Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt fuq l-agrikoltura Ewropea tad-deċiżjoni tad-WTO dwar it-tilwima li tikkonċerna l-Airbus
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ttieħdet mill-arbitru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fit-tilwima dwar is-sussidju tal-Airbus (DS316) tat-2 ta' Ottubru 2019, li tawtorizza kontromiżuri tal-Istati Uniti dwar l-esportazzjonijiet tal-UE li jammontaw għal USD 7,5 biljun (EUR 6,8 biljun),
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni formali meħuda mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO fl-14 ta' Ottubru li tat l-approvazzjoni tiegħu għal dawk is-sanzjonijiet,
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tintroduċi tariffa ġdida ta' 25 % ad valorem fuq xi prodotti agrikoli u 10 % ad valorem fuq prodotti mhux agrikoli, mit-18 ta' Ottubru 2019,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi l-Istati Uniti hija l-ewwel waħda fost id-destinazzjonijiet għall-esportazzjonijiet agrikoli mit-28 Stat Membru tal-UE, li fl-2018 ammontaw għal EUR 22,3 biljun; billi tali esportazzjonijiet jgħinu biex jinżamm bilanċ kummerċjali pożittiv mal-Istati Uniti;
B.billi l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE b'valur ta' EUR 4,3 biljun (60 % tal-valur totali tal-kontromiżuri) se jintlaqtu minn tariffi ġodda, li se jkunu ekwivalenti għal EUR 1,1 biljun;
C.billi r-Renju Unit, Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u l-Irlanda huma, f'dik l-ordni, il-pajjiżi ewlenin affettwati mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti, peress li dawn ikopru 97 % tal-esportazzjonijiet totali esposti għat-tariffi l-ġodda; billi s-setturi agroalimentari fi Stati Membri oħra se jiġu affettwati wkoll b'mod negattiv;
D.billi l-prodotti agrikoli ewlenin fil-mira tas-sanzjonijiet tad-WTO se jkunu prodotti emblematiċi tal-UE b'valur miżjud għoli ħafna u spiss huma protetti taħt skemi ta' kwalità tal-UE (inbid u spirti, prodotti tal-ħalib u tal-laħam, żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda), li se jiġu esposti għal 92 % tal-kontromiżuri tal-Istati Uniti dwar il-kummerċ;
E.billi jinsabu fil-mira wkoll, għalkemm b'inqas intensità, prodotti agroalimentari oħra bħall-majjal, il-kafè, il-gallettini ħelwin, il-meraq tal-frott, il-frott taċ-ċitru u frott u ħxejjex oħra;
F.billi l-bdiewa u l-operaturi fil-katina agroalimentari huma għal darb'oħra, wara l-embargo Russu, vittmi ta' kunflitt kummerċjali mhux agrikolu u billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li japplikaw dawn it-tariffi se tibqa' indefinittivament sakemm l-Istati Membri jikkonformaw mar-riżoluzzjoni tad-WTO dwar it-tilwima tal-Airbus;
G.billi l-kontromiżuri tal-Istati Uniti se jżidu aktar instabbiltà fis-suq intern tal-UE, li diġà qed ikollha tħabbat wiċċha mad-disturb ikkawżat mill-projbizzjoni Russa u qed ikollha tipprepara ruħha għar-riperkussjonijiet ekonomiċi potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;
H.billi għal xi setturi, bħaż-żebbuġ tal-mejda, iż-żejt taż-żebbuġa u l-prodotti tal-laħam, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti se tipperikola aktar is-sitwazzjoni diġà fraġli tas-suq intern, filwaqt li għal setturi oħra aktar stabbli, bħall-inbid u l-prodotti tal-ħalib, dan jirriskja li jikkawża disturbi serji fis-suq b'mod ġenerali;
I.billi l-prodotti fil-mira tat-tariffi l-ġodda jista' jkollhom żidiet konsiderevoli fil-prezz għall-konsumaturi; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn il-prodotti jistgħu jiġu sostitwiti b'alternattivi minn oriġini oħra;
J.billi skont ir-regoli attwali tal-UE, il-kampanji ta' promozzjoni li diġà ġew approvati u li jimmiraw lejn is-suq tal-Istati Uniti ma jistgħux jiġu pprogrammati mill-ġdid, u xi azzjonijiet li diġà ttieħdu għall-promozzjoni ta' prodotti ta' valur għoli ħafna jistgħu jkunu inutli jekk jiġu applikati t-tariffi tal-Istati Uniti;
1.Jinnota l-approvazzjoni mogħtija mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti tal-Amerika li jimponu kontromiżuri fuq l-Unjoni Ewropea b’riżultat tat-tilwima tal-Airbus, minflok ma jfittxu soluzzjoni negozjata;
2.Jenfasizza li dawn it-tariffi mhux biss se jkollhom impatt negattiv konsiderevoli fuq dawk l-Istati Membri u fuq il-prodotti fil-mira, iżda wkoll fuq is-settur kollu tal-agrikoltura u l-katina agroalimentari madwar l-UE;
3.Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tal-isforzi tal-UE biex tinstab soluzzjoni negozjata f'waqtha qabel l-applikazzjoni tat-tariffi;
4.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli tad-WTO, timmobilizza appoġġ rapidu għas-setturi l-aktar milquta minn dawn it-tariffi, u biex tuża l-istrumenti u l-miżuri kollha tal-politika agrikola komuni (PAK) kollha biex tindirizza d-disturbi fis-suq intern, bħall-irtirar mis-suq għall-frott u l-ħxejjex, u skemi ta’ ħażna privata għall-ġobnijiet u prodotti oħra tal-ħalib, u f’dan il-kuntest tesprimi d-dispjaċir kbir tagħha dwar in-nuqqas ta’ finanzjament ad hoc fil-baġit tal-2020;
5.Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-suq tal-UE tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, sabiex tidentifika kwalunkwe disturb li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dawn is-sanzjonijiet u r-riperkussjonijiet tal-prodotti spostati mill-katina tal-provvista tal-ikel;
6.Jappoġġja t-twessigħ tal-ambitu tal-kampanji ta’ promozzjoni tal-UE biex jgħinu lill-Istati Membri fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom fi swieq terzi u biex jinstabu opportunitajiet ġodda għall-prodotti tal-UE fil-mira tat-tariffi;
7.Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għas-suq għall-prodotti affettwati mit-tariffi tal-Istati Uniti billi jiġu eliminati l-ostakli tekniċi persistenti li żammew lill-operaturi milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-possibbiltajiet ta' esportazzjoni taħt ftehimiet oħra ta' kummerċ ħieles;
8.Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti aktar flessibbiltà dwar kif tali kampanji promozzjonali jitmexxew sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jkunu reattivi u jiffukaw mill-ġdid fuq swieq alternattivi permezz ta’ programmar mill-ġdid tal-attivitajiet li diġà ġew approvati għas-suq tal-Istati Uniti;
9.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm in-negozjati miftuħa sabiex issib soluzzjoni rapida, tnaqqas it-tensjoni kummerċjali li qed tikber bejn iż-żewġ partijiet u tneħħi dawn it-tariffi punittivi fuq prodotti tal-UE;
10.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.