MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-urġenza klimatika u ambjentali
25.11.2019 - (2019/2930(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Peter Liese
f'isem il-Grupp PPE
B9-0215/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-urġenza klimatika u ambjentali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) intitolat "It-Tisħin Globali ta' 1,5°C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,
– wara li kkunsidra t-theddida qawwija li ġejja mit-telf tal-bijodiversità kif deskritta fis-sintesi tar-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tad-29 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-4 ta' Novembru 2019 tal-President tal-Istati Uniti li jirtira mill-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-25 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f'Madrid, Spanja, mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jiddikjara urġenza klimatika u ambjentali u jistqarr il-bżonn ta' azzjoni klimatika sostenibbli u bbażata fuq ix-xjenza fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'urġenza, jieħdu azzjoni olistika fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima li tkun tinkludi s-setturi kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija, inkluża l-industrija, b'mod li jkun soċjalment bilanċjat u sostenibbli bil-għan li ma jiġux ipperikolati l-impjiegi jew jiġi impost piż żejjed fuq dawk li l-anqas jifilħu għalih;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.