MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
25.11.2019 - (2019/2855(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Jadwiga Wiśniewska, Nicola Procaccini, Beata Kempa, Zdzisław Krasnodębski
f'isem il-Grupp ECR
B9‑0224/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, li jistabbilixxi l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU permezz tar-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità[1],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni[2] u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[4], kif ukoll id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[5],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija valur ċentrali tal-UE u hija stabbilita fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
B. billi l-vjolenza fuq in-nisa għadha fenomenu li qed jippersisti fl-UE; billi n-nisa għadhom jesperjenzaw stupru, vjolenza sesswali u fastidju online;
C. billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel m'għandhiex tiġi ttrattata bħala kwistjoni privata, peress li fil-fatt hija reat kriminali li jrid jiġi kkastigat bħala tali, li hu l-każ fl-Istati Membri kollha tal-UE, fejn għandha tibqa' l-kompetenza li jiġu identifikati u mħarrka tali reati,
D. billi l-ebda intervent uniku mhu se jelimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel, iżda kombinazzjoni ta' azzjonijiet infrastrutturali, legali, ġudizzjarji, azzjonijiet ta' infurzar, azzjonijiet kulturali, edukattivi, soċjali, azzjonijiet rigward is-saħħa u miżuri oħra relatati mas-servizzi jistgħu jqajmu kuxjenza u jnaqqsu l-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti;
1. Ifakkar li l-Istati Membri huma marbuta bl-Artikolu 2 tat-TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biex jiggarantixxu, iħarsu u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;
2. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u jinsab qrib dawk kollha li jsofru minn abbuż domestiku; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li inċidenti ta' vjolenza fuq l-rġiel imwettqa minn konjuġi jew sħab huma sottorappurtati minn vittmi rġiel u ma jingħatawx l-attenzjoni dovuta mill-pulizija u mis-servizzi ġudizzjarji;
3. Jinnota li l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel tista' tinkludi l-abbuż fiżiku, l-abbuż emozzjonali, l-iżolament, it-theddid, l-abbuż sesswali, l-abbuż ekonomiku, l-intimidazzjoni, l-użu manipulattiv tat-tfal jew tal-annimali domestiċi u forom oħra ta' estorsjoni; jenfasizza li fil-każ ta' nisa tqal, il-vjolenza domestika għandha impatt negattiv fuq is-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal;
5. Ifakkar li l-25 ta' Novembru huwa l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jikkondividu l-aħjar prattiki u jiskambjaw modi effettivi biex tiġi evitata l-vjolenza u jiġu protetti l-irġiel u n-nisa minn vjolenza sessista;
6. Jinnota li t-28 Stat Membru ffirmaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tenfasizza r-rieda politika fost l-Istati Membri li jtemmu l-vjolenza fuq in-nisa; jirrikonoxxi li 21 Stat Membru rratifikaw il-Konvenzjoni; jenfasizza li huwa d-dritt sovran ta' Stat Membru li jirratifika u jimplimenta l-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tagħha;
7. Jieħu nota tal-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tistipula li: "Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li l-Konvenzjoni tista' taffettwa regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom. Dan japplika, b'mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni relatati mal-asil u n-non-refoulement. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom."
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.