MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE
21.10.2019 - (2019/2854(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Johan Danielsson, Christel Schaldemose, Agnes Jongerius, Adriana Maldonado López, Maria Grapini, Estrella Durá Ferrandis, Jude Kirton‑Darling, István Ujhelyi, Isabel García Muñoz
f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0118/2019
B9‑0119/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
− wara li kkunsidra l-Artikolu 6(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
− wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-TFUE,
− wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[1],
− wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2007 intitolata "Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv" (COM(2007)0621),
− wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),
− wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2],
− wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru[3],
− wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2013 intitolata "Il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru" (COM(2013)0129), li fiha l-Kummissjoni stabbiliet miżuri biex ittejjeb il-protezzjoni tal-vjaġġaturi f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru, inkluż l-infurzar aħjar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
− wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ir-Regolament dwar il-FEG)[4],
− wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 intitolata "Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali" (COM(2014)0086),
− wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom[5],
− wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa[6],
− wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha dwar ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-pakkett, l-Artikolu 16 dwar l-obbligu li tingħata assistenza u l-Kapitolu V, li jirregola l-protezzjoni tal-vjaġġaturi mill-insolvenza ta' organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut,
− wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb li jkun hemm qbil[8].
− wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2019 intitolata "Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta' standards soċjali għoljin" (COM (2019) 0120),
− wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 20189 dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu bħala promotur tat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-UE għall-għaxar snin li ġejjin,
− wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità[9],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-falliment tal-kumpanija Brittanika Thomas Cook, it-tieni l-akbar operatur turistiku tad-dinja, qiegħed ikollu effett ferm negattiv fuq l-ekonomija, is-suq intern tal-UE, l-impjiegi, il-fiduċja tal-konsumaturi u l-moviment liberu tal-persuni fl-UE u lil hinn minnha;
B. billi dan l-impatt fuq is-settur tat-turiżmu qiegħed jiġi aggravat minħabba l-inċertezza kkawżata mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;
C. billi l-istatistika turi li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE li jsiefru jibqgħu fl-UE u li n-numru ta' turisti internazzjonali li jżuru l-UE se jkompli jiżdied;
D. billi t-turiżmu jirrappreżenta madwar 4 % tal-PDG tal-UE, u aktar minn 10 % jekk nikkunsidraw is-setturi kollha relatati mat-turiżmu; billi s-settur tat-turiżmu huwa wkoll xprun ewlieni tal-impjiegi, peress li jimpjega kważi 12-il miljun ħaddiem u joffri mill-anqas 5 % tal-impjiegi kollha (aktar minn 27 miljun ħaddiem u kważi 12 % tal-impjiegi kollha meta nikkunsidraw ir-rabtiet tiegħu ma' setturi oħra), kif ukoll 20 % tal-impjiegi li jokkupaw iż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena;
E. billi s-settur tat-turiżmu jħaddan fih diversità kbira ta' servizzi u professjonijiet, li fihom il-mobilità għandha rwol kruċjali; billi s-settur huwa ddominat mill-impriżi żgħar u ta' daqs medju, kif ukoll individwi li jaħdmu għal rashom, li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw l-impjiegi u l-ġid f'reġjuni li jiddependu ħafna fuq it-turiżmu;
F. billi minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, l-UE kisbet is-setgħa li tappoġġa jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri tagħha fil-qasam tat-turiżmu; billi, min-naħa l-oħra, it-turiżmu ma għandu l-ebda linja speċifika fil-baġit tal-UE, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018, "Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim", fejn il-Parlament talab li tiġi introdotta allokazzjoni speċifika għat-turiżmu sostenibbli;
G. billi, minħabba l-falliment ta' Thomas Cook, kien hemm bżonn operazzjoni ta' rimpatriju enormi ta' aktar minn 600 000 ruħ minn diversi postijiet fid-dinja kollha lejn il-post ta' oriġini tagħhom;
H. billi s-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook ikkawżat danni ekonomiċi serji lis-settur tat-turiżmu u lill-impjiegi; billi dan se jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex tittejjeb il-kompetittività tas-settur u jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika numru wieħed tad-dinja, bħala xprun tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u tar-reġjuni tagħha;
I. billi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook wassal għat-telf tal-konnettività bl-ajru f'ċerti territorji tal-Istati Membri tal-UE; billi dan għandu impatt partikolari fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer tal-UE, fejn l-aċċessibbiltà u l-konnettività huma kruċjali;
J. billi l-kollass ta' Thomas Cook jolqot direttament madwar 22 000 ħaddiem fl-Ewropa u lil hinn, li qed iħabbtu wiċċhom mal-qgħad u li jaf ma jirċevux il-pagi dovuti lilhom;
K. billi l-passiġġieri għandhom id-dritt li jirċievu servizzi kif skedat, speċjalment minħabba li diġà jkunu ħallsu l-prezz tal-biljett qabel il-forniment tas-servizz; billi huwa essenzjali li l-passiġġieri jingħataw tagħrif li jinftiehem, preċiż u f'waqtu, li jkun aċċessibbli għal kulħadd;
1. Jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ qawwija tiegħu mal-ħaddiema kollha ta' Thomas Cook u mal-familji tagħhom, kif ukoll is-sottokuntratturi involuti, u jiddispjaċih dwar l-impatt negattiv li l-kollass tal-kumpanija kellu fuq l-ekonomiji u l-komunitajiet lokali; jitlob li jittieħdu miżuri ta' appoġġ għal dawn il-ħaddiema u s-sottokuntratturi, kif ukoll għar-reġjuni milquta, biex jegħlbu din is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli;
2. Jinsab inkwetat ħafna dwar is-600 000 ruħ maqbudin 'il bogħod minn darhom u l-eluf ta' fornituri u sussidjarji lokali, fil-biċċa l-kbira SMEs, li sabu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji serji kkaġunati mill-falliment ta' Thomas Cook, barra mill-impatt ta' ħsara fuq id-dehra u r-reputazzjoni tal-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni turistika tad-dinja;
3. Jifraħ lill-Istati Membri għall-urġenza li biha wettqu l-pjanijiet ta' kontinġenza għar-ripatrijazzjoni effettiva tal-vjaġġaturi kkonċernati, kif ukoll għall-implimentazzjoni rapida tagħhom ta' miżuri tal-politika dwar l-impjiegi u passi oħra biex jillimitaw l-effetti tal-falliment ta' Thomas Cook fuq il-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu u industriji relatati; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-mod kif hi tkun tista' tipparteċipa b'mod rapidu u effikaċi f'sitwazzjoni simili fil-futur;
4. Jiddispjaċih li l-ħaddiema, li huma dawk li ntlaqtu l-aktar, normalment ikollhom ftit influwenza jew setgħa ta' negozjar fil-proċedimenti ta' falliment; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-proċeduri ta' ristrutturar u ta' insolvenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema milquta minn insolvenza jkunu ggarantiti l-pagi u l-benefiċċji tal-irtirar li jkunu ħadmu għalihom;
5. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jistudjaw ir-raġunijiet tal-falliment ta' Thomas Cook bil-għan li jantiċipaw kriżijiet futuri u jistabbilixxu politiki biex jipprevjenu jew jimminimizzaw ir-riskji f'settur daqstant importanti għall-UE; jissottolinja li huwa meħtieġ monitoraġġ aħjar tal-istat finanzjarju tal-linji tal-ajru mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, biex jiġi evitat li passiġġieri Ewropej ikunu vittmi ta' fallimenti bħal dawn, meta jitqies li mill-bidu tal-2017 fallew 32 linja tal-ajru; ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 bħalissa huwa soġġett għal valutazzjoni tal-impatt, li tinkludi taqsima dwar l-obbligu tal-linji tal-ajru li jiksbu liċenzja biex joperaw; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni ta' dan ir-regolament sabiex tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet li jimmonitorjaw u jikkontrollaw aħjar l-istat finanzjarju tal-linji tal-ajru, u jirreaġixxu meta s-sitwazzjoni tkun kritika;
6. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tevalwa l-qafas legali għall-insolvenza f'każijiet ta' falliment, minkejja li għadu kif ġie rivedut, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema meta jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/1023[10]; jenfasizza li din id-direttiva m'għandhiex tagħti prijorità lill-interessi tal-investituri fuq dawk tal-konsumaturi, il-klijenti, il-kontribwenti u l-ħaddiema;
7. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw id-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza, li saru evidenti fil-każ ta' Thomas Cook u li huma problematiċi fil-każ ta' kumpaniji multinazzjonali;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tippermetti aċċess malajr u effikaċi għall-istrumenti finanzjarji tal-UE li jistgħu jikkumpensaw id-danni kkawżati lis-settur u lill-konsumaturi, u li jistgħu jgħinu t-titjib tal-kompetittività tas-settur u jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-turiżmu fil-prijoritajiet tal-istrateġija tagħha, u li tibdel l-isem tal-portafoll tat-trasport għal "Trasport u Turiżmu";
10. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' sfidi u opportunitajiet komuni fis-settur tat-turiżmu, f'oqsma bħall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, is-sostenibbiltà soċjoekonomika u ambjentali, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, il-bini tal-ħiliet professjonali u t-taħriġ tal-ħaddiema, l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-ħolqien ta' bilanċ bejn l-interessi tal-komunitajiet lokali u tal-viżitaturi; itenni l-importanza li tiġi stabbilita Strateġija tal-UE għat-Turiżmu Sostenibbli b'miżuri koordinati u konkreti; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linja baġitarja speċifika għas-settur tat-turiżmu fl-abbozz tal-baġit li jmiss tagħha, kif mitlub mill-Parlament għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027;
11. Jindika l-possibbiltajiet ipprovduti mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar; jistieden lill-Istati Membri milquta mill-falliment ta' Thomas Cook biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet tal-FEG, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjonijiet kollettivi mill-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet malajr kemm jista' jkun fiż-żmien stipulat fir-Regolament dwar il-FEG, u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri jekk tintalab tagħmel dan;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jistgħu jtaffu l-impatt ekonomiku negattiv fuq in-negozji, il-bliet, ir-reġjuni u d-destinazzjonijiet, flimkien mal-konsegwenzi serji għall-impjiegi; jenfasizza li l-ħaddiema milquta jeħtieġ li jitqiesu bħala kredituri preferenzjali fi proċedimenti ta' insolvenza;
13. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta' standards soċjali għoljin"; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi pakkett soċjali għas-settur tal-avjazzjoni bl-għan li jiġu mħarsa l-bdoti, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-ajru, l-ekwipaġġ tal-art, il-ħaddiema l-oħra u l-passiġġieri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li dan il-pakkett soċjali għandu jinkludi sistema ta' protezzjoni li tagħti perjodu ta' konċessjoni lil-linji tal-ajru li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji, taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet korrispondenti, sabiex jiġu protetti l-ħaddiema u l-passiġġieri u jiġi ffaċilitat jew l-irkupru ekonomiku tal-linja tal-ajru jew inkella t-tranżizzjoni tagħha lejn għeluq ordnat;
14. Jenfasizza l-importanza tat-tipi kollha ta' servizzi u attivitajiet relatati mat-trasport, inklużi s-servizzi tat-trasport skedati, okkażjonali, charter u tal-kiri, bħala parti integrali mis-settur tat-turiżmu; jissottolinja l-fatt li s-servizzi tat-trasport jistimulaw l-ekonomiji lokali, jappoġġaw it-tkabbir tal-impjiegi u jsaħħu l-koeżjoni soċjoekonomika u territorjali; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tas-servizzi tat-trasport fit-titjib tal-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew;
15. Jisħaq fuq l-importanza li jkun garantit suq intern għas-servizzi tat-trasport li jaħdem sew, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' ħarsien tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u titjieb il-kompetittività tal-impriżi u s-sostenibbiltà tas-settur tat-turiżmu;
16. Jissottolinja l-importanza ta' djalogu soċjali sostnut, fil-livelli kollha, ibbażat fuq fiduċja reċiproka u responsabbiltajiet konġunti, bħala wieħed mill-aħjar strumenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet kunsenswali u approċċi komuni fil-previżjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-proċessi ta' ristrutturazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali fl-iżvilupp tal-miżuri rilevanti kollha; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki abbażi tal-miżuri implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll dawk meħuda minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fis-settur, bil-ħsieb li tiġi żviluppata strateġija komuni tal-UE għas-settur tat-turiżmu;
17. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-partijiet kollha involuti jikkonformaw għalkollox mar-regolamentazzjoni nazzjonali u Ewropea dwar id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, speċjalment waqt ristrutturazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji jeħtiġilhom jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom skont il-liġi Ewropea u nazzjonali, filwaqt li jagħtu prijorità lill-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-opportunità li jistudjaw l-alternattivi proposti mis-sħab soċjali;
18. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq, wara li tikkonsulta s-sħab soċjali, proposta għal att legali dwar id-dritt tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni u dwar l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni ta' ristrutturazzjoni, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2013 dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni[11];
19. Jemmen li l-kumpaniji li jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern u mil-liġi Ewropea tal-kumpaniji għandhom, fl-istess ħin, jaderixxu mal-valuri tad-demokrazija fil-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta proposta għal direttiva li tintroduċi arkitettura ġdida u integrata għall-involviment tal-ħaddiema fil-forom tal-kumpaniji Ewropej, arkitettura li tistabbilixxi standards għoljin fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni u li tintroduċi standards minimi għar-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bordijiet; jenfasizza li dan il-qafas ġdid għandu jsir ir-referenza unika għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentanza fil-livell tal-bordijiet għall-forom kollha tal-kumpaniji Ewropej, u li għandu jintroduċi obbligu li tiġi stabbilita sistema għar-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-bord tad-diretturi (għal sistemi b'livell wieħed) jew fil-bordijiet superviżorji (għal sistemi b'żewġ livelli);
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw u jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiddefendu l-interessi tal-UE u jipprevjenu u jevitaw sitwazzjonijiet simili fil-futur, u jisiltu tagħlima minn din l-esperjenza li tista' tiġi applikata fin-negozjar ta' ftehimiet futuri dwar is-servizzi tal-ajru;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti ġdida dwar il-falliment ta' Thomas Cook; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza li jsir magħruf jekk l-awtoritajiet tal-liċenzjar rilevanti kinux ivvalutaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Thomas Cook, jekk ġietx identifikata xi problema finanzjarja u jekk setgħux jittieħdu xi miżuri biex jevitaw li eluf ta' passiġġieri jitħallew abbandunati 'l bogħod minn darhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li fid-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta tintroduċi dispożizzjoni li tistipula d-drittijiet tal-ħaddiema f'każ ta' insolvenza;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar miżuri u mekkaniżmi biex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-konsumaturi f'każ ta' falliment ta' negozju; jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u tal-limiti ta' responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, malajr kemm jista' jkun, u japprova l-pożizzjoni meħuda mill-Parlament fi Frar 2014; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill ma kellux il-ħila jilħaq ftehim fl-aħħar ħames snin; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, wara li tikkonsulta mas-sħab soċjali rilevanti, proposta għal att legali, simili għall-Att ta' Florange, li jobbliga lill-kumpaniji jinfurmaw lill-kunsill tax-xogħol f'każ ta' għeluq, sabiex il-kunsill ikun jista' jipprova jsib xerrej għall-kumpanija jew għas-sit;
23. Itenni l-ħtieġa, fir-rigward tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u r-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru, ta' mekkaniżmi obbligatorji biex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-passiġġieri fil-każ ta' insolvenza jew falliment, fost l-oħrajn permezz tal-ħolqien ta' fondi ta' garanzija jew kuntratti ta' assigurazzjoni mil-linji tal-ajru li jiggarantixxu assistenza, rimborż, kumpens u riprogrammar tar-rotta; jenfasizza li l-passiġġieri li jipprenotaw servizz awtonomu bħal pereżempju titjira waħda għandhom jirċievu l-istess protezzjoni bħal passiġġieri li jipprenotaw pakkett tal-ivvjaġġar, speċjalment minħabba li l-konsumaturi kulma jmur qegħdin dejjem iktar jipprenotaw it-titjiriet biss;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta' insolvenza fir-rigward tar-ripatrijazzjoni, inkluż il-ħolqien ta' fond speċjali għal dan il-għan;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-aħjar mezz kif jiġi indirizzat l-għeluq tal-kumpaniji, filwaqt li tħeġġiġhom jistudjaw eżempji li jinsabu fid-dispożizzjonijiet legali sabiex, sa fejn ikun fattibbli, tiġi organizzata t-tfittxija għal xerrej sabiex l-impriżi jibqgħu għaddejjin, minkejja d-deċiżjoni tas-sidien oriġinali li jwaqqfu l-operazzjonijiet;
26. Jemmen li l-evitar tat-taxxa, inkluż permezz tat-trasferiment ta' assi jew servizzi tanġibbli u intanġibbli bejn il-kumpaniji bi prezzijiet inadegwati (prezz tat-trasferiment), għandu jiġi prevenut, u li prattiki tali huma riżultat tan-nuqqas ta' koordinament Ewropew f'materji fiskali u kummerċjali; jappella għal aktar kooperazzjoni u konverġenza bejn l-Istati Membri f'materji fiskali, soċjali u baġitarji;
27. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal protezzjoni soċjali deċenti li tippermetti lin-nies jibqgħu ekonomikament attivi u jgħixu b'dinjità; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw sussidji adegwati tal-qgħad, kif ukoll servizzi ta' taħriġ u mentoraġġ professjonali għall-persuni li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, b'enfasi partikolari fuq il-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.
- [2] ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
- [3] ĠU C 257E, 6.9.2013, p. 1.
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
- [5] ĠU C 93, 24.3.2017, p. 336.
- [6] ĠU C 355, 20.10.2017, p. 71.
- [7] ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2018)0449.
- [9] ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
- [10] Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar oqfsa ta' ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132, ĠU L 172, 26.6.2019, p. 18.
- [11] ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.