Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0121/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0121/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-effetti tal-falliment tal-Grupp Thomas Cook

21.10.2019 - (2019/2854(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Markus Buchheit, Christine Anderson, Jörg Meuthen
f'isem il-Grupp ID

Proċedura : 2019/2854(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0121/2019
Testi mressqa :
B9-0121/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0121/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group

(2019/2854(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-falliment tat-Thomas Cook Group

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta[1],

 wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss,

 wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tal-Viċi President Eżekuttiv innominat għal Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans, fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2019 dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi madwar 600 000 passiġġier tħallew l-art wara l-falliment tat-Thomas Cook Group;

B. billi l-falliment tat-Thomas Cook Group poġġa madwar 22 000 impjieg f'riskju;

C. billi għad hemm aktar minn 1 000 000 klijent li bbukkjaw vjaġġi fl-2019 u mhux se jkunu jistgħu jeħduhom fiċ-ċirkostanzi kurrenti;

D. billi r-regoli ambjentali tal-UE, b'mod partikolari s-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, joħolqu żvantaġġ kompetittiv għal-linji tal-ajru u għall-kumpaniji tal-ivvjaġġar Ewropej, bħat-Thomas Cook Group;

E. billi l-għanijiet dwar il-klima l-ġodda taħt il-"Patt Ekoloġiku Ewropew" se jagħmlu s-sitwazzjoni ferm aktar diffiċli għall-industrija tal-ivvjaġġar, u potenzjalment jistgħu jwasslu għal aktar każijiet simili għall-falliment tat-Thomas Cook Group;

F. billi l-Viċi President Eżekuttiv innominat tal-Kummissjoni Ewropea ħabbar li l-emissjonijiet ta' CO2 se jkollhom jitnaqqsu b'55 % sal-2040, bil-konsegwenza li l-oqsma kollha tal-industrija Ewropea tpoġġew taħt pressjoni enormi;

G. billi l-falliment tat-Thomas Cook Group huwa eżempju ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li possibbilment jista' jaffettwa wkoll lil industriji tas-servizzi oħrajn u jwassal għal aktar telf ta' impjiegi;

H. billi r-regoli dwar il-klima l-ġodda se jżidu b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar;

I. billi skont il-kalkoli differenti, l-industrija tat-turiżmu fil-Greċja qed tiffaċċja telf ta' bejn l-EUR 250 u l-EUR 500 miljun wara l-insolvenza tal-operatur turistiku Thomas Cook;

J. billi l-industrija tat-turiżmu Spanjola hija mistennija li titlef mill-anqas EUR 200 miljun f'kontijiet ta' lukandi mhux imħallsa minn Thomas Cook;

1. Jinnota bi tħassib kbir li s-sitwazzjoni ekonomika fl-UE qiegħda ssir dejjem aktar allarmanti;

2. Iqis li l-"Patt Ekoloġiku Ewropew" se jpoġġi lill-kumpaniji Ewropej taħt pressjoni bla bżonn fi żminijiet ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha u tnaqqas il-piż iffaċċjat mis-settur turistiku Ewropew kaġun tal-miri ta' emissjonijiet ta' CO2 aktar stretti u minħabba miżuri eċċessivi oħra dwar il-klima;

4. Jenfasizza li l-miżuri dwar il-klima jirriżultaw fi spejjeż tal-ivvjaġġar ogħla għall-konsumaturi; għalhekk iwissi li dan jipperikola l-funzjonament tas-swieq u l-fluwidità tal-moviment; jinsisti li l-ivvjaġġar bi prezzijiet aċċessibbli jrid jibqa' fattur standard tad-dritt individwali għall-vaganzi, inkluż għal ċittadini bi dħul baxx;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza