Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0216/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0216/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali

25.11.2019 - (2019/2930(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Alexandr Vondra, Jadwiga Wiśniewska, Anna Zalewska
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2019/2930(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0216/2019
Testi mressqa :
B9-0216/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9-0216/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali

(2019/2930(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "It-tisħin globali ta' 1,5 C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi dwaru, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

 wara li kkunsidra t-theddida qawwija ta' telf ta' bijodiversità kif deskritta fir-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema ppubblikat mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi fis-6 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (Deċiżjoni 1/CP.21) tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

 wara li kkunsidra l-25 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li se ssir f'Madrid, Spanja mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Iqis li huwa essenzjali li l-mexxejja dinjija jieħdu azzjoni biex jimpedixxu u jwaqqfu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità;

2. Jisħaq li l-fora internazzjonali rilevanti, bħall-25 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP25) li se ssir f'Madrid, Spanja u l-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15) li se ssir f'Kunming, iċ-Ċina, iridu jwasslu biex il-Partijiet jaċċelleraw it-tlestija tal-impenji eżistenti segwiti minn tiġdid u tisħiħ ta' dawn il-wegħdiet;

3. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Parlament u mal-Istati Membri biex b'mod urġenti tfassal u timplimenta pjan koerenti u komprensiv b'impenji finanzjarji adegwati għal tranżizzjoni ġusta li tistabbilixxi l-Istati Membri kollha fuq perkors ta' politika lejn emissjonijiet żero netti sal-2050 u li jista' jinkiseb;

4. Jirrikonoxxi li l-arranġament taż-żewġ sedijiet tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet plenarji parzjali tiegħu għandu impatt ambjentali sinifikanti, li jiġġenera piż annwali ta' CO2 ta' madwar 11 000 u 19 000 tunnellata, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat arranġament ta' sede unika mill-aktar fis possibbli;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tiġi ċċirkolata lill-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni li mhumiex membri tal-UE.

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza