Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0124/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0124/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group

21.10.2019 - (2019/2854(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Elena Kountoura, Nikolaj Villumsen, Kateřina Konečná, Marisa Matias, Stelios Kouloglou, Helmut Scholz, João Ferreira, Sandra Pereira, Dimitrios Papadimoulis, Alexis Georgoulis, Emmanuel Maurel, Mick Wallace, Clare Daly, Anne‑Sophie Pelletier, Leila Chaibi, Manuel Bompard, Konstantinos Arvanitis, Petros Kokkalis, Miguel Urbán Crespo, Idoia Villanueva Ruiz, Eugenia Rodríguez Palop, Younous Omarjee
f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0118/2019

Proċedura : 2019/2854(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0124/2019
Testi mressqa :
B9-0124/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0124/2019

Riżoluzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group

(2019/2854(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 152 u 195 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb ta' ftehim[3],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (COM(2010)0352),

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-għajnuna ta' salvataġġ lill-Condor (SA.55394),

 wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ir-Regolament dwar il-FEG)[4],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91[5],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2013 bit-titlu "Il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru" (COM(2013)0129),

 wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti[6],

 wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità[7],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fit-23 ta' Settembru 2019, it-Thomas Cook Group uffiċjalment iddikjara falliment u ħoloq waħda mill-akbar kriżijiet fis-settur tat-turiżmu;

B.  billi l-kollass tat-Thomas Cook ħalla mijiet ta' eluf ta' persuni l-art f'postijiet differenti madwar id-dinja; billi l-waqfien tal-operazzjonijiet tat-Thomas Cook irrikjeda operazzjoni ta' ripatriazzjoni fuq skala kbira għal dawn in-nies minn postijiet differenti lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom;

C. billi madwar 22 000 persuna direttament impjegati mit-Thomas Cook Group qed jiffaċċjaw il-qgħad; billi dan il-falliment irriżulta fl-għeluq ta' lukandi u faċilitajiet ta' akkomodazzjoni, u se jwassal ukoll għat-telf ta' eluf ta' impjiegi fis-settur tat-turiżmu u s-setturi dipendenti fuq it-turiżmu; billi bosta fornituri, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma SMEs vijabbli, jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli minħabba l-effett domino li ġie ġġenerat mill-kollass tat-Thomas Cook;

D. billi l-kollass tat-Thomas Cook jista' jkollu effett negattiv sostanzjali fuq l-ekonomiji ta' ċerti reġjuni tal-UE li kienu direttament dipendenti fuq it-turs kollox kompriż tat-Thomas Cook; billi diversi trejdjunjins u assoċjazzjonijiet ta' lukandiera madwar l-UE esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar it-telf ta' dħul u appellaw għal miżuri ta' appoġġ urġenti;

E. billi t-turiżmu huwa settur ewlieni fl-ekonomiji tal-Istati Membri, li jiġġenera aktar minn 10 % tal-PDG tal-UE jekk wieħed iqis ukoll is-setturi relatati mat-turiżmu; billi jikkostitwixxi wkoll xprun importanti għall-impjieg, peress li jimpjega direttament 13-il miljun ħaddiem u għalhekk jammonta għal mill-inqas 12 % tal-impjiegi fl-UE;

F. billi l-Ewropa hija l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, fejn għandha sehem tas-suq ta' 52 %; billi s-settur tat-turiżmu huwa partikolarment vulnerabbli kemm għall-perikli naturali kif ukoll dawk ta' oriġini umana li ma jistgħux jiġu previsti;

G. billi t-turiżmu jikkostitwixxi attività soċjoekonomika ewlenija fl-UE, b'impatt wiesa' fuq l-ekonomiji, l-impjiegi u l-iżvilupp soċjali;

H. billi diversi Stati Membri ħabbru miżuri mmirati biex jappoġġaw is-settur turistiku tagħhom bil-għan li jittaffew l-effetti negattivi tal-kollass tat-Thomas Cook Group; billi ma kien hemm l-ebda rispons konsolidat tal-UE għal din il-kriżi fis-settur tat-turiżmu; billi għadu ma ġie attivat l-ebda mekkaniżmu ta' appoġġ tal-UE;

I. billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kellha l-kompetenza li ssostni jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu; billi ma hemm l-ebda linja ddedikata għat-turiżmu fil-baġit tal-UE, u l-azzjonijiet f'dan il-qasam jaqgħu taħt diversi fondi, proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji differenti;

J. billi l-UE ħolqot strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali globali kbar jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

K. billi fil-25 ta' Settembru 2019 il-Gvern Federali tal-Ġermanja nnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti self ta' salvataġġ ta' EUR 380 miljun lill-Condor, kumpanija tal-ajru Ġermaniża tat-Thomas Cook, permezz tal-bank tal-iżvilupp pubbliku Ġermaniż Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW), u dan ġie approvat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Ottubru 2019;

L. billi hemm differenzi konsiderevoli fl-għażliet disponibbli għall-klijenti biex jiksbu rimborżi għall-vakanzi kkanċellati tagħhom; billi l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 jistipula li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur f'każ ta' insolvenza ta' operatur;

M. billi l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolament 261/2004 fil-5 ta' Frar 2014[8], għalkemm in-negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill għadhom ma bdewx peress li l-fajl ġie imblukkat fil-Kunsill;

N. billi ħafna konsumaturi mhumiex konxji tar-riskji finanzjarji li jiffaċċjaw f'każ ta' falliment ta' operatur turistiku;

O. billi l-konsumaturi li jibbukkjaw biljett ta' titjira direttament mhumiex protetti biżżejjed f'każ ta' insolvenza tal-linja tal-ajru, peress li l-qafas legali attwali tal-UE ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit dirett ta' protezzjoni mill-insolvenza għad-detenturi ta' biljetti għat-titjira biss;

P. billi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu azzjoni jekk ma jkunux sodisfatti bl-adegwatezza tal-kapital ta' trasportatur tal-ajru li huma jilliċenzaw, u jistgħu jikkunsidraw li jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzja operattiva tat-trasportatur;

Q. billi l-kapijiet eżekuttivi tat-Thomas Cook irċevew kważi EUR 22 miljun f'bonusijiet fl-aħħar ħames snin;

1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-inkonvenjenza finanzjarja u psikoloġika li sofrew u għadhom isofru mijiet ta' eluf ta' konsumaturi u eluf ta' ħaddiema u partijiet interessati fis-settur tat-turiżmu, l-aktar l-SMEs lokali, minħabba l-falliment tat-Thomas Cook Group;

2. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiżgura li l-ħaddiema tat-Thomas Cook li ngħataw is-sensja jitħallsulhom bis-sħiħ il-pagi li diġà ħadmu għalihom;

3. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema f'każ ta' insolvenza bil-għan li jingħatawlhom l-istess drittijiet ta' ripatrijazzjoni kif disponibbli għall-vjaġġaturi taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE;

4. Jisħaq fuq il-fatt li l-waqfien ħesrem tal-operazzjonijiet mit-Thomas Cook u l-effetti negattivi riżultanti tiegħu għas-settur affettwaw serjament l-immaġni u r-reputazzjoni tal-Ewropa bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja;

5. Jiddispjaċih ħafna li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja ma kinux infurmati jew ikkonsultati kif xieraq; jisħaq fuq it-twemmin qawwwi tiegħu fid-djalogu soċjali fil-livelli kollha, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka u r-responsabbiltà kondiviża, inkwantu l-aħjar strument sabiex jinstabu soluzzjonijiet kunsenswali u approċċi miftehma meta jiġu previsti, evitati u ġestiti proċessi ta' ristrutturar; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tat-tisħiħ tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet;

6. Jistieden lill-Istati Membri kollha milquta minn din l-insolvenza biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti disponibbli kollha, bħall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew, biex jassistu fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u biex jappoġġaw ir-ritorn tagħhom fis-suq tax-xogħol; ifakkar lill-Kummissjoni li l-għajnuna finanzjarja lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u għandha ssir disponibbli kemm jista' jkun malajr u kemm jista' jkun b'mod effiċjenti;

7. Jissottolinja li l-ħtieġa li tinħoloq intestatura baġitarja għat-turiżmu sostenibbli, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, fid-dawl tal-importanza tas-settur għall-ekonomiji tal-Istati Membri u bil-ħsieb li jiġu indirizzati sfidi komuni, bħall-impatt tat-tibdil fil-klima u kriżijiet oħra ta' oriġini umana b'mod ġenerali, permezz ta' mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-kriżijiet fil-post tad-destinazzjoni u permezz tat-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur permezz ta', fost miżuri oħra, il-promozzjoni tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika;

8. Jilqa' l-pjanijiet ta' kontinġenza adottati minn xi Stati Membri biex jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi affettwati, u biex itaffu l-effetti negattivi għan-negozji u l-ekonomiji lokali; jiddeplora, madankollu, in-nuqqas ta' qafas għal rispons Ewropew ikkoordinat għal sitwazzjonijiet simili;

9. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li jiġi pprovdut self ta' salvataġġ ta' EUR 380 miljun lill-Condor, kumpanija tal-ajru Ġermaniża tat-Thomas Cook, li ppermettiet li s-sussidjarja tevita s-sensji u tkompli bl-operat ta' titjiriet bħas-soltu; jistenna li l-gvern Ġermaniż jiżgura li s-self jitħallas lura kollu fi żmien sitt xhur, u li t-termini u l-kundizzjonijiet eżistenti għall-impjegati tal-Condor ma jmorrux għall-agħar;

10. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jistabbilixxu fond ta' kumpens nazzjonali biex jiġu żgurati r-rimborżi għall-konsumaturi li sfaw vittmi ta' dan il-falliment waqt il-vaganzi tagħhom jew li l-vjaġġ jew l-akkomodazzjoni bbukkjati tagħhom ġew ikkanċellati, jekk ma jkunu rċevew l-ebda kumpens mill-assigurazzjoni tal-insolvenza għall-vjaġġaturi li jkunu jibbukkjaw vaganza kollox kompriż;

11. Josserva li s-sistemi ta' kumpens għall-konsumaturi f'dan il-każ ivarjaw ħafna, u għalhekk jappella għal armonizzazzjoni minima lejn 'l fuq biex jiġu żgurati l-ogħla standards tad-drittijiet tal-konsumatur fis-settur tat-trasport u tat-turiżmu;

12. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi obbligu legali għat-trasportaturi tal-ajru biex joħolqu fond ta' garanzija għall-konsumaturi f'każ ta' insolvenza:

13. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali għal rekwiżit dirett ta' protezzjoni mill-insolvenza għal detenturi ta' biljetti għat-titjira biss, inkluż obbligu għat-trasportaturi tal-ajru li jissottoskrivu assigurazzjoni ta' insolvenza meta japplikaw għal liċenzja operattiva;

14. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-operaturi turistiċi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Istati Membri biex b'mod xieraq u attiv jinfurmaw lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom f'każ ta' falliment qabel ma jibbukkjaw it-titjiriet, l-akkomodazzjoni jew il-pakketti tal-ivvjaġġar;

15. Jistieden lill-Kunsill jimpenja ruħu li jagħti approċċ ġenerali rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97, billi reviżjoni ta' dan ir-regolament hija meħtieġa ħafna sabiex jittejbu d-drittijiet tal-konsumatur u tingħata aktar ċertezza tad-dritt lill-konsumaturi;

16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati biex iwettqu analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet għall-falliment tat-Thomas Cook, sabiex jiġu antiċipati kriżijiet futuri u jiġu fformulati politiki li jnaqqsu r-riskju li jseħħu avvenimenti simili;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza