Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0189/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0189/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja

25.11.2019 - (2019/2896(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Assita Kanko, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Andrey Slabakov, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Raffaele Fitto, Adam Bielan, Beata Kempa, Carlo Fidanza, Ruža Tomašić, Jan Zahradil, Veronika Vrecionová, Hermann Tertsch, Valdemar Tomaševski
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0187/2019

Proċedura : 2019/2896(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0189/2019
Testi mressqa :
B9-0189/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0189/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja

(2019/2896(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Novembru 2019 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,

 wara li kkunsidra r-referendum tal-Bolivja ta' Jannar 2009 li approva l-kostituzzjoni l-ġdida,

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bolivja ta' April 2013,

 wara li kkunsidra r-referendum tal-Bolivja ta' Frar 2016, li rrifjuta t-tneħħija tal-limitu tal-mandat presidenzjali,

 wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bolivja ta' Novembru 2017 li neħħiet il-limitu tal-mandat presidenzjali,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bolivja tat-12 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-riżultati preliminari parzjali (TREP) imħabbra mit-Tribunal Elettorali Suprem (TSE) fl-20 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fil-Bolivja tal-21 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Awdituri dwar il-Proċess Elettorali fil-Bolivja tal-10 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tas-16 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,

 wara li kkunsidra r-riżultati finali maħruġa mit-Tribunal Elettorali Suprem (TSE) fil-25 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-OSA dwar is-sejbiet preliminari indirizzat lis-segretarjat ġenerali tal-20 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-digriet presidenzjali Nru 4078 mill-President Interim Jeanine Áñez Chávez tal-15 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi Evo Morales żamm il-kariga ta' President mingħajr interruzzjoni bejn it-22 ta' Jannar 2006 u l-10 ta' Novembru 2019 u dan b'mod kontroversjali b'riżultat tal-metodi kkontestati li ntużaw biex issir pressjoni fuq l-ogħla awtorità kostituzzjonali biex jitgħawġu r-regoli sabiex ikun jista' jibqa' fil-kariga, ħaġa li l-kostituzzjoni tal-Bolivja ma kinetx tippermetti sal-2014;

B. billi r-referendum tal-2016, li permezz tiegħu Morales ipprova jikseb ir-raba' mandat billi jabolixxi l-limitu tiegħu, ġie rrifjutat mill-poplu b'marġni żgħira; billi madankollu huwa ddeċieda li jinjora dik id-deċiżjoni u kompla jinsisti sabiex jaqleb il-kostituzzjoni fir-rigward ta' dan il-punt;

C. billi l-Qorti Kostituzzjonali neħħiet il-limiti tal-mandat eżatt fil-ħin biex Morales seta' jipparteċipa fl-elezzjonijiet tal-2019 għar-raba' mandat presidenzjali konsekuttiv, u dan b'riżultat tal-influwenza sfaċċata u qawwija li l-gvern ta' Morales għamel fuq l-ogħla setgħa eżekuttiva kostituzzjonali (il-Qorti Kostituzzjonali);

D. billi l-elezzjonijiet presidenzjali saru fil-Bolivja fl-20 ta' Ottubru 2019 u, apparti klima ta' tensjoni moderata, ma ġie osservat l-ebda episodju vjolenti sar-riżultati finali;

E. billi l-gvern interim tal-Bolivja ressaq ilment kriminali kontra l-ex President Evo Morales il-Ġimgħa li għadda b'rabta ma' allegazzjoni ta' sedizzjoni u terroriżmu;

F. billi t-TSE ta ordni mhux mistennija u mhux motivata biex l-għadd tal-voti jitwaqqaf sat-Tnejn il-21 ta' Ottubru 2019 fis-19.00, u wara dan fi ftit minuti Morales ħareġ fuq quddiem b'vantaġġ ta' aktar minn 10 % b'riżultat tal-isforzi ta' ndħil fil-votazzjoni min-naħa tal-gvern ta' Morales, liema sforzi ġew ikkonfermati sussegwentement mir-rapport tal-awditjar tal-OAS;

G. billi l-korp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet ma kellu l-ebda kredibilità; billi f'dawn iċ-ċirkostanzi l-poplu tal-Bolivja ma rrikonoxxiex ir-riżultati tal-elezzjonijiet u ddenunzja l-frodi elettorali allegata;

H. billi r-rapport tal-awditjar tal-OAS sab irregolaritajiet f'erba' oqsma: is-sistema tal-IT għat-TREP u r-riżultati finali, il-katina ta' kustodja tal-materjal elettorali, il-legalità u l-integrità tal-formoli tar-riżultati, u analiżi statistika tar-riżultati, u kkonkluda li r-riżultati tal-elezzjoni għandhom jiġu annullati u għandhom isiru elezzjonijiet ġodda hekk kif jiġu stabbiliti kondizzjonijiet xierqa, inkluż TSE ġdid;

I. billi kemm Evo Morales kif ukoll Álvaro García Linera irriżenjaw minn President u Viċi President, rispettivament, fl-10 ta' Novembru, wara pressjoni pubblika u sejħiet mill-forzi armati għar-riżenja tagħhom, u talbu asil fil-Messiku;

J. billi t-tieni Viċi President tas-senat, is-Senatur Jeanine Áñez Chávez, tqiegħdet president interim, b'konformità mal-Artikolu 169.1 tal-Kostituzzjoni tal-Bolivja, u bl-appoġġ tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Bolivja, filwaqt li tenniet li s-suċċessjoni presidenzjali ma għandha qatt tiġi interrotta; billi diversi riżenji wasslu biex it-tieni Viċi President, Jeanine Áñez, assumiet il-presidenza interim, bl-obbligu li titlob malajr elezzjonijiet presidenzjali ġodda peress li dan huwa l-uniku mod demokratiku u kostituzzjonali biex tissolva l-kriżi attwali; billi fl-14 ta' Novembru 2019, il-gvern interim tal-Bolivja u l-leġiżlaturi tal-partit tal-kandidat imneħħi minn postu, Evo Morales, kienu qed jippruvaw jilħqu ftehim biex issir elezzjoni presidenzjali ġdida;

K. billi skont il-kostituzzjoni, l-elezzjonijiet il-ġodda jridu jsiru fi żmien 90 jum mill-bidu tal-kariga tal-president interim;

L. billi l-vjolenza u l-protesti wasslu għal mijiet ta' persuni mejta u midruba;

1. Jesprimi l-oġġezzjoni qawwija tiegħu għall-mewġa attwali ta' konfrontazzjonijiet vjolenti bejn il-membri u s-segwaċi tal-partiti opposti u t-theddida possibbli ta' eskalazzjonijiet inkrimentali ulterjuri, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-membri tal-familja kollha tal-vittmi;

2. Jilqa' d-deċiżjoni unanima taż-żewġ kmamar tal-Kungress tal-Bolivja li japprovaw abbozz ta' liġi li tannulla r-riżultati tal-votazzjoni presidenzjali tal-pajjiż tax-xahar li għadda u li tippermetti li jsiru elezzjonijiet ġodda;

3. Jiddenunzja n-nuqqas ta' trasparenza u kredibilità, u t-tentattiv ta' frodi mill-awtoritajiet tal-Bolivja, li mminaw id-dritt taċ-ċittadini Bolivjani biex jeleġġu liberament u demokratikament il-President tagħhom;

4. Jesprimi tħassib qawwi dwar il-flessibbiltà kuntenzjuża li biha Morales għawweġ ir-regoli għall-iskop tiegħu li jibqa' fil-poter għal aktar minn 10 snin, u b'hekk qasam il-pajjiż u fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-episodji vjolenti li seħħew f'Ottubru u Novembru 2019 u li għadhom għaddejjin;

5. Jikkundanna bil-qawwa l-frodi elettorali, li tikkostitwixxi reat gravi; ifakkar li skont il-leġiżlazzjoni Bolivjana, l-individwi u l-organizzazzjonijiet involuti f'tali proċess illegali għandhom jiġu esklużi awtomatikament mill-korpi elettorali filwaqt li l-elezzjonijiet iridu jiġu annullati;

6. Jitlob lill-partijiet kollha jirrispettaw u jħarsu l-istat tad-dritt sabiex jiggarantixxu u jipproteġu d-demokrazija u tranżizzjoni demokratika tal-poter;

7. Itenni l-importanza tal-kawtela fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-forzi armati fid-digriet presidenzjali Nru 4078;

8. Ifakkar fid-dikjarazzjonijiet tal-President Interim Áñez bi tweġiba għall-allegazzjonijiet magħmula fil-ġimgħat li għaddew, fejn affermat mill-ġdid li l-forzi armati għadhom qed joperaw taħt il-kontroll tal-gvern;

9. Iqis li huwa ta' importanza vitali li l-ex kandidati ewlenin, Carlos Mesa u Evo Morales jitolbu b'mod attiv u pubblikament it-tmiem tal-protesti u l-vjolenza, b'appoġġ favur soluzzjoni kostituzzjonali għall-impass politiku u amministrattiv attwali;

10. Jikkundanna bil-qawwa l-isforzi tal-ex President eżiljat Morales biex jimmina l-proċess demokratiku u l-elezzjonijiet il-ġodda permezz tat-tixrid tal-propaganda ta' mibegħda u l-inċitament attiv tal-pubbliku biex iqum kontra l-gvern interim u l-forzi armati, li issa m'għadhomx jappoġġawh;

11. Jitlob li dawk responsabbli għall-persuni mejta u midruba fost id-dimostranti ċivili jitressqu quddiem il-ġustizzja wara li tkun twettqet investigazzjoni imparzjali;

12. Jappoġġa bil-qawwa t-talbiet biex l-elezzjonijiet il-ġodda jkunu diġà jistgħu jsiru f'Jannar 2020 u t-talbiet għal soluzzjonijiet ulterjuri biex titwitta t-triq għal elezzjoni presidenzjali demokratika ġdida u tranżizzjoni leġittima tal-poter;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tal-Bolivja.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza