Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0159/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0159/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija

22.10.2019 - (2019/2883(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Tonino Picula, Isabel Santos, Andreas Schieder, Tanja Fajon
f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0156/2019

Proċedura : 2019/2883(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0159/2019

B9‑0159/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija

(2019/2883(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li tagħti lill-Maċedonja ta' Fuq l-istatus ta' kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Maċedonja ta' Fuq, min-naħa l-oħra[1],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019" (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "North Macedonia 2019 Report" (Rapport dwar il-Maċedonja ta' Fuq 2019, SWD(2019)0218), li jirrakkomandaw li n-negozjati tal-adeżjoni jinfetħu fid-dawl tal-progress li sar u tal-impenn sostnut favur riformi,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fis-16-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (JPC), li saret fit-28 ta' Marzu 2019 fi Strasburgu,

 wara li kkunsidra l-proċess tad-"Djalogu Jean Monnet" mal-mexxejja tal-parlament u mal-partiti politiċi fl-Assemblea tal-Maċedonja ta' Fuq (Sobranie), varat f'Ohrid fis-17 u t-18 ta' Mejju 2018,

 wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 817 (1993) u 845 (1993), it-Tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-Istabbiliment ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Maċedonja ta' Fuq tas-17 ta' Ġunju 2018, magħruf ukoll bl-isem tal-Ftehim ta' Prespa,

 wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-ftehim bejn l-erba' partiti dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u tal-31 ta' Awwissu 2016,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra[2],

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 intitolata "Komunikazzjoni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE 2019" (COM(2019)0260), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat "Albania 2019 Report" (Rapport dwar l-Albanija 2019, SWD(2019)0215), li jirrakkomandaw li n-negozjati tal-adeżjoni jinfetħu fid-dawl tal-progress li sar u tal-impenn sostnut favur riformi,

 wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-13-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAPC) UE-Albanija, li saret fi Brussell fil-15 ta' Ottubru 2018,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 237 tat-Trattat ta' Ruma, li jiddikjara li kwalunkwe pajjiż Ewropew għandu d-dritt li japplika biex isir membru tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-UE,

 wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin, li ġie varat fit-28 ta' Awissu 2014,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofija tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 intitolata "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

 wara li kkunsidra l-ittra konġunta tat-3 ta' Ottubru 2019 mill-Presidenti Tusk, Sassoli, Juncker u l-President elett Von der Leyen dwar il-ftuħ tat-taħditiet tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2018, li japprovaw il-konklużjonijiet dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni adottati mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2018, li jistabbilixxu triq ċara lejn il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni f'Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2019, li fihom iddeċieda li, mhux aktar tard minn Ottubru 2019, jerġa' lura għall-kwistjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija.

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019, li fihom iddeċieda li jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020,

 wara li kkunsidra r-rwol tal-President ta' Franza,

 wara li kkunsidra l-qbil bejn il-mexxejja politiċi fil-Maċedonja ta' Fuq li jorganizzaw elezzjonijiet parlamentari straordinarji fit-12 ta' April 2020, wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir f'Mejju 2020,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-gvernijiet tal-Albanija u tal-Maċedonja ta' Fuq, peress li implimentaw riformi demokratiċi robusti u inklużivi u b'mod attiv tejbu r-relazzjonijiet mal-ġirien, urew kontinwità fl-impenn favur it-triq Ewropea li qabdu;

B. billi l-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riżoluzzjoni tad-differenzi u l-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Greċja bagħat sinjal pożittiv, li kien bil-wisq meħtieġ, għall-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu, tejjeb l-ispirtu ta' relazzjonijiet ta' ġirien tajba u witta t-triq għall-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

C. billi l-Kummissjoni Ewropea ilha tirrakkomanda li jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq mill-2009 'l hawn;

D. billi, fit-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, li stabbilew triq ċara lejn il-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni f'Ġunju 2019;

E. billi, fit-18 ta' Ġunju 2019, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li, sa mhux aktar tard minn Ottubru 2019, jerġa' lura għall-kwistjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija;

F. billi, fis-17 u t-18 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir qabel is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Zagreb f'Mejju 2020;

G. billi l-President ta' Franza kellu rwol ewlieni fil-ħolqien ta' dan id-dewmien;

H. billi kull pajjiż kandidat jiġi vvalutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u billi huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li għandhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni u r-ritmu tan-negozjati;

I. billi hemm kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-adeżjoni mal-UE, sew fil-Maċedonja ta' Fuq u sew fl-Albanija;

J. billi d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jerġa' lura għall-kwistjoni tat-tkabbir fl-2020 tat lok għal elezzjonijiet bikrin fil-Maċedonja ta' Fuq;

K. billi l-indeċiżjoni kostanti tal-Kunsill Ewropew u l-issuktar tal-posponiment ta' deċiżjoni tiegħu dwar it-tkabbir jistgħu jikkawżaw instabbiltà fil-pajjiżi kkonċernati, kif ukoll fir-reġjun kollu kemm hu;

1. Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jinbdew negozjati tal-adeżjoni mal-UE mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija ġiet imblukkata; jiddispjaċih dwar ir-rwol tal-President ta' Franza, u tal-mexxejja ta' Stati Membri oħra, f'dan ir-rigward;

2. Jitlob li l-Kunsill jassumi r-responsabbiltà tiegħu u fl-aħħar jaġixxi bi qbil mal-impenji tiegħu stess; jikkundanna kwalunkwe deċiżjoni li ddgħajjef l-impenji tal-UE lejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea ilha tirrakkomanda li jinfetħu negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq mill-2009 'l hawn; jirrileva l-eżiti ta' benefiċċju reċiproku mħollija minn kważi għoxrin sena ta' tinsiġ istituzzjonali u politiku bejn l-UE u ż-żewġ pajjiżi kkonċernati;

3. Ifakkar fil-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2006, u li wara ġie approvat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2016; jitlob li l-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-kundizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji minquxa fil-politika tat-tkabbir tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tibqa' għaddejja bl-iżvilupp tagħha u tapprofondixxih, inkluża l-kapaċità tagħha li tintegra membri ġodda;

4. Itenni li l-inkapaċità tal-UE li tilħaq qbil u tibda n-negozjati ta' adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija timmina l-kredibbiltà tal-UE, mhux biss fil-Balkani tal-Punent, iżda wkoll globalment u fil-konfront taċ-ċittadini tal-UE, bħala attur globali ta' suċċess u kredibbli;

5. Jilqa' d-determinazzjoni tal-Maċedonja ta' Fuq li timxi 'l quddiem fuq l-aġenda tal-UE għal riforma u fit-twettiq ta' riżultati tanġibbli u sostnuti, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet identifikati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2018 għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni;

6. Jilqa' l-impenn politiku qawwi tal-Gvern tal-Maċedonja ta' Fuq li jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Pržino, li wassal għal intensifikazzjoni tal-sforzi favur riformi relatati mal-UE, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni interetnika u bejn diversi partiti kif ukoll ta' konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, u jissottolinja l-importanza li dawn l-isforzi f'ġieħ il-futur Ewropew tal-pajjiż jitkomplew;

7. Ifaħħar ħafna d-diplomazija pożittiva tal-Maċedonja ta' Fuq u l-isforzi attivi tal-pajjiż għat-tisħiħ tal-fiduċja, li wasslu għal kompromess, għar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet bilaterali miftuħa u għall-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' ġirien tajba; jilqa' l-Ftehim ta' Prespa tal-17 ta' Ġunju 2018 bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Greċja, kif ukoll it-Trattat dwar Relazzjonijiet ta' Ġirien Tajba bejn il-Maċedonja ta' Fuq u l-Bulgarija, li jirrappreżentaw sforz diplomatiku storiku u kisba politika, u jagħtu eżempju pożittiv lir-reġjun u lil hinn minnu; ifaħħar lill-partijiet kollha għall-isforzi sinifikanti tagħhom biex isibu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għall-kwistjoni tal-isem;

8. Jissottolinja l-kisbiet importanti tal-proċess tad-Djalogu Jean Monnet mal-Assemblea tal-Maċedonja ta' Fuq, li ġie varat f'Ohrid fis-17 u t-18 ta' Mejju 2018, kif ukoll is-segwitu tiegħu fi Skopje fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2019; jilqa' l-impenn, fil-qafas tad-Djalogu Jean Monnet, mill-president tal-parlament u mit-tmexxija parlamentari tas-Sobranie, li jiżviluppaw kultura parlamentari Ewropea moderna fejn id-djalogu demokratiku u l-bini ta' kunsens jintużaw għall-ksib ta' riformi konkreti, inklużi Kodiċi ta' Etika ġdid u reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura; jitlob li jitkompla l-proċess tad-Djalogu Jean Monnet bħala strument ewlieni ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-Assemblea tal-Maċedonja ta' Fuq u għall-iżvilupp ta' kultura ta' kompromess u djalogu politiku kostruttiv, speċjalment fost il-Membri tal-Parlament;

9. Ifaħħar il-konklużjonijiet tal-Laqgħa tal-Mexxejja tal-Maċedonja ta' Fuq fl-20 ta' Ottubru 2019, li jerġgħu jaffermaw l-impenn tal-pajjiż favur il-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u jenfasizzaw li ma hemmx alternattiva għall-Maċedonja ta' Fuq;

10. Jilqa' l-fatt li l-Albanija wriet li hija determinata timxi 'l quddiem fuq l-aġenda tal-UE għal riforma, u li l-pajjiż wettaq riżultati tanġibbli u sostnuti, skont il-kundizzjonijiet identifikati mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2018 għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni;

11. Jilqa' l-fatt li l-Gvern tal-Albanija wera, b'mod konsistenti, ir-rieda politika li jimxi 'l quddiem, minkejja atmosfera politika polarizzata;

12. Huwa tal-fehma li l-progress ta' kull wieħed miż-żewġ pajjiżi kandidati lejn l-issodisfar tal-kriterji biex jinbdew taħditiet dwar l-adeżjoni jrid jitqies għal rasu; iqis li din il-valutazzjoni ma tridx tiġi mlewna mill-kapaċità jew mill-inkapaċità tal-Unjoni li tirriforma l-proċessi tagħha stess, jew mill-aġenda politika ta' kwalunkwe Stat Membru tagħha;

13. Jissottolinja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill konsegwenti li stabbiliet Ġunju 2019 bħala d-data għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq b'rikonoxximent tal-isforzi inkoraġġanti tagħhom favur riformi; iqis li ftuħ rapidu tal-proċess ta' eżami u taħditiet dwar l-adeżjoni sejjer isostni u jqawwi l-ispinta għar-riformi; iqis li l-ftuħ tan-negozjati jipprovdi aktar inċentivi għad-demokratizzazzjoni u jsaħħaħ l-iskrutinju u l-obbligu ta' rendikont fiż-żewġ pajjiżi u madwar ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu;

14. Jitlob li l-Parlament Ewropew ikompli jintensifika l-attivitajiet tiegħu ta' appoġġ għad-demokrazija (id-Djalogi Jean Monnet u l-bini tal-kapaċitajiet) fir-reġjun, bil-għan li jiżgura li l-parlamenti jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom bħala muturi għal riforma demokratika u li jkunu jistgħu jwettqu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tar-reġjun;

15. Jitlob li l-Parlament, f'dan ir-rigward, u b'risposta għall-imblokk fi ħdan il-Kunsill Ewropew, ilaqqa' djalogu parlamentari reġjonali mat-tmexxija tal-parlamenti tal-Balkani tal-Punent, bil-għan li tiġi żviluppata strateġija dwar il-rwol tal-Parlamenti biex jimbuttaw l-aġenda tal-UE favur riforma u fit-twettiq ta' miżuri konkreti li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet Ewropej tan-nies tar-reġjun;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Albanija u tal-Maċedonja ta' Fuq.

 

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Ottubru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza