Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0122/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0122/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE

21.10.2019 - (2019/2854(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Carlo Fidanza, Jorge Buxadé Villalba, Angel Dzhambazki
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0118/2019

Proċedura : 2019/2854(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0122/2019
Testi mressqa :
B9-0122/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0122/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE

(2019/2854(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 6(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-TFUE,

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv" (COM(2007)0621),

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2],

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru[4],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru" (COM(2013)0129),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ("ir-Regolament dwar il-FEG")[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali" (COM(2014)0086),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom[6],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa[7],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim[8],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-27 ta' Mejju 2019 dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu bħala xprun tat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-UE għall-għaxar snin li ġejjin,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kollass ta' Thomas Cook, l-eqdem operatur turistiku stabbilit fid-dinja, qed ikollu effett negattiv fuq l-ekonomija, is-suq intern u l-impjiegi fl-UE kollha;

B. billi t-turiżmu jirrappreżenta madwar 4 % tal-PDG tal-UE, u aktar minn 10 % tal-istess, jekk jitqiesu s-setturi kollha relatati mat-turiżmu; billi s-settur tat-turiżmu huwa wkoll xprun ewlieni tal-impjiegi, li jimpjega kważi 12-il miljun ħaddiem u joffri mill-anqas 5 % tal-impjiegi kollha (aktar minn 27 miljun ħaddiem u kważi 12 % tal-impjiegi kollha meta jitqiesu r-rabtiet tiegħu ma' setturi oħra), kif ukoll 20 % tal-impjiegi li jokkupaw iż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena;

C. billi s-settur tat-turiżmu jinkludi diversità kbira ta' servizzi u professjonijiet u, minħabba n-natura personali tal-attivitajiet fis-settur, jirrikjedi numri kbar ta' impjegati; billi t-turiżmu jservi ta' stimolu ewlieni għal bosta setturi oħra tal-ekonomija; billi s-settur huwa ddominat prinċipalment minn impriżi żgħar u ta' daqs medju li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw impjiegi u ġid f'reġjuni li jiddependu bil-kbir mit-turiżmu;

D. billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kellha l-kompetenza li ssostni jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu;

E. billi t-turiżmu huwa settur ewlieni għall-ekonomija u għall-impjiegi fl-UE, u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida, partikolarment dak ta' appoġġ għal "ekonomija għas-servizz tan-nies", għandhom għalhekk jirriflettu l-importanza tas-settur u l-bżonnijiet tiegħu;

F. billi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook irrikjeda operazzjoni ta' ripatriazzjoni enormi għal aktar minn 600 000 ruħ minn postijiet differenti madwar id-dinja lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom;

G. billi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook ikkawża danni ekonomiċi gravi lis-settur tat-turiżmu u lill-impjiegi; billi dan se jirrikjedi t-teħid ta' miżuri xierqa, bil-għan li titjieb il-kompetittività tas-settur u tingħata għajnuna lill-kumpaniji turistiċi Ewropej ħalli jkomplu jippożizzjonaw l-Ewropa bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, pożizzjoni li tmexxi t-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u tar-reġjuni;

H. billi bosta konsumaturi xtraw arranġamenti għal pakketti tal-ivvjaġġar minn Thomas Cook; billi d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar riveduta (Direttiva (UE) 2015/2302) ssupplimentat u armonizzat il-protezzjoni tal-konsumatur madwar l-Ewropa għall-konsumaturi ta' prodotti tal-pakketti tal-ivvjaġġar; billi l-insolvenza tal-operaturi tal-ivvjaġġar taffettwa b'mod negattiv lill-konsumaturi, partikolarment meta jkunu msefrin u għaldaqstant meta jkunu aktar vulnerabbli, u billi minħabba f'hekk huwa essenzjali li jiġi pprovdut livell ta' protezzjoni għoli f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn;

I. billi l-konsumaturi ta' prodotti tal-ivvjaġġar u, b'mod aktar ġenerali, il-passiġġieri għandhom jibbenefikaw minn informazzjoni aġġornata u minn gwida adegwata dwar id-drittijiet tagħhom u dwar ir-responsabbiltajiet tal-operaturi tal-ivvjaġġar jew tal-kumpaniji tal-ivvjaġġar; billi l-konsumaturi joqgħodu fuq il-forniment ta' servizzi kif skedat u huma mogħtija drittijiet f'każ li l-operaturi tal-ivvjaġġar jonqsu milli jipprovdu servizzi li għalihom ikunu diġà ġew imħallsa;

1. Jesprimi tħassib dwar il-ġestjoni tat-Thomas Cook Group, li fl-aħħar kien imġiegħel jieqaf jinnegozja, u għall-fatt li bosta eluf ta' impjegati madwar l-Ewropa tilfu l-impjieg tagħhom minħabba nuqqasijiet ta' ġestjoni; jilqa' l-aħbar li xi sezzjonijiet tan-negozju ta' Thomas Cook se jinxtraw minn kumpaniji oħrajn, inklużi l-eks aġenziji lokali tiegħu fir-Renju Unit, li issa se jinxtraw minn Hays Travel, biex b'hekk se jiġu salvati 2 000 impjieg, u l-kumpanija sussidjarja Belġjana ta' Thomas Cook, Neckermann, li se tinxtara mid-ditta Spanjola Wamos, u li se twassal biex jiġu salvati numru sinifikanti ta' impjiegi;

2. Jesprimi dispjaċir għall-fatt li 600 000 turist u vjaġġatur tħallew l-art, b'konsegwenza tal-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook, iżda jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet rilevanti kienu kapaċi jimplimentaw minnufih operazzjoni sinifikanti għar-ripatriazzjoni ta' dawk milquta; jifhem li l-biċċa l-kbira tal-passiġġieri setgħu jirritornaw lura fl-istess jum tat-titjira oriġinali bbukkjata tagħhom u jissimpatizza ma' dawk il-passiġġieri li ffaċċjaw dewmien, li tħallew l-art għal perijodi itwal jew li ġarrbu spejjeż żejda għal vaganzi li diġà kienu ħallsu għalihom, jew minħabba diffikultajiet oħrajn kaġun tal-kollass tal-kumpanija;

3. Jiddispjaċih ukoll għall-impatt fuq l-operaturi turistiċi lokali, bħal-lukandi u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport, flimkien man-negozji relatati, li bla dubju, se jintlaqtu mill-falliment ta' Thomas Cook;

4. Jissottolinja li l-industrija tat-turiżmu Ewropea hija b'saħħitha u li l-każ ta' Thomas Cook kien avveniment uniku kkawżat minn diversi fatturi; jistieden lill-Istati Membri, biex fid-dawl ta' dan il-falliment, jeżaminaw ir-rekwiżiti legali u r-regoli tat-tassazzjoni tagħhom li japplikaw għas-settur tat-turiżmu sabiex jiżguraw li dawn ikunu adatti għall-iskop tagħhom u jippromwovu industrija tat-turiżmu b'saħħitha u kompetittiva; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma biex jistudja l-impatti tal-kollass ta' Thomas Cook fuq kumpaniji turistiċi Ewropej oħrajn;

5. Jissottolinja barra minn hekk, li r-reġim ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-UE, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, kien maħsub għal ċirkostanzi simili, u fittex li jipprovdi protezzjonijiet adegwati għal din l-eventwalità, inkluża l-proviżjoni tar-ripatriazzjoni tal-passiġġieri li tħallew l-art u li kienu qegħdin jivvjaġġaw fuq vaganza kollox inkluż; jifhem li s-sistema implimentata fl-2018 ħadmet sew u l-konsumaturi bbenefikaw mir-riformi li twettqu;

6. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tippermetti aċċess minnufih u effikaċi għall-istrumenti finanzjarji tal-UE, li jistgħu jikkumpensaw għad-danni kkawżati lis-settur u jgħinu biex titjieb il-kompetittività fis-settur;

7. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, barra minn hekk, jużaw l-għodod speċjali pprovduti mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u strumenti oħra tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal, fuq bażi perjodika, sejħiet għall-offerti speċifiċi marbuta mal-industrija tat-turiżmu fuq il-bażi tal-prijoritajiet stabbiliti fil-fondi rispettivi;

8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw miżuri ta' għajnuna li jafu jtaffu l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-impriżi, u l-konsegwenzi gravi għall-impjiegi;

9. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar kull informazzjoni rilevanti ġdida rigward il-falliment ta' Thomas Cook; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-għarfien dwar jekk l-awtoritajiet inkarigati mill-ħruġ ta' liċenzji rilevanti kinux ivvalutaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Thomas Cook;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar miżuri biex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-eventwalità ta' falliment ta' negozju, filwaqt li jfakkar li d-Direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar uriet li taħdem b'mod adegwat; jistieden lill-Kunsill sabiex malajr kemm jista' jkun, jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u tal-limiti ta' responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, u japprova l-pożizzjoni meħuda mill-Parlament fi Frar 2014; jiddispjaċih għall-fatt li f'dawn l-aħħar ħames snin, il-Kunsill ma kienx kapaċi jasal għal ftehim;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza