<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>
<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli dwar il-proċess elettorali u s-sitwazzjoni fil-Bolivja tat-22 ta' Ottubru 2019, tal-24 ta' Ottubru 2019 u tad-9 ta' Novembru 2019, u d-dikjarazzjonijiet mill-VP/RGħ tal-10 ta' Novembru u tal-15 ta' Novembru 2019,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OAS fil-Bolivja tal-21 ta' Ottubru 2019,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Awdituri dwar il-Proċess Elettorali Missjoni fil-Bolivja tal-10 ta' Novembru 2019,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tas-16 ta' Novembru 2019 dwar ir-ripressjoni u l-użu mhux meħtieġ u sproporzjonat tal-forza li tissogra li tkebbes is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
–wara li kkunsidra r-referendum kostituzzjonali li sar fil-Bolivja fil-21 ta' Frar 2016,
–wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta Ewropea għall-Bolivja 2017-2020,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Bolivja,
–wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjonijiet għall-istampa dwar il-Bolivja maħruġa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ottubru, tat-12 ta' Novembru u tad-19 ta' Novembru 2019, li wissew dwar ir-riskju ta' impunità fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bolivja,
–wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Bolivjana, inklużi l-Artikolu 4 u t-Titoli VII u VIII tagħha,
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
–wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi, wara li naqas milli jirbaħ referendum biex jemenda l-Kostituzzjoni Bolivjana fl-2016, Evo Morales ippreżenta ruħu bħala kandidat għar-raba' mandat bl-approvazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, deċiżjoni li wriet in-nuqqas ċar ta' indipendenza tal-ġudikatura fil-Bolivja;
B.billi l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li seħħew fil-Bolivja fl-20 ta' Ottubru 2019 kienu kkaratterizzati minn diversi irregolaritajiet favur il-partit ta' Evo Morales; billi ċ-ċittadini ħadu sehem f'għadd kbir u b'mod paċifiku u ordnat;
C.billi wara li kienu ngħaddew aktar minn 80 % tal-voti permezz tas-Sistema ta' Trażmissjoni Rapida u Sigura tar-Riżultati Preliminari (TREP), il-Qorti Suprema Elettorali waqfet milli tiżvela aktar riżultati preliminari; billi f'dan il-punt iċ-ċifri kienu jindikaw b'mod ċar li kellu jkun hemm it-tieni rawnd ta' votazzjoni; billi 24 siegħa wara, il-Qorti Suprema Elettorali "ppreżentat data b'bidla inspjegabbli fix-xejra, li mmodifikat radikalment l-eżitu tal-elezzjoni u ġġenerat telf ta' fiduċja fil-proċess elettorali", kif iddikjarat mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS);
D.billi l-Qorti Suprema Elettorali eskludiet il-possibbiltà tat-tieni rawnd ta' elezzjonijiet fuq il-bażi li d-differenza perċentwali meħtieġa ta' 10 % bejn iż-żewġ kandidati ewlenin kienet intlaħqet;
E.billi din id-deċiżjoni qajmet dubji fost l-osservaturi nazzjonali u internazzjonali u l-komunità internazzjonali rigward it-trasparenza u l-kredibbiltà tal-proċess, kif ukoll qajmet suspetti ta' frodi; billi l-UE u l-OAS, fost oħrajn, esprimew tħassib kbir dwar l-interruzzjoni mhux ġustifikata tal-għadd tal-voti u appellaw biex isir it-tieni rawnd sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja u jiġi żgurat li l-għażla demokratika tal-poplu Bolivjan tiġi rrispettata bis-sħiħ;
F.billi t-tħabbira tar-riżultati u l-proklamazzjoni tar-rebħa minn Evo Morales ma ġewx rikonoxxuti mill-oppożizzjoni li allegat li kien hemm frodi elettorali; billi l-awtoritajiet Bolivjani stiednu lill-OAS twettaq awditu tekniku vinkolanti; billi fl-10 ta' Novembru l-awditu tal-OAS żvela irregolaritajiet u manipulazzjoni maġġuri matul l-elezzjoni, talab l-annullament tar-riżultat tal-elezzjoni u rrakkomanda proċess elettorali ġdid li għandu jinkludi awtoritajiet elettorali ġodda sabiex jiġi żgurat li titwettaq elezzjonijiet kredibbli;
G.billi membri anzjani tal-forzi armati ssuġġerew li l-ex President Evo Morales kellu jirreżenja; billi l-forzi armati u l-pulizija għandhom iżommu lura milli jinfluwenzaw il-proċessi politiċi u għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll ċivili;
H.billi Evo Morales u xi membri oħra tal-gvern tiegħu rriżenjaw mill-kariga tagħhom u ddeċidew li jitilqu mill-pajjiż u jabbandunaw il-funzjonijiet tagħhom; billi d-diversi riżenji li seħħew taw lit-tieni viċi-president Jeanine Áñez il-jedd li tassumi l-presidenza interim, bl-obbligu kostituzzjonali u r-responsabilità politika li ssejjaħ malajr elezzjonijiet presidenzjali ġodda, bħala l-unika soluzzjoni demokratika u kostituzzjonali biex tissolva l-kriżi attwali;
I.billi fit-23 ta' Novembru 2019 il-leġiżlaturi Bolivjani approvaw abbozz ta' liġi li jistabbilixxi l-kalendarju biex tiġi eletta Qorti Elettorali Suprema ġdida, li jippermetti elezzjonijiet ġodda u li jannulla r-riżultati tal-elezzjoni tal-20 ta' Ottubru 2019; billi l-abbozz ta' liġi ġie ffirmat mis-Sinjura Áñez fl-24 ta' Novembru, iżda l-kalendarju għall-elezzjonijiet il-ġodda għadu mhux ċar;
J.billi l-Bolivja qed tesperjenza ferment ċivili, protesti u dimostrazzjonijiet enormi li diġà wasslu biex mill-inqas 32 ruħ sfaw maqtula, aktar minn 700 ruħ indarbu u aktar minn 600 ġew arrestati;
K.billi l-pajjiż qed isofri minn nuqqas ta' ikel u ta' fjuwil li qed ikollhom konsegwenzi serji fuq il-popolazzjoni ċivili minħabba mblokki fit-toroq mis-sostenituri favur Morales; billi qed jiżdied it-tħassib dwar iż-żieda fil-vjolenza, allegazzjonijiet ta' użu mhux meħtieġ u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà u l-fratturazzjoni tas-soċjetà;
1.Jiddeplora u jikkundanna l-ferment ċivili u l-vjolenza li l-Bolivja qed tesperjenza b'segwitu tal-elezzjonijiet, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-membri kollha tal-familji tal-vittmi; jistieden lill-atturi politiċi differenti kollha u lil dawk responsabbli fl-armata u fil-pulizija biex iżommu lura mill-vjolenza, inaqqsu t-tensjonijiet u jrażżnu għemilhom għall-aħħar; jistieden lil dawk li qabel kienu personalitajiet politiċi kemm fil-Bolivja, kif ukoll barra minnha, biex jieqfu jinkoraġġixxu azzjonijiet li jwasslu għas-skarsezzi tal-prodotti u l-eskalazzjoni tal-vjolenza; jistieden lill-forzi tas-sigurtà biex, fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, jeżerċitaw il-proporzjonalità u jrażżnu għemilhom; jitlob li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali, trasparenti u bir-reqqa dwar il-vjolenza;
2.Jappoġġa d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2019 mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li tesprimi tħassib dwar id-Digriet 4078 li jinkoraġġixxi l-impunità għall-membri tal-forzi armati li jipparteċipaw fil-kontroll tas-sigurtà pubblika u li jmur kontra l-obbligu tal-istati li jinvestigaw, iħarrku, jiġġudikaw u jikkastigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
3.Jikkundanna lill-awtoritajiet Bolivjani għan-nuqqas ta' trasparenza u kredibbiltà tagħhom u għat-tentattiv ta' frodi elettorali; jiddefendi r-rieda libera taċ-ċittadini Bolivjani li jagħżlu demokratikament lill-President tagħhom f'konformità stretta mal-kostituzzjoni u l-liġijiet komplementari tagħha; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sejbiet tal-OAS u l-awditu elettorali;
4.Iħeġġeġ lill-atturi kollha jistabbilixxu djalogu li jimpenja ruħu li jsib soluzzjoni paċifika għall-kriżi attwali permezz ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali paċifika u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet immedjati, trasparenti, ġusti u kredibbli, inkluż it-twaqqif ta' korp elettorali ta' kompożizzjoni ġdida; jistieden lill-atturi kollha jassumu r-responsabilità demokratika tagħhom biex dan iseħħ;
5.Jilqa' l-ewwel passi li saru f'dan ir-rigward u l-approvazzjoni ta' abbozz li jippermetti li jsiru elezzjonijiet ġodda fl-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċess ta' djalogu demokratiku u paċifiku jitwettaq skont il-kostituzzjoni Bolivjana; jistieden lill-atturi kollha jirrispettaw id-dritt internazzjonali u, b'mod partikolari, il-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;
6.Itenni l-fatt li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku, u l-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni għall-Bolivjani kollha, inklużi n-nazzjonijiet u l-popli indiġeni bdiewa, huma drittijiet fundamentali u pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
7.Jenfasizza l-importanza tal-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli li jistgħu joperaw b'mod liberu u indipendenti, u jistieden lill-VP/RGħ tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali kompluta tal-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE fil-Bolivja jiffinanzjaw ukoll taħriġ ta' osservazzjoni elettorali għaċ-ċittadini għall-jum tal-elezzjoni sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika, b'mod partikolari dik taż-żgħażagħ fil-Bolivja, li kienu minn ta' quddiem fil-protesti paċifiċi kontra l-frodi elettorali;
8.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bolivja, lil-Parlament Andin u lill-Assemblea EuroLat.