<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>
<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
–wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,
–wara li kkunsidra Rapport dwar il-Bolivja tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-14 ta' Novembru 2019,
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini fis-sessjoni plenarja tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja, tat-13 ta' Novembru 2019,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi Evo Morales ħa l-kariga fl-2006 wara r-rebħa tiegħu fl-elezzjonijiet presidenzjali, u ġedded il-mandat tiegħu fl-elezzjonijiet tal-2010 u l-2015;
B.billi s-Sur Morales ħa d-deċiżjoni kontroversjali ta' kandidatura għar-raba' mandat bl-approvazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, minkejja li ma rebaħx referendum biex jemenda l-Kostituzzjoni;
C.billi fl-20 ta' Ottubru, il-Bolivjani vvutaw f'elezzjonijiet presidenzjali li kienu kkaratterizzati minn bosta irregolaritajiet; billi din is-sitwazzjoni wasslet biex iċ-ċittadini Bolivjani ħarġu jipprotestaw fit-toroq, u pprovokat vjolenza u diżordni ċivili fil-pajjiż kollu;
D.billi wara li ġew magħduda 83 % tal-voti, Morales, il-President fil-kariga, kien fuq quddiem b'45 % tal-voti, filwaqt li l-ex President Carlos Mesa, l-avversarju ewlieni tiegħu, kien kiseb 38 %;
E.billi l-osservaturi internazzjonali esprimew tħassib dwar id-dewmien ta' ġurnata fir-rappurtar tar-riżultati, li kien segwit minn żieda qawwija fl-għadd ta' voti għas-Sur Morales meta reġa' beda l-għadd tal-voti; billi s-Sur Morales ċaħad dawn l-allegazzjonijiet, u stieden lill-gvernijiet barranin biex jagħmlu awditu tal-elezzjonijiet, filwaqt li wiegħed elezzjoni oħra jekk tiġi identifikata xi frodi;
F.billi l-Gvern Bolivjan stieden lill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) twettaq awditu elettorali, u qabel li r-riżultati ta' dan l-awditu jkunu vinkolanti; billi l-awditu kkonkluda li r-riżultati tal-elezzjoni għandhom jiġu annullati minħabba irregolaritajiet serji, u li għandhom isiru elezzjonijiet ġodda malajr kemm jista' jkun;
G.billi wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-OAS, is-Sur Morales iddeċieda li jsejjaħ elezzjonijiet ġodda, immonitorjati mill-komunità internazzjonali;
H.billi s-Sur Morales u l-Viċi President tiegħu, Álvaro García Linera, kellhom jirriżenjaw mill-kariga u jaħarbu mill-pajjiż wara li tilfu l-appoġġ tal-pulizija u tal-armata;
I.billi s-Sur Morales kellu jfittex asil politiku fil-Messiku;
J.billi wara r-riżenja tas-Sur Morales, is-Sa Jeanine Añez ħadet il-kariga tagħha bħala l-uffiċjal bl-ogħla grad fil-linja tas-suċċessjoni kostituzzjonali; billi r-rwol tagħha huwa biss li tieħu ħsieb li jsiru elezzjonijiet ġodda;
K.billi s-Sa Añez iffirmat digriet kontroversjali li jipproteġi lill-forzi armati mill-prosekuzzjoni minħabba atti li jwettqu biex jinġab lura l-ordni pubbliku;
L.billi ż-żewġ kmamar tal-Assemblea Nazzjonali approvaw leġiżlazzjoni fit-23 ta' Novembru 2019 li twitti t-triq għall-elezzjonijiet presidenzjali, li sussegwentement ġiet iffirmata mill-President Interim Añez;
M.billi din il-leġiżlazzjoni tipprojbixxi lil dawk li servew għal żewġ mandati konsekuttivi milli joħorġu għall-elezzjoni, u b'hekk tagħmel lis-Sur Morales ineliġibbli;
N.billi s-Sur Morales jista' jiffaċċja akkużi ta' terroriżmu u sedizzjoni jekk jirritorna l-Bolivja;
O.billi l-protesti vjolenti wara t-tluq tas-Sur Morales mill-pajjiż diġà wasslu għall-mewt ta' 32 persuna;
1.Jitlob moderazzjoni u sens tajjeb sabiex jingħata lok għal djalogu kostruttiv bejn il-partijiet kollha kkonċernati, biex b'hekk titrawwem klima ta' fiduċja u fehim suffiċjenti sabiex il-Bolivja tkun tista' titmexxa lejn tranżizzjoni paċifika, u tegħleb l-impass attwali;
2.Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali jridu jappoġġaw l-isforzi tal-Konferenza Episkopali u tal-Mibgħut Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jikkontribwixxu għal ftehim bejn il-partijiet biex isiru elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti b'konformità mal-iskeda taż-żmien stabbilita fil-Kostituzzjoni;
3.Jemmen li l-partijiet kollha għandhom jaġixxu b'mod demokratikament responsabbli, sabiex jingħata lok ta' rikonċiljazzjoni rapida u tiġi evitata aktar vjolenza;
4.Jilqa' l-fatt li ż-żewġ kmamar tal-Assemblea Nazzjonali approvaw miżuri biex iħejju l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss, u jemmen li r-ritorn għall-istabbiltà fil-Bolivja jeħtieġ elezzjoni ġdida malajr kemm jista' jkun; għalhekk jappoġġa l-objettiv li tinħatar Qorti Elettorali indipendenti ġdida li tiggarantixxi elezzjonijiet trasparenti; jopponi kwalunkwe bidla fil-gvern li ma tkunx konformi għalkollox mal-kostituzzjoni Bolivjana;
5.Jirrifjuta l-bidla fil-gvern li seħħet f'daqqa, mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni korretta tal-kostituzzjoni u permezz tat-theddida tal-użu tal-forza;
6.Jesprimi tħassib kbir dwar l-irregolaritajiet fil-proċess tal-votazzjoni, li kkawżaw instabbiltà politika u diżordni ċivili;
7.Jiddeplora l-vjolenza li seħħet wara l-elezzjonijiet u wara li s-Sur Morales ħarab mill-pajjiż, li diġà ħalliet 32 persuna mejta, aktar minn 100 midruba, u ħsara fiżika u materjali oħra;
8.Jiċħad kwalunkwe intervent militari jew użu tal-forza kontra l-poplu Bolivjan;
9.Jitlob it-tħassir tad-Digriet 4078, li taħt ċerti ċirkostanzi jagħti eżenzjoni minn prosekuzzjoni lil membri tal-Forzi Armati li jaf ikunu responsabbli għat-trażżin vjolenti imwettaq mill-pulizija u l-armata;
10.Ikompli jappoġġa lill-poplu Bolivjan, kif għamel matul is-snin, b'mod partikolari f'dawn il-mumenti diffiċli fil-ħajja demokratika tal-pajjiż;
11.Ikompli jappoġġa l-konsolidazzjoni demokratika u l-iżvilupp istituzzjonali tar-Repubblika tal-Bolivja;
12.Ifakkar li l-kompitu uniku tas-Sinjura Añez bħala l-mexxejja ta' gvern temporanju huwa li tmexxi lill-pajjiż lejn elezzjonijiet ġodda, li fihom iċ-ċittadini Bolivjani jistgħu jiddeċiedu dwar il-gvern u l-politiki tagħhom b'mod demokratiku;
13.Jitlob li jiġu revokati ċerti miżuri inkwetanti ħafna adottati mill-gvern interim tas-Sa Añez, peress li dawn qed iservu biss biex jaggravaw is-sitwazzjoni attwali: dawn il-miżuri jinkludu l-espulsjoni ta' ġurnalisti, il-kontroll dirett mill-gvern tar-radju u tat-televiżjoni pubbliċi, it-tkeċċija ta' ambaxxaturi barra mill-pajjiż, jew is-sospensjoni ta' relazzjonijiet diplomatiċi ma' ċerti pajjiżi ġirien;
14.Jenfasizza l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal din il-kriżi minħabba s-sitwazzjoni ekonomika drammatika, fejn il-fjuwil u l-ikel qed isiru dejjem aktar skarsi, sabiex tiġi evitata kriżi umanitarja oħra li l-konsegwenzi tagħha jkunu imprevedibbli;
15.Jappoġġa l-organizzazzjoni ta' missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE fil-Bolivja;
16.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u l-Assemblea Nazzjonali tal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.