu sistemi nazzjonali ta' garanzija ċari u trasparenti; jinnota, madankollu, li għalkemm ħafna Stati Membri diġà stabbilew sistema bħal din, ħafna drabi għadu mhux ċar jekk prenotazzjoni hijiex koperta;

9. Iqis li l-kobor tal-kollass tat-Thomas Cook Group kellu konsegwenzi negattivi serji fuq is-settur tat-turiżmu tal-UE – l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – u, b'mod partikolari, fuq dawk l-Istati Membri li jiddependu b'mod qawwi fuq it-turiżmu u li kienu jiddependu mit-Thomas Cook Group, b'mod partikolari f'żoni bħall-Gżejjer Baleariċi, il-Gżejjer Kanarji, Rodi u Kreta; jenfasizza li s-servizzi tat-turiżmu f'dawk ir-reġjuni bbażati fuq it-turiżmu, u b'mod partikolari l-lukandi, kellhom provvista skedata ta' servizzi b'ħafna prenotazzjonijiet li kienu diġà saru għall-istaġun turistiku li jmiss qabel it-Thomas Cook Group ikkollassa, u għalhekk jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' appoġġ mill-Istati Membri biex jaffrontaw l-impatt negattiv li dan kellu fuq ħafna negozji;

10. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex issib mekkaniżmu għal koordinazzjoni u kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istituzzjonijiet finanzjarji fis-settur tat-turiżmu u biex tadotta linja baġitarja speċifika għat-turiżmu fil-baġit tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 li jmiss, sabiex talloka fondi speċifiċi b'appoġġ għall-politiki tat-turiżmu tal-UE;

11. Jemmen li r-rabtiet bejn it-turiżmu u t-trasport huma evidenti u konnessi mill-qrib; jenfasizza li t-trasport huwa parti integrali mill-industrija tat-turiżmu u t-turiżmu jikber meta jkun hemm sistemi ta' trasport aħjar fis-seħħ; jitlob, għalhekk, li Kummissarju jkollu portafoll b'kompetenzi li jikkonċernaw it-trasport, il-mobilità u t-turiżmu u jistieden lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex dan l-għan jintlaħaq;

12. Jistieden bil-qawwa lill-Istati Membri milquta mil-likwidazzjoni tat-Thomas Cook Group biex idaħħlu fis-seħħ minnufih azzjonijiet għal dawk l-impjegati li ngħataw is-sensja, bħal appoġġ, gwida u integrazzjoni, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, appoġġ għat-twaqqif ta' negozji, u kontribuzzjonijiet biex jinbdew negozji ġodda li jkunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-FEG;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw, bħala l-aħħar possibbiltà, l-adozzjoni ta' miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jafu jtaffu l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-impriżi, il-bliet, ir-reġjuni u d-destinazzjonijiet, minbarra l-konsegwenzi gravi għall-impjiegi;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-liġijiet rispettivi fl-Istati Membri wieġbu għal din l-operazzjoni ta' salvataġġ enormi; jinnota li l-kriżi kkaġunata mill-falliment tat-Thomas Cook Group mhijiex avveniment iżolat u tista' terġa' sseħħ fil-futur; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-fattibbiltà tal-adozzjoni ta' azzjonijiet u/jew miżuri speċifiċi biex tipprevjeni li sitwazzjonijiet ta' dan it-tip jerġgħu jiġru sabiex jissaħħu aktar il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-passiġġieri;

15. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-falliment tal-linji tal-ajru, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-vjaġġi kollox inkluż u d-drittijiet tal-passiġġieri fid-dawl tal-kollass reċenti tat-Thomas Cook Group sabiex tevalwa l-ħtieġa possibbli ta' kjarifika u titjib tal-leġiżlazzjoni u miżuri oħra meħtieġa biex sitwazzjonijiet simili jiġu evitati fil-futur;

16. Jistieden lill-Kummissjoni ttenni l-isforzi tagħha biex issawwar Suq Uniku Diġitali ġenwin u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex tgħin lill-kumpaniji tal-UE jimmaniġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u mudelli kummerċjali ġodda, kemm permezz tal-programmi ta' finanzjament rilevanti kif ukoll permezz ta' skema ta' aċċess għall-fondi, minbarra t-taħriġ u t-tħeġġiġ ta' mentalità ta' kummerċ diġitali;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza