Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0154/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0154/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran

21.10.2019 - (2019/2755(RSP))

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B9-0052/2019 u B9-0053/2019
skont l-Artikolu 136(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2019/2755(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0154/2019
Testi mressqa :
B9-0154/2019
Testi adottati :

B9-0000/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran

(2019/2755(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha, il-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982 (UNCLOS), il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (SOLAS) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979 (SAR) kif emendata, u r-riżoluzzjonijiet relatati tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni MSC.167(78) tal-20 ta' Mejju 2004 intitolata "Guidelines on the Treatment of Persons Rescued At Sea" (Linji Gwida dwar it-Trattament tal-Persuni Salvati fuq il-Baħar),

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti tal-24 ta' April 2013 intitolat "Regional Study: management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Studju Reġjonali: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; l-Espert Indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà internazzjonali; ir-rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra; u r-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-bnedmin, speċjalment in-nisa u t-tfal tal-15 ta' Mejju 2019 (AL ITA 4/2019),

 wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar ir-ritorni lejn il-Libja tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) ta' Settembru 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u r-rifuġjati fil-Libja tal-20 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja tas-26 ta' Awwissu 2019,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Ġunju 2019 intitolata "Lives saved. Rights protected. Bridging the protection gap for refugees and migrants in the Mediterranean" (Ħajjiet salvati. Drittijiet protetti. Tnaqqis tad-diskrepanza fil-protezzjoni tar-rifuġjati u l-migranti fil-Mediterran),

 wara li kkunsidra t-talba tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' Ottubru 2019 għal miżuri aktar kuraġġużi biex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-migranti kollha fil-Mediterran,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Intenzjoni dwar proċedura ta' emerġenza kkontrollata – impenji volontarji mill-Istati Membri għal mekkaniżmu ta' solidarjetà temporanju prevedibbli, tat-23 ta' Settembru 2019 (mill-Ġermanja, Franza, l-Italja, Malta u XXX fil-preżenza tal-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni),

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 li tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015 – 2020) (COM(2015)0285),

 wara li kkunsidra r-Rapport 2019 dwar id-Drittijiet Fundamentali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-aġġornament tiegħu ta' Ġunju 2019 intitolat "NGO ships involved in search and rescue in the Mediterranean and criminal investigations" (Vapuri tal-NGOs involuti fit-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran u investigazzjonijiet kriminali),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata[4],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017[5],

 wara li kkunsidra l-aġġornament tal-2018 għall-istudju tiegħu tal-2016 intitolat "Fit for purpose? The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants" (Addattata għall-iskop tagħha? Id-Direttiva dwar il-Faċilitazzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja għall-migranti irregolari),

 wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran li saret fit-3 ta' Ottubru 2019 fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

 wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill (O-000024/19 – B9-0052/2019) u lill-Kummissjoni (O-000025/19 – B9-0053/2019) dwar it-tiftix u s-salvataġġ fil-Mediterran,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

A. billi skont iċ-ċifri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), s'issa fl-2019 huwa maħsub li xi 933 persuna mietu jew għebu fil-Baħar Mediterran fi triqthom lejn l-Ewropa; billi, l-għadd ta' mwiet fil-Mediterran ilu jonqos mill-2015 (3 771 fl-2015, 2 277 fl-2018); billi skont il-UNHCR, minkejja t-tnaqqis sinifikanti fil-wasliet (141 472 fl-2018 meta mqabbla ma' 1 032 408 fl-2015), ir-rotta mil-Libja lejn l-Ewropa għadha r-rotta migratorja bl-ogħla għadd ta' mwiet fid-dinja (s'issa fl-2019 – 646 mewt) u kienet ħames darbiet aktar fatali fl-2018 milli fl-2015 b'mod partikolari minħabba tnaqqis fl-attivitajiet tat-tiftix u s-salvataġġ (SAR) lil hinn mill-kosta Libjana;

B. billi ħafna persuni vulnerabbli bħalma huma n-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati jinsabu fost dawk li qed jippruvaw jaslu l-Ewropa billi jaqsmu l-Mediterran; billi ħafna minn dawn jinsabu f'riskju ta' traffikar u sfruttament u għalhekk jeħtieġu protezzjoni immedjata (il-perċentwal ta' minorenni mhux akkumpanjati li jaslu mir-rotta tal-Mediterran ċentrali fl-aħħar 5 snin baqa' l-istess, jiġifieri 15 %, filwaqt li din is-sena aktar minn 1 100 minorenni mhux akkumpanjat waslu fil-kosta Taljana);

C. billi s-salvataġġ tal-ħajjiet huwa att ta' solidarjetà ma' dawk f'riskju, iżda l-ewwel u qabel kollox huwa obbligu legali kemm skont id-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) – li ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u mill-Unjoni nnifisha – jirrikjedi li l-Istati jassistu lil kwalunkwe persuna f'diffikultà fuq il-baħar[6], kif ukoll skont id-dritt tal-Unjoni;

D. billi l-Artikolu 19(2)(g) tal-UNCLOS, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, jipprevedi li vapur barrani għandu d-dritt ta' passaġġ innoċenti f'baħar territorjali ta' Stat li huwa parti għall-Konvenzjoni u li l-passaġġ ta' vapur barrani għandu jitqies li huwa ta' preġudizzju għall-paċi, il-bon ordni jew is-sigurtà tal-Istat kostali jekk fil-baħar territorjali huwa jkun involut fit-tagħbija jew il-ħatt ta' kwalunkwe kommodità, munita jew persuna li jmorru kontra l-liġijiet u r-regolamenti doganali, fiskali, sanitarji jew tal-immigrazzjoni tal-Istat kostali;

E. billi d-dritt internazzjonali tal-baħar u d-dritt marittimu jirrikjedu li l-Istati jieħdu miżuri preventivi, ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' fatalitajiet fuq il-baħar, inkluż billi joperaw servizzi adegwati u effikaċi tat-tiftix u s-salvataġġ; billi l-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li l-Istati jwettqu dmirijiet pożittivi fir-rigward tas-salvagwardja tal-ħajjiet ta' dawk fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom u jieħdu miżuri preventivi biex jevitaw riskji reali u immedjati għall-ħajja tal-bniedem;

F. billi fil-każ li ċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu (MRCC) responsabbli miż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ma jassumix ir-responsabbiltà għal operazzjoni, inklużi każijiet meta n-nuqqas li jsir dan ikun wieħed sistemiku, il-Linji Gwida 2004 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) dwar it-trattament tal-persuni salvati fuq il-baħar iqisu li l-ewwel Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ allertat ikun dak responsabbli;

G. billi d-dritt internazzjonali marittimu[7] u dak dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll id-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-persuni salvati jiġu żbarkati f'post ta' sikurezza[8]; billi d-dritt tal-Unjoni jiddefinixxi "post ta' sikurezza" bħala post fejn l-operazzjonijiet tas-salvataġġ jitqiesu li jitterminaw u fejn is-sikurezza tal-ħajja tas-superstiti ma tkunx mhedda, fejn jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi umani tagħhom u minn fejn jistgħu jsiru l-arranġamenti għat-trasportazzjoni lejn id-destinazzjoni li jmiss jew id-destinazzjoni finali tas-superstiti, b'kont meħud tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement[9];

H. billi l-bastimenti kollha li joperaw fil-Mediterran, inkluż meta jkunu involuti f'operazzjonijiet tas-salvataġġ, għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti u regoli applikabbli oħra;

I. billi bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu għall-iżbark u r-rilokazzjoni prevedibbli li qed jiġi kkunsidrat mill-Kunsill minkejja d-dikjarazzjonijiet magħmula f'Lulju 2019, wara laqgħa ta' livell għoli f'Pariġi, li 14-il Stat Membru kienu qablu dwar "mekkaniżmu ta' solidarjetà" ġdid propost mill-Ġermanja u Franza, u li fir-rigward tiegħu sussegwentement saret laqgħa ta' livell għoli fit-23 ta' Settembru f'Malta; billi d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara dik il-laqgħa tenfasizza l-impenn tal-Istati Membri sottoskritti favur mekkaniżmu ta' solidarjetà temporanja aktar prevedibbli u effiċjenti sabiex jiġi żgurat żbark dinjituż f'post ta' sikurezza tal-migranti li jittieħdu abbord bastimenti fl-ibħra internazzjonali; billi l-mekkaniżmu jkun validu għal 6 xhur, u jkun jiġġedded fuq ftehim ulterjuri; billi d-dikjarazzjoni ma tistabbilixxix sistema ta' kooperazzjoni dwar it-tiftix u s-salvataġġ fost l-Istati Membri parteċipanti; billi l-Parlament ma kienx involut f'dawk id-diskussjonijiet;

J. billi d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/JHA dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-prevenzjoni tal-ffaċilitazzjoni ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati tistabbilixxi regoli minimi fir-rigward ta' pieni kriminali għall-faċilitazzjoni tad-dħul irregolari kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE anki jekk din il-faċilitazzjoni ma tkunx arranġament għal gwadann finanzjarju u testendi r-regoli għal kompliċi, instigaturi u transiti irregolari; billi l-kaptani tal-vapuri u l-ekwipaġġi m'għandhomx jiffaċċjaw pieni kriminali għall-unika raġuni li jkunu salvaw persuna f'diffikultà fuq il-baħar u ħaduhom f'post ta' sikurezza[10].

K. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata, il-Parlament innota li l-eżenzjoni tal-għajnuna umanitarja għandha tiġi implimentata bħala preklużjoni ta' prosekuzzjoni, biex jiġi żgurat li ma ssirx prosekuzzjoni kontra individwi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jassistu lill-migranti għal raġunijiet umanitarji u ħeġġet lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-Istati Membri fejn jiġi speċifikat liema forom ta' faċilitazzjoni ma għandhomx jiġu kriminalizzati; billi l-kriminalizzazzjoni tista' tiskoraġġixxi lill-kaptani privati milli jipprovdu assistenza; billi hemm 10 NGOs/bastiment/individwi għaddejja minn investigazzjoni kriminali talli salvaw il-ħajjiet; billi l-NGOs li jsalvaw il-ħajjiet tal-migranti fil-Mediterran ġew innominati għall-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew fl-2018;

L. billi minn tmiem l-operazzjoni Mare Nostrum fl-31 ta' Ottubru 2014 'il hawn, ma saret l-ebda attività proattiva ta' tiftix u salvataġġ marittimi (SAR) operata minn xi stat fil-Mediterran Ċentrali;

M. billi, fis-26 ta' Settembru 2019, il-Kunsill estenda l-mandat tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA sal-31 ta' Marzu 2020, però, bħalma kien il-każ bl-estensjoni tal-mandat preċedenti, kompla jillimitaha għall-operazzjonijiet tal-ajru, filwaqt li l-operazzjonijiet marittimi (bastimenti) ssospendihom.

N. billi l-Frontex bħalissa għandha l-operazzjoni Themis (li tappoġġa lill-Italja fil-Mediterran Ċentrali), l-operazzjoni Poseidon (li tappoġġa lill-Greċja fil-fruntieri tal-baħar Grieg mat-Turkija) u l-operazzjoni Indalo (li tappoġġa lil Spanja fil-Punent tal-Mediterran) skjerati fuq il-baħar fil-Mediterran; billi ġew salvati 37 439 ruħ bl-involviment dirett tal-assi tal-Frontex f'każijiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi (SAR) fl-2018; billi sa issa fl-2019 ġew salvati 25 982 migrant fl-operazzjonijiet konġunti kollha ta' tiftix u salvataġġ marittimi (SAR) imwettqa mill-Frontex, li minnhom 1 582 ġew salvati fil-Mediterran Ċentrali; billi l-Frontex tirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-inċidenti tat-tiftix u s-salvataġġ marittimi (SAR) iseħħu barra miż-żona operazzjonali tal-Operazzjoni Konġunta Themis;

O. billi l-migranti kienu negozju li jħalli l-qligħ għall-kuntrabandisti u għat-traffikanti; billi l-mudelli kummerċjali ta' dawn tal-aħħar kienu reattivi ħafna għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq l-art u fuq il-baħar; billi huwa importanti li l-UE tintensifika l-ġlieda kontra l-kuntrabandu;

P. billi l-kuntrabandu u t-traffikar tal-migranti huma fenomeni distinti minn xulxin u indirizzati minn oqfsa legali distinti fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali; billi t-traffikar tal-bnedmin jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport jew il-ħabi ta' persuna permezz tal-użu ta' mezzi vjolenti, qarrieqa jew abbużivi għall-iskop ta' sfruttament, filwaqt li l-kuntrabandu tal-migranti, skont il-Protokoll tan-NU ta' Kontra l-Kuntrabandu[11] ifisser l-akkwist, sabiex jiġi jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju finanzjarju jew materjali ieħor, tad-dħul illegali ta' persuna fi Stat Parti li tiegħu l-persuna ma tkunx ċittadin jew resident permanenti;

Q. billi l-awtoritajiet Libjani nnotifikaw lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali b'żona ta' tiftix u salvataġġ (SAR) Libjana f'Ġunju 2018; billi, skont il-Kummissjoni[12], il-gwardja tal-kosta Libjana għadha tinterċetta jew issalva għadd kbir ta' persuni fuq il-baħar – madwar 15 000 ruħ fl-2018; billi f'għadd ta' okkażjonijiet iċ-Ċentru Konġunt ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ fil-Libja naqas milli jissodisfa għalkollox l-obbligi tiegħu skont id-dritt marittimu internazzjonali li jikkoordina operazzjonijiet ta' salvataġġ, ta' spiss ma jirreaġixxix għal sejħiet għall-għajnuna, xekkel il-bastimenti tal-NGOs milli jsalvaw il-ħajjiet u poġġa fil-periklu l-ħajjiet meta kien imur isalva jew jinterċetta persuni fuq il-baħar[13]; billi l-assi tal-Frontex kienu qed jittrażmettu informazzjoni liċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu Libjan dwar persuni li jinsabu f'diffikultà fuq il-baħar;

R. billi l-persuni interċettati mill-gwardja tal-kosta Libjana jiġu trasferiti lejn ċentri ta' detenzjoni fejn jiġu sistematikament esposti għad-detenzjoni arbitrarja f'kundizzjonijiet inumani, u fejn it-tortura u trattament ħażin ieħor, inkluż l-istupru, kif ukoll il-qtil u l-isfruttament arbitrarji huma endemiċi; billi l-UNHCR huwa tal-fehma li l-Libja ma tissodisfax il-kriterji biex tiġi assenjata bħala post ta' sikurezza għall-iskop ta' żbark wara salvataġġ minn fuq il-baħar;

S. billi wara l-għeluq ta' xi portijiet Mediterranji, il-Kummissjoni kienet qed tikkoordina żbark ad hoc u mudell ta' rilokazzjoni volontarja; billi sa mill-bidu tal-2019, ġew żbarkati 620 ruħ f'Malta, u 718-il ruħ fl-Italja; billi l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) appoġġa 12-il żbark u operazzjonijiet ta' rilokazzjoni sussegwenti fl-Italja u f'Malta; billi l-maġġoranza l-kbira ta' dawk li jiġu żbarkati japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali u ħafna minnhom huma persuni vulnerabbli bħan-nisa u l-minorenni mhux akkumpanjati li jeħtieġu protezzjoni immedjata;

T. billi madwar 100 belt u muniċipalità madwar l-Ewropa esprimew ir-rieda tagħhom li jirċievu għadd ta' rifuġjati akbar mill-kwoti nazzjonali stabbiliti ta' rilokazzjoni;

U. billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/2000[14], li ġie adottat dan l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw mill-ġdid jew jittrasferixxu tal-anqas 20 % tal-ammonti impenjati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' relokazzjoni lill-azzjonijiet taħt il-programmi nazzjonali tagħhom, għat-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għar-risistemazzjoni jew ammissjonijiet umanitarji ad hoc oħra, kif ukoll għall-miżuri preparatorji għat-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni, inkluż bil-baħar, jew għat-trasferiment tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali.

V. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, il-Parlament kien tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali biex tiġi prevenuta eskalazzjoni fl-għadd ta' mwiet ta' migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran; billi għandhom jinħolqu mogħdijiet legali u sikuri sabiex titnaqqsu l-migrazzjoni irregolari u l-għadd ta' mwiet fil-Mediterran;

W. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati, il-Parlament appella għal kapaċitajiet akbar ta' tiftix u salvataġġ għall-persuni li jkunu jinsabu f'diffikultà, biex l-istati kollha jibdew jużaw kapaċitajiet akbar, u biex l-appoġġ mogħti minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art jiġi rikonoxxut;

1. Itenni li, skont id-dritt internazzjonali tal-baħar, hemm l-obbligu li tingħata l-għajnuna lill-persuni li jinsabu f'diffikultà u jistieden lill-Istati Membri kollha biex, kemm individwalment kif ukoll meta jkunu qed jaġixxu bħala Stati Membri tal-UE jew fil-fora internazzjonali rilevanti, jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni rilevanti; jistieden lill-bastimenti kollha li jwettqu operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ biex jikkonformaw mal-istruzzjonijiet mogħtija b'konformità mad-dritt internazzjonali u dik tal-Unjoni miċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ kompetenti u jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-Frontex sabiex jissalvagwardjaw is-sikurezza tal-migranti;

2. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jtejbu l-operazzjonijiet proattivi ta' tiftix u salvataġġ billi jipprovdu biżżejjed bastimenti u tagħmir speċifikament iddedikati għall-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ u persunal, tul ir-rotot fejn jistgħu jagħtu kontribut effettiv għall-preservazzjoni tal-ħajjiet, sew jekk taħt l-umbrella ta' operazzjoni kkoordinata mill-Frontex, u sew jekk taħt operazzjonijiet internazzjonali jew taħt operazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali separati, preferibbilment operazzjonijiet ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa tali inizjattivi kemm politikament kif ukoll finanzjarjament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-bastimenti kollha li huma kapaċi jassistu fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, inklużi l-bastimenti mħaddma mill-NGOs; jemmen li l-bastimenti tal-NGOs u t-trasport marittimu merkantili m'għandhomx ikunu sostitut għall-issodisfar dovut mill-Istati Membri u mill-Unjoni tal-obbligi tagħhom ta' tiftix u salvataġġ bħala parti minn approċċ aktar fit-tul, strutturali u kkoordinat;

3. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Frontex biex iżidu l-isforzi tagħhom b'appoġġ għall-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-għadd kbir ta' persuni li l-Frontex salvat fl-2018 u fl-2019; jiddispjaċih li dan il-kontribut pożittiv għall-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ ma kienx biżżejjed biex jitnaqqas b'mod konsiderevoli n-numru ta' mwiet fil-Mediterran;

4. Jistieden lill-atturi kollha fil-Mediterran biex b'mod proattiv jittrasmettu informazzjoni relatata mal-persuni li jkunu jinsabu f'diffikultà fuq il-baħar lill-awtoritajiet kompetenti għall-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ u, fejn xieraq, kwalunkwe bastiment potenzjali fil-viċinanza li jista', b'mod imminenti, jidħol għat-tiftix u s-salvataġġ;

5. Jistieden lill-Frontex ittejjeb b'mod sinifikanti l-informazzjoni disponibbli dwar l-attivitajiet operattivi tagħha fuq il-baħar u tqiegħed informazzjoni preċiża u komprensiva għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fuq il-baħar, filwaqt li tirrikonoxxi l-obbligu legali tagħha li ma tiżvelax informazzjoni operattiva li “tista' tipperikola l-ilħiq tal-objettiv tal-operazzjonijiet”[15]; jistieden lill-Frontex tissodisfa d-doveri ta' rappurtar speċifiċi tagħha skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż li tinforma regolarment lill-Membri tal-Parlament li lejhom hija responsabbli b'informazzjoni dettaljata, fejn meħtieġ f'kuntest mhux pubbliku; għalhekk jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' informazzjoni ta' wara l-operazzjonijiet aktar dettaljata; jistieden lill-Frontex tippubblika informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħha maċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu fi Tripli u mal-gwardja tal-kosta Libjana; jemmen li hija meħtieġa politika tal-informazzjoni aktar proattiva dwar l-operazzjonijiet tagħha fuq il-baħar biex tippermetti l-iskrutinju pubbliku u b'hekk il-protezzjoni tal-Aġenzija mill-akkużi bla bażi; F'dan il-kuntest, jieħu nota tar-rikors li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-31/18[16]; jiddeplora, b'mod partikolari, li r-rapport li l-Frontex hija meħtieġa li tipproduċi skont ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 “dwar l-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament” u li s'issa huwa disponibbli għall-2014, l-2015, l-2016 u l-2017 biss fuq is-sit web tagħha ftit li xejn jipprovdi informazzjoni tanġibbli li tippermetti valutazzjoni xierqa tal-attivitajiet tal-Aġenzija fuq il-baħar;

6. Ifakkar li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur definit fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2002/90/KE ikun punibbli permezz ta' pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi, li jistgħu jinvolvu l-estradizzjoni.

7. Itenni t-tħeġġiġ tiegħu lill-Kummissjoni biex sa tmiem din is-sena tadotta linji gwida għall-Istati Membri fejn jiġi speċifikat liema forom ta' assistenza ma għandhomx jiġu kriminalizzati, sabiex tiġi żgurata konsistenza akbar fir-regolamentazzjoni kriminali tal-iffaċilitar fl-Istati Membri kollha u tiġi limitata l-kriminalizzazzjoni mhux ġustifikata;

8. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk l-azzjonijiet meħuda minn xi Stati Membri skont id-dritt nazzjonali tagħhom biex jipprevjenu lill-vapuri tas-salvataġġ milli jidħlu fl-ilmijiet territorjali tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel humiex konformi mad-dritt tal-UE dwar l-asil u mal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

9. Jistieden lill-Istati Membri jżommu l-portijiet tagħhom miftuħa għal bastimenti tal-NGOs;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni u data komprensivi dwar il-livell ta' appoġġ ipprovdut permezz ta' finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri lill-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta f'pajjiżi terzi, inklużi l-Libja, it-Turkija, l-Eġittu, it-Tuneżija u l-Marokk, mhux biss permezz ta' trasferimenti diretti iżda wkoll permezz ta' assistenza materjali, teknika u ta' taħriġ, inkluż bħala parti mill-attivitajiet tal-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-gwardja tal-kosta Libjana u jtemmu l-kooperazzjoni f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali li jħabbtu wiċċhom miegħu l-persuni interċettati fuq il-baħar wara t-trażmissjoni ta' informazzjoni permezz tal-assi tal-UE lill-gwardja tal-kosta Libjana; jappoġġa, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa biex “jirrevedu b'urġenza l-attivitajiet u l-prattiki kollha ta' kooperazzjoni mal-Gwardja tal-Kosta Libjana, jidentifikaw liema minn dawn għandhom impatt, direttament jew indirettament, fuq ir-ritorn tal-persuni interċettati fuq il-baħar lejn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u jissosspendu lil dawn l-attivitajiet sakemm ikunu fis-seħħ garanziji ċari ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem”;

11. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Frontex jiżguraw li l-iżbark iseħħ biss f'post ta' sikurezza li jkun sikur skont id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni rilevanti u li jżommu lura milli jagħtu struzzjonijiet lill-kaptani li jistgħu, direttament jew indirettament, iwasslu biex il-persuni salvati jiġu żbarkati f'post mhux sikur;

12. Jistieden lill-Istati Membri jevakwaw malajr iċ-ċentri ta' detenzjoni fil-Libja u jċaqilqu l-migranti, inkluż lejn l-UE;

13. Itenni li l-mogħdijiet sikuri u legali huma l-aħjar mod kif jiġi evitat it-telf ta' ħajjiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw bis-sħiħ l-operazzjonijiet ta' evakwazzjoni tal-UNHCR mil-Libja u jintensifikaw il-miżuri ta' risistemazzjoni u jistabbilixxu kurituri umanitarji lejn l-Unjoni Ewropea;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdem immedjatament fuq approċċ ġdid, aktar sostenibbli, affidabbli u permanenti għat-tiftix u s-salvataġġ, li jissostitwixxi s-soluzzjonijiet ad hoc eżistenti, tiżviluppa pjan ta' azzjoni operazzjonali speċifiku biex tivvaluta u twieġeb għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi (SAR) u tipprovdi appoġġ materjali u finanzjarju lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar u li jikkoordinaw l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;

15. Jistieden lill-Kunsill iressaq minnufih pożizzjoni dwar mekkaniżmu ta' distribuzzjoni ġust u sostenibbli għal dawk il-persuni li jkunu ġew salvati minn fuq il-baħar jew li jkunu waslu b'mod indipendenti fl-UE, jidħol f'negozjati mal-Parlament bħala koleġiżlatur; jilqa' l-eżitu tal-Laqgħa Ministerjali f'Malta dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' solidarjetà temporanju aktar prevedibbli u effiċjenti;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi mekkaniżmu ta' rilokazzjoni sostenibbli u ġusta għall-persuni li jaslu bil-baħar fil-varar mill-ġdid ippjanat tagħha tar-riforma tar-regoli dwar l-asil;

17. Jistieden lill-Kummissarju/Kummissarji futur(i) responsabbli għall-kwistjonijiet trattati hawnhekk biex jirrappurtaw lura dwar l-iżviluppi rilevanti lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sa kmieni fl-2020;

18. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, lill-Frontex, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), lill-Europol, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR), lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u lill-NGOs li jwettqu attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi (SAR).

 

 

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza