Proċedura : 2019/2876(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0179/2019

Testi mressqa :

B9-0179/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2019 - 8.8
CRE 26/11/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{20/11/2019}20.11.2019</Date>
<NoDocSe>B9-0179/2019</NoDocSe>
PDF 177kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal</Titre>

<DocRef>(2019/2876(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Jaak Madison, Annalisa Tardino, Nicolaus Fest, Tom Vandendriessche, Nicolas Bay, Markus Buchheit, Guido Reil, Gunnar Beck, Joachim Kuhs, Christine Anderson</Depute>

<Commission>{ID}f'isem il-Grupp ID</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9-0179/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal

(2019/2876(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-1989,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[1],

 wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiddikjara li ''tifel jew tifla jfissru kull bniedem taħt l-età ta' 18-il sena dment li jkunx laħaq l-età legali qabel, skont il-liġi li tapplika għat-tifel jew it-tifla'', u billi l-preambolu jafferma li t-tfal jeħtieġu kura u protezzjoni speċjali, ''inkluża protezzjoni legali xierqa, qabel kif ukoll wara t-twelid'';

B. billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija fost it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġew ratifikati, peress li ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha, u tistabbilixxi obbligi legali ċari li jippromwovu, jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

C. billi madwar 100 miljun tifel u tifla jgħixu fl-UE, u jammontaw għal 20 % tal-popolazzjoni; billi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw it-tfal jammontaw għal madwar 40 % tal-popolazzjoni;

D. billi r-rata tal-fertilità madwar l-UE ta' 1.6 wild għal kull mara hija ferm inqas mil-livelli ta' rimpjazzament, u qed tagħti lok għal xitwa demografika drammatika; billi t-tfal huma għalhekk taħt pressjoni, peress li huma raġġ ta' tama għall-ġejjieni tal-Ewropa;

E. billi miljuni ta' tfal Ewropej jiġu abortiti, u dan iħalli impatti psikoloġiċi negattivi varji fuq l-aħwa kollha li kienu ''mixtieqa'', kif ukoll fuq il-ġenituri u s-soċjetà b'mod usa';

F. billi kważi wieħed minn kull erba' vittmi tat-traffikar ta' bnedmin irreġistrati fl-UE huwa minorenni ttraffikat fl-UE, inkluż fl-Istat Membru tiegħu stess; billi l-bniet huma mmirati b'mod sproporzjonat u traffikati għall-isfruttament sesswali[2]; billi f'xi każijiet il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali tal-minorenni tista' twassal għal traffikar tal-bnedmin, peress li l-isfruttament u l-abbuż jistgħu jibdew matul it-tranżitu jew fid-destinazzjoni tagħhom, anke jekk inizjalment jingħata kunsens;

G. billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal online jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali tat-tfal, li jirriżulta fi trawma enormi u konsegwenzi ta' ħsara dejjiema fit-tfal vittmi li jistgħu jkomplu fl-età adulta, u huma fenomenu li qed jevolvi; billi qed jiżdiedu fuq l-internet forom ġodda ta' kriminalità, bħal ''pornografija b'vendetta'' u s-sesstorsjoni, u jeħtieġ li dawn jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri; billi, skont l-aħħar ċifri, in-numru ta' immaġnijiet online li juru materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (CSAM) żdied b'mod drammatiku u b'pass bla preċedent permezz tal-użu mifrux tal-internet, filwaqt li kien hemm rapporti ta' aktar minn 45 miljun immaġni u filmati mmarkati bħala abbuż sesswali tat-tfal[3];

H. billi l-edukazzjoni hija waħda mill-aħjar modi kif jistgħu jitwasslu valuri bħall-paċi, il-fehim tad-dinjità tal-bniedem u l-ġustizzja permezz ta' metodi ta' edukazzjoni formali, mhux formali u metodi informali fi ħdan il-familja u fl-iskejjel statali, u billi r-responsabbiltà ewlenija għall-edukazzjoni tat-tfal dejjem taqa' primarjament fuq il-ġenituri tagħhom;

Kummenti ġenerali

1. Iqis li t-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija opportunità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-politika u fil-prattika, u biex jittieħdu miżuri addizzjonali li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli;

2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu miżuri prattiċi li jippermettu lit-tfal igawdu s-snin tat-tfulija mingħajr ma jkunu sfurzati li jinkwetaw dwar il-klima globali, il-kunflitti militari jew avvenimenti u kwistjonijiet oħra tal-biża' rapportati mill-mezzi tax-xandir;

It-tmiem tal-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal

3. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq it-tfal, inklużi l-abbużi fiżiċi, sesswali u verbali, il-vjolenza online, iż-żwiġijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, it-tortura, l-abort, it-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, il-qtil tal-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-użu ta' suldati tfal u ta' tfal bħala tarki umani, it-tiċħid, in-negliġenza u l-malnutrizzjoni; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura, l-ideoloġija politika jew ir-reliġjon m'għandhom qatt jintużaw bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq it-tfal;

4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b'mod deċiżiv fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal billi jinvestu f'miżuri preventivi, jidentifikaw programmi speċifiċi għat-trasgressuri potenzjali u jipprovdu appoġġ effettiv lill-vittmi;

5. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/93/UE u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva[4];

6. Jiddeplora l-forom kollha ta' vjolenza kontra l-bniet, u jistieden lill-Istati Membri u lill-mexxejja reliġjużi jieħdu azzjoni biex jiġi abolit iż-żwieġ tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

L-investiment fit-tfal

7. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-familja billi jiġġieldu kontra l-isterjotipar negattiv ta' ġenituri li jibqgħu d-dar, u billi joffru inċentivi fiskali u inċentivi finanzjarji oħra li jippermettu lill-familji jagħtu prijorità lill-familja minflok lill-post tax-xogħol skont l-iskeda tagħhom stess;

8. Jinnota li l-futur tal-Ewropa jiddependi mill-kapaċità tagħna li jkollna t-tfal; jistieden lill-Istati Membri biex irawmu kultura favur il-familji, li tagħti prijorità lill-finanzjament għall-promozzjoni tal-familja naturali u tippermetti lill-koppji żgħażagħ ikollhom ħafna tfal sabiex jiġi evitat it-tnaqqis demografiku, u biex ir-riżorsi jiġu ddevjati lil hinn mill-promozzjoni tal-migrazzjoni għas-sostituzzjoni tal-massa u l-promozzjoni ta' relazzjonijiet tal-istess sess mingħajr tfal;

9. Jisħaq li huwa essenzjali li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali tat-tfal matul kull stadju tal-iżvilupp tagħhom; jinnota wkoll li l-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li sewa EUR 572 miljun mill-2014 sal-2016, qed jikser il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal li għandha l-għan li tipproteġi lit-tfal fil-ġuf; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex treġġa' lura din il-politika, tipprijoritizza d-drittijiet tal-ġenituri, u tinvesti dawn il-flus f'kura tas-saħħa materna ġenwina;

L-edukazzjoni

10. Jenfasizza li l-eċċellenza u l-innovazzjoni għandhom ikunu l-prinċipji mexxejja għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-era diġitali;

11. Jemmen li d-dritt primarju tal-ġenituri li jedukaw lit-tfal tagħhom għandu jiġi rispettat fil-forom kollha ta' kooperazzjoni bejn il-ġenituri, l-għalliema u l-awtoritajiet tal-iskejjel, u b'mod partikolari f'forom ta' parteċipazzjoni mfassla biex il-ġenituri jingħataw vuċi fit-tmexxija tal-iskejjel;

12. Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fit-titjib tal-istandards ta' kwalità fl-edukazzjoni b'mod ġenerali, u speċifikament biex jagħmlu dan fil-lingwa uffiċjali tar-reġjun ikkonċernat, u b'hekk mhux biss iwasslu l-għarfien b'mod aktar sinifikanti u aċċessibbli, iżda wkoll jgħaddu l-wirt kulturali lill-ġenerazzjoni li jmiss;

13. Jisħaq li t-tfal imrobbija f'dar integra ma' omm u missier[5] għandhom tendenza akbar li jiksbu suċċess edukattiv, jirrapportaw b'mod ġenerali livelli ogħla ta' kuntentizza, saħħa mentali u fiżika, u huma inqas probabbli li jinvolvu ruħhom f'imġiba impulsiva, li jirċievu konsulenza jew terapija tas-saħħa mentali, jew li jsofru minn dipressjoni jew ikollhom ħsibijiet suwiċidali[6]; jinnota li l-Akkademja Nazzjonali Franċiża tal-Mediċina ħarġet dikjarazzjoni uffiċjali fil-21 ta' Settembru 2019 li tafferma li ''it-tfal kollha għandhom dritt li jkollhom missier u omm'' speċjalment għaliex huwa ''fundamentali għall-personalità tat-tfal''; jinkoraġġixxi, għalhekk, politiki li jippromwovu nuklei familjari stabbli fl-aħjar interessi tat-tfal;

Tfal vulnerabbli

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jiġġieldu b'mod vigoruż kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal, jindirizzaw il-kawżi ewlenin li jagħmluhom vulnerabbli, inkluż it-tkissir tal-familja, it-tneħħija tal-kustodja ta' ġenitur wieħed jew tat-tnejn li huma, il-migrazzjoni ekonomika, id-dipendenza fuq dawk li jindukraw it-tfal u l-babysitting diġitali u l-abbuż tad-droga jew l-alkoħol;

15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirriċerkaw u jieħdu deċiżjonijiet politiċi dwar il-konsegwenzi negattivi fuq il-familji ta' tfal li jiġu abortiti (''sindromu ta' superstitu tal-abort''), peress li ntwera li dawn huma fost il-kawżi ewlenin tad-dipressjoni fit-tfal u l-adulti madwar id-dinja;

16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw politika fejn il-kustodja konġunta bin-nofs hija l-għażla prestabbilita meta sseħħ it-trawma tat-tkissir tal-familja, u biex jittieħdu proċedimenti kriminali kontra kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-missirijiet, li effettivament tħalli miljuni ta' tfal mingħajr missier u missirijiet depressi u suwiċidali;

17. Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod effettiv il-faqar fost it-tfal;

 

°

° °

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

[4] ĠU C 369, 11.10.2018, p. 96.

[5] Anderson, J., 'The impact of family structure on the health of children: Effects of divorce', The Linacre Quarterly, 81(4), 2014, pp. 378-387.

[6] Regnerus, M., 'How different are the adult children of parents who have same-sex relationships? Findings from the New Family Structures Study', Social Science Research, 41(4), 2012, pp. 752-770.

(http://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0049089X12000610)

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Novembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza