Proċedura : 2019/2803(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0233/2019

Testi mressqa :

B9-0233/2019

Dibattiti :

PV 17/12/2019 - 15
CRE 17/12/2019 - 15

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2019 - 13.9
CRE 18/12/2019 - 13.9

Testi adottati :

P9_TA(2019)0104

<Date>{10/12/2019}10.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0233/2019</NoDocSe>
PDF 203kWORD 58k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara</Titre>

<DocRef>(2019/2803(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Mairead McGuinness, István Ujhelyi, Frédérique Ries, Martin Häusling, Luisa Regimenti, Pietro Fiocchi, Kateřina Konečná</Depute>

<Commission>{ENVI}f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9‑0233/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara

(2019/2803(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi (COM(2013)0395),

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi[3],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A. billi l-Kummissjoni varat l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fl-1 ta' Ġunju 2018 b'reazzjoni għas-sejħiet tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fid-dakkara;

B. billi diġà saret ħafna riċerka dwar ir-raġunijiet għat-tnaqqis fid-dakkara; billi l-implimentazzjoni tas-sejbiet ta' din ir-riċerka għadha 'l bogħod minn dak li hu mixtieq;

C. billi d-dakkara selvaġġi għandhom rwol vitali fid-dakkir tal-għelejjel; billi n-naħal tal-għasel jappoġġjaw din il-kontribuzzjoni;

D. billi d-dakkir min-naħal tal-għasel jissupplimenta biss, pjuttost milli jissostitwixxi, id-dakkir pprovdut minn firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' insetti[4] inklużi n-naħal solitarji, il-friefet, is-syrphidae u l-ħanfus;

E. billi, fil-11 ta' Ottubru 2019, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ħarġet sejħa urġenti biex l-azzjoni ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet tiżdied b'mod massiv b'reazzjoni għall-kriżi li qed teskala tal-bijodiversità; billi l-IUCN appellat lill-gvernijiet tad-dinja biex sal-2030 iwaqqfu t-tnaqqis fl-ispeċijiet u jipprevjenu l-estinzjonijiet ikkawżati mill-bniedem u jtejbu l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet mhedda bil-għan li sal-2050 ikun seħħ irkupru mifrux ;

F. billi d-dakkara jipprovdu servizzi ta' ekosistemi diretti u indiretti essenzjali bħad-dakkir, il-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara, iż-żamma tal-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, u l-estetika tal-pajsaġġ;

G. billi huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-importanza tad-dakkara għall-produttività agrikola;

H. billi fl-Unjoni biss, 78 % tal-ispeċijiet tal-fjuri selvaġġi jiddependu, tal-inqas b'mod parzjali, mid-dakkir permezz tal-annimali[5];

I. billi d-data u l-informazzjoni dwar l-insetti dakkara għajr in-naħal u l-friefet huma inadegwati;

J. billi d-dakkara jinkludu insetti bħalma huma n-naħal, is-syrphidae, il-friefet, il-baħrijiet, il-ħanfus, in-naħal bagħli, it-thysanoptera, il-mammiferi bħall-friefet il-lejl, u l-għasafar;

K. billi d-dakkara b'saħħithom huwa essenzjali għall-attività agrikola fl-Unjoni Ewropea, peress li 84 % tal-ispeċijiet tal-għelejjel[6] u 76 % tal-produzzjoni Ewropea tal-ikel jiddependu mid-dakkir mill-insetti; billi sa EUR 15-il biljun mill-produzzjoni agrikola annwali tal-UE jistgħu jiġu attribwiti direttament lid-dakkara[7];

L. billi d-dakkara jirrappreżentaw wieħed mill-aktar indikaturi importanti tas-saħħa tal-ambjent tagħna; billi l-istatistika u x-xejriet minn madwar l-Ewropa, filwaqt li xi kultant ikunu parzjali, ilkoll jindikaw tnaqqis inkwetanti fil-popolazzjonijiet tad-dakkara;

M. billi huwa ċar li l-istatus ta' konservazzjoni tal-friefet u tal-ħabitats ta' bwar seminaturali tagħhom huwa wieħed ħażin u huwa indikatur tajjeb tas-sitwazzjoni tan-naħal selvaġġ, tas-syrphidae, tal-baħrijiet u ta' dakkara oħra;

N. billi 56 speċi biss ta' dakkara huma protetti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)[8] u 67 % tal-valutazzjonijiet tagħhom huma sfavorevoli;

O. billi l-Parlament Ewropew beda diversi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji biex ikompli jistudja t-tnaqqis fid-dakkara u jiżviluppa soluzzjonijiet konkreti biex itaffi t-tnaqqis inkwetanti fil-popolazzjonijiet tad-dakkara[9];

P. billi, bl-għan li d-dakkara jiġu mħarsa u rkuprati b'mod adegwat, hemm bżonn li l-użu tal-pestiċidi li jagħmlu ħsara lid-dakkara u lill-ikel tagħhom jitnaqqas bil-kbir;

Q. billi l-użu ta' ċerti pestiċidi nstab li għandu rabta ma' effetti ekoloġiċi avversi, inklużi riskji qawwija kemm għan-naħal domestiku kif ukoll għal dak selvaġġ li huma responsabbli biex idakkru l-biċċa l-kbira tal-uċuh madwar id-dinja kollha;

R. billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[10], l-utenti professjonali tal-pestiċidi għandhom iżommu rekords tal-użu tal-pestiċidi għal mill-inqas tliet snin, li jkun fihom l-isem tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, il-ħin u d-doża tal-applikazzjoni, u iż-żona u l-għalla fejn intuża l-prodott;

S. billi, f'April tal-2018, l-Unjoni qablet li tipprojbixxi kompletament l-użu fil-miftuħ tal-imidakloprid, tal-klotijanidin u tat-tijametoksam, magħrufa bħala neonikotinojdi;

T. billi għadd ta' Stati Membri rrapportaw derogi ta' emerġenza rigward l-użu ta' dawn in-neonikotinojdi fuq it-territorju tagħhom; billi tali notifiki għandhom ikunu ta' kwalità tajba u jinħarġu b'mod pubbliku; billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkludiet li għal madwar terz tal-prodotti li għalihom ingħataw awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza, kien hemm alternattivi disponibbli; billi l-EFSA jista' jkollha rwol fl-eżaminazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza[11];

U. billi ntwera li l-użu tal-glifosat huwa ta' ħsara għall-batterji tan-naħal tal-għasel u b'hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-dakkara u t-telf tal-ħabitat;

V. billi d-Dokument ta' Gwida tal-EFSA dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (2013 EFSA bee guidance - Gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013), li ġie approvat fl-2013 u li jirrappreżenta l-aktar metodoloġija xjentifika aġġornata tar-riskji tal-pestiċidi fuq l-Apis mellifera, il-Bombus spp. u n-naħal solitarju, ma ġiex approvat bis-sħiħ mill-Istati Membri; billi din is-sitwazzjoni ddgħajjef l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u, għalhekk, ma tiżgurax protezzjoni aħjar ta' dawn l-ispeċijiet;

W. billi, minbarra l-impatt tal-insettiċidi fuq id-dakkara, l-erbiċidi tal-ispettru wiesa' li jintużaw fuq l-iskala ta' pajsaġġ, bħala erbiċidi preventivi għal qabel ma jinbet il-ħaxix ħażin jew bħala aġenti tat-tnixxif, jeqirdu s-sorsi tal-ikel tad-dakkara barra mill-perjodi ta' fjoritura tal-għelejjel ewlenin u jikkontribwixxu għat-tnaqqis drastiku tal-popolazzjonijiet;

X. billi anke l-applikazzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 xorta tkun tħalli l-friefet, il-baħrijiet u s-Syrphidae mingħajr protezzjoni mis-sistema ta' approvazzjoni tal-pestiċidi;

Y. billi l-ħabitats konnessi tad-dakkara bħalma huma l-ifilsa ta' art ta' lqugħ, ir-ringieli tas-sġajriet u l-mogħdijiet tal-ilma bil-ħaxix ma' tulhom, jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi kkontrollata l-erożjoni tal-art u, b'mod ġenerali, jikkontribwixxu għat-titjib tal-bijodiversità, u huma potenzjalment utli għat-titjib tal-kwalità tal-ikel disponibbli kemm għan-naħal domestiku kif ukoll għad-dakkara selvaġġi;

Z. billi ħafna ħabitats tad-dakkara saru frammentati ħafna u l-ispeċijiet speċjalizzati qed jiġu mhedda dejjem aktar mill-ġestjoni ħażina tal-ħabitats u mit-tibdil fil-klima;

AA. billi l-okkorrenza, il-konservazzjoni u l-irkupru taż-żoni ta' fjuri indiġeni, anke f'żoni urbani, huma essenzjali għal popolazzjonijiet b'saħħithom ta' dakkara selvaġġi;

AB. billi d-dakkara selvaġġi u dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa jipprovdu servizzi ta' dakkir kważi għalkollox mingħajr ħlas; billi dan jikkontrasta b'mod drastiku ma' partijiet oħra tad-dinja, fejn il-kost tad-dakkir huwa konsistenti ma' kosti oħra tal-fatturi produttivi tal-azjendi agrikoli bħalma huma ż-żrieragħ, il-fertilizzanti u l-pestiċidi;

AC. billi d-dakkara jġibu ġid soċjali u kulturali fis-sura ta' rimedji, prodotti, arti u tradizzjonijiet;

AD. billi dan is-servizz ta' dakkir li fil-parti l-kbira tiegħu jingħata b'xejn jissupplimenta s-servizz tad-dakkara selvaġġi u huwa possibbli biss minħabba li l-għajn prinċipali tad-dħul għal dawk li jrabbu n-naħal huwa l-bejgħ tal-għasel u ta' prodotti oħra tan-naħal; billi l-importazzjonijiet ta' għasel adulterat jheddu l-bażi ekonomika tat-trobbija tan-naħal fl-UE;

AE. billi l-miżuri agroambjentali ma ġewx implimentati fuq skala suffiċjenti madwar l-UE biex jikkumpensaw għat-telf tal-ħabitats tad-dakkara u għat-tnaqqis fil-kwalità tal-ħabitats; billi l-ekoloġizzazzjoni naqset milli tipprovdi titjib sinifikanti;

AF. billi l-introduzzjoni ta' indikatur tal-impatt tad-dakkara ġiet mitluba fil-pożizzjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali fil-kuntest tal-proposta għal regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (COM(2018)0392);

AG. billi l-introduzzjoni ta' indikatur tad-dakkara tista' tikkontribwixxi għal proċessi ottimali ta' teħid ta' deċiżjonijiet, infiq pubbliku aktar effikaċi, aktar responsabbiltà u fehim tal-impatt tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni;

AH. billi l-fertilizzazzjoni żejda tal-għelejjel tikkontribwixxi biex tonqos l-okkorrenza tal-pjanti li jagħmlu l-fjuri li jirrappreżentaw bażi alimentari potenzjali għad-dakkara;

AI. billi l-emissjonijiet tan-nitrati jikkawżaw l-ewtrofikazzjoni u t-tkabbir sfiq tal-ħaxix, li joħnoq il-ħxejjex aromatiċi u l-fjuri fil-ħaxix irqiq, jgħattu l-art vojta użata bħala ħabitat għat-tibjit minn ħafna dakkara, u jikkawżaw dell f'livell baxx li joħloq mikroklima friska li mhix adattata għal ħafna mill-ispeċijiet indiġeni;

Kummenti ġenerali

1. Jagħraf il-valur miżjud tal-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fl-istabbiliment ta' objettivi strateġiċi u serje ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; ifaħħar il-ħidma li diġà qed issir fil-livell lokali biex il-ħabitats tad-dakkara jiġu protetti;

2. Madankollu, iqis li l-Inizjattiva tonqos milli tindirizza b'mod suffiċjenti l-ħafna kawżi tat-tnaqqis fid-dakkara, li jinkludu t-tibdil fl-użu tal-art, it-telf tal-ħabitats u ta' kemm huma konnessi bejniethom, il-prattiki ta' ġestjoni agrikola intensiva, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, it-tniġġis ambjentali, l-effetti tal-patoġeni u tal-parassiti bħalma hu l-araknidu Varroa destructor, it-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet aljeni invażivi[12]; iqis li l-implimentazzjoni tal-"Prijorità II: Nindirizzaw b'mod determinat il-kawżi tat-tnaqqis fid-dakkara" hija tal-akbar urġenza;

3. Iqis li d-dakkara huma komponent essenzjali tal-bijodiversità u huma indispensabbli għar-riproduzzjoni tal-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-pjanti; jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-popolazzjoni tad-dakkara jaffettwa l-kwalità u l-kwantità tar-rendimenti agrikoli u r-redditi ekonomiċi għall-bdiewa;

4. Jenfasizza l-importanza tad-dakkara għall-agrikoltura, it-theddida għall-produzzjoni tal-ikel minħabba t-tnaqqis attwali tagħhom u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti u trasformattiva biex id-dakkara u s-servizzi tagħhom jiġu protetti u rkuprati;

5. Jissottolinja kemm hu importanti li jiġi adottat approċċ olistiku u li jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri ta' politika eżistenti sabiex it-tnaqqis fid-dakkara fl-Unjoni jiġi indirizzat b'mod determinat u effettiv; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni ħalli d-dakkara b'mod ġenerali jiġu protetti, kemm dawk domestiċi kif ukoll dawk selvaġġi;

6. Jenfasizza l-ħtieġa li d-diversità tal-ispeċijiet tad-dakkara fl-Ewropa tiġi protetta – inklużi madwar 2 000 speċi ta' naħal selvaġġ u insetti oħra li jinkludu d-dubbien, il-ħanfus, il-baħrijiet u l-friefet – kif ukoll madwar id-dinja;

7. Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu promossi miżuri għall-inkoraġġiment tal-bijodiversità, kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f'dawk urbani, peress li s-saħħa tad-dakkara u s-sopravivenza tagħhom jiddependu minn ħabitati li jkunu għanja fl-ispeċijiet li jipprovdu varjetà ta' ikel b'mod kontinwu, bħan-nektar u l-għabra tad-dakra, fi kwantitajiet suffiċjenti, kif ukoll ħabitats fejn jistgħu jbejtu, jgħammru u jqattgħu x-xitwa;

8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara u r-riżultati tagħha fl-iżvilupp tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għal wara l-2020, u tittrasforma l-għanijiet tal-inizjattiva fi programm ta' azzjoni fuq skala sħiħa għad-dakkara, u talloka riżorsi suffiċjenti għal dan il-għan;

Il-bijodiversità u l-prattiki agrikoli

9. Jenfasizza li l-għoti ta' spinta lill-bijodiversità biex b'hekk tiġi inkoraġġita l-okkorrenza u l-kwalità tal-ħabitats tad-dakkara fuq l-art agrikola jrid isir għan ewlieni fl-iżvilupp tal-politika agrikola komuni (PAK) futura, li trid b'mod partikolari tappoġġja l-preservazzjoni taż-żoni fejn titħaddem biedja b'valur naturali għoli (HNV), li artijiet jiġu rriservati għal skopijiet ekoloġiċi u t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti minerali, u tħeġġeġ il-polikulturi u n-newba tal-uċuħ tar-raba';

10. Jinnota li t-tnaqqis tad-dipendenza mill-pestiċidi huwa objettiv ewlieni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (2009/128/KE)[13]; jenfasizza li fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' kull Stat Membru adottat skont din id-direttiva għandu jiġi spjegat pjan ta' tnaqqis tal-pestiċidi, b'miri, stadji importanti u kalendarji ċari, u li t-tnaqqis tal-pestiċidi għandu jiġi stabbilit bħala “indikatur komuni” li permezz tiegħu jiġi mmonitorjat is-suċċess; jemmen li l-miri mandatorji ta' tnaqqis fl-UE kollha għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE (2009/128/KE);

11 Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali riveduti li ġew adottati skont id-Direttiva 2009/128/KE u tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod adegwat għall-miri tat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u l-monitoraġġ meħtieġ tagħhom;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' pariri ta' kwalità għolja lill-bdiewa, permezz ta' sistemi sistemi konsultattivi tal-biedja nazzjonali u reġjonali, dwar kif għandhom jippromwovu u jipproteġu l-bijodiversità u d-dakkara;

13. Itenni li d-dakkir huwa kruċjali għall-produzzjoni agrikola u għalhekk li l-appoġġ fil-qafas tal-ewwel pilastru tal-PAK m'għandux iwassal għal servizzi ta' dakkir mdgħajfa jew mitlufa; jistieden lill-Kummissjoni tapprova biss il-pjanijiet strateġiċi fejn dan il-fattur ikun indirizzat b'mod xieraq bl-elementi ta' kundizzjonalità u l-ekoskemi rilevanti skont l-ewwel pilastru;

14. Jenfasizza li bosta programmi nazzjonali ta' żvilupp rurali diġà jinkludu miżuri li jippromwovu l-bijodiversità u jassistu lid-dakkara; josserva li sabiex tali programmi u miżuri jitkomplew u jiġu estiżi aktar, huwa primarjament meħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament adegwat għat-tieni pilastru tal-PAK; jenfasizza li, b'dan il-mod, iridu jitqiesu d-diversità tar-reġjuni u tal-ħabitats, kif ukoll il-bosta dakkara differenti li jeżistu, fatt li joħloq il-ħtieġa ta' approċċ nazzjonali u reġjonali;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċettaw it-talba tal-Parlament li fil-PAK ikun hemm Indikatur tad-Dakkara;

16. Jenfasizza li fl-2017, il-bejgħ tal-insettiċidi[14] żdied fi 18-il pajjiż tal-UE meta mqabbel mal-2016; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li fil-kategorija ta' insettiċidi oħra[15], f'9 mit-13-il pajjiż li għalihom kien hemm disponibbli din id-diżaggregazzjoni, il-bejgħ fl-2017 żdied meta mqabbel mal-2016, u li l-Inizjattiva dwar id-Dakkara ma tqisx din it-tendenza bħala waħda rilevanti;

17. Jenfasizza li miżuri favur il-bijodiversità u t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi għandhom ukoll jiġu stabbiliti bħala mira fil-pjanijiet strateġiċi tal-Istati Membri fi ħdan il-PAK, u li t-tnaqqis fil-pestiċidi u ż-żieda fil-bijodiversità għandhom jiġu stabbiliti bħala "indikaturi komuni" li permezz tagħhom jiġi mmonitorjat is-suċċess;

18. Jenfasizza li l-indikatur li jkejjel id-diversità u l-abbundanza tad-dakkara li qed jiġi żviluppat se jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK f'dan il-qasam;

19. Jenfasizza li skont id-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, huma l-metodi mhux kimiċi tal-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara li għandhom jintużaw l-ewwel minflok il-pestiċidi, bil-għan li d-dakkara jiġu protetti;

20. Jistieden lill-Kummissjoni titlob b'mod sistematiku l-opinjoni tal-EFSA f'każ li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni ta' emerġenza għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti bbażat fuq in-neonikotinojdi, abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

21. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta u tinforza b'mod effettiv id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, biex tiżgura standard minimu ta' notifiki dwar awtorizzazzjonijiet ta' pestiċidi b'emerġenza, inkluża l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħtu spjegazzjonijiet kompleti u dettaljati, u li dawk in-notifiki joħorġuhom b'mod pubbliku; jilqa' r-rwol tal-EFSA fl-eżami ta' dawn id-derogi;

22. Jenfasizza li l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom, għal mill-inqas tliet snin, iżommu rekords dettaljati tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u taż-żona, iż-żmien u d-doża tal-applikazzjoni tagħhom; jinnota li l-informazzjoni rilevanti rreġistrata għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din tintalab, sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli ta' kundizzjonalità u biex tiġi segwita l-prestazzjoni tal-PAK f'dak li hu tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi madwar l-UE;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza u jippromwovu opportunitajiet ta' finanzjament f'dan il-qasam; jirrimarka li l-għodod u l-mudelli komuni għall-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet għad-dakkara bbażati fuq l-aħjar prattiki eżistenti se jħeġġu l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali;

24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-2013 tal-EFSA bħala kwistjoni ta' urġenza, inklużi r-rekwiżiti li jirrigwardaw it-tossiċità kronika u tal-larva kif ukoll speċijiet oħra għajr in-naħal tal-għasel;

25. Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-EFSA dokument ta' gwida dwar il-pestiċidi li jispjega t-testijiet ta' qabel l-approvazzjoni biex tingħata protezzjoni lill-friefet, lill-baħrijiet u lis-Syrphidae;

26. Jenfasizza li l-preżenza tal-ħabitats tad-dakkara żżid ir-rendiment produttiv tal-art;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi limiti fuq l-objettiv tal-PAK li tiżdied il-produttività, tirregola l-prattiki tal-biedja intensiva, u tinkoraġġixxi l-użu ta' miżuri ta' ekoloġizzazzjoni li jtejbu b'mod kwalitattiv u kwantitattiv l-ispazju tal-ħabitati u tal-foraġġ għad-dakkara u jiġġieldu l-omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġi Ewropej;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-ħabitats tal-mergħat u dawk pastorali, inklużi l-mergħat imsaġġra u sistemi oħra ta' agroforestrija, bħala prekundizzjoni kritika għall-ħolqien ta' substrati fejn id-dakkara jkunu jistgħu jbejtu, jgħammru u jqattgħu x-xitwa, f'sinerġija maż-żamma ta' komunitajiet ta' bwar b'valur naturali għoli (HNV) li jkunu riservati għar-ragħa u għal forom tradizzjonali ta' biedja estensiva;

29. F'dan ir-rigward, jenfasizza li n-newba tal-għelejjel, l-użu ta' varjetajiet b'saħħithom, u t-tneħħija mekkanika tal-ħaxix ħażin/il-kontroll bijoloġiku tal-organiżmi ta' ħsara, se jgħinu biex il-ħabitats tad-dakkara jiġu rkuprati, filwaqt li oqsma kbar b'monokulturi jikkontribwixxu biex id-dakkara jonqsu;

30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw infrastruttura ekoloġika li toħloq mill-ġdid u treġġa' għal li kienu l-mużajki ta' ħabitats u l-konnettività funzjonali għad-dakkara fil-pajsaġġi rurali u urbani;

31. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu ż-żamma ta' ringieli ta' sġajriet ġestiti tajjeb kif ukoll il-kunċetti ta' ifilsa ta' art ta' lqugħ, inklużi ifilsa bil-ħaxix jew li jwarrdu ma' tul il-mogħdijiet tal-ilma u żoni li jwarrdu b'mod perenni bħala miżuri li jħeġġu l-bijodiversità sabiex jipproteġu l-opportunitajiet ta' foraġġ u l-ħabitats għad-dakkara u l-aġenti ta' kontroll bijoloġiku, kif ukoll biex jipprovdu kontroll aħjar tal-erożjoni fiż-żoni rurali, semiurbani, u urbani;

32. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-elenkar bikri fuq il-lista tal-UE tal-ispeċijiet li jippreżentaw riskju għad-dakkara, jirreaġixxu malajr biex jikkontrollaw u jeliminaw dawn l-ispeċijiet, iżidu l-viġilanza, u jieħdu azzjoni restrittiva meta jiġu identifikati l-modi kif dawn jidħlu u jixterdu;

33. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tgħin ħalli tiġi indirizzata b'mod determinat il-pressjoni li hemm fuq id-dakkara li jista' jkun li tirriżulta mill-abbandun tal-art agrikola;

34. Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri effettivi ta' bijosigurtà għall-pjanti f'qasrija u għall-ħamrija qabel ma jiġu mċaqalqa fuq distanzi sinifikanti u jħeġġeġ lill-korpi pubbliċi responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni ħodor jużaw pjanti lokali, biex b'hekk jimmassimizzaw il-benefiċċji għad-dakkara lokali u jimminimizzaw it-tifrix tal-ispeċijiet aljeni invażivi;

35. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-Ekotikketta tal-UE lill-pjanti f'qasrija li jiffavorixxu d-dakkara li jkollhom imniżżel il-post ta' oriġini tagħhom, ikunu mqiegħda f'kontenitur sostenibbli, ma jużawx il-pit u ma jkunx fihom insettiċidi;

36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lis-settur tat-trobbija tan-naħal billi jsaħħu l-ispezzjonijiet tal-importazzjonijiet sabiex jevitaw l-importazzjonijiet ta' għasel adulterat u billi jadottaw tikkettar obbligatorju dwar l-oriġini tal-għasel (bl-isem ta' kull pajjiż) għat-taħlitiet tal-għasel;

37. Jitlob li jiġu promossi u żviluppati l-ħabitats tad-dakkara fiż-żoni urbani;

Riċerka, taħriġ u sorveljanza

38. Jinsisti, b'mod partikolari, fir-rigward tan-naħal tal-għasel (Apis mellifera), fuq ir-rwol tar-riċerka dwar il-kawżi tat-tnaqqis fl-istennija tal-għomor tal-irġejjen tan-naħal, li jikkostitwixxi fenomenu inkwetanti;

39. Jissottolinja li l-programm ta' riċerka tal-inizjattiva jonqos milli jikkunsidra l-iskemi bbażati fuq ir-riżultati li għandhom il-monitoraġġ inkorporat fihom u li jistgħu jkunu utli, parzjalment billi jkopru l-ħtiġijiet ta' monitoraġġ, u jipprovdu inċentivi rilevanti lill-bdiewa; jenfasizza li skemi bħal dawn jistgħu jitmexxew u jitwessgħu fil-qafas ta' diversi strumenti finanzjarji u politiki tal-UE, inkluża l-PAK;

40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka bażika u applikata dwar id-dakkara u l-iżvilupp ta' trattamenti kontra mard ġdid, parassiti u virus li jaffettwawhom, u jinvestu fit-tisħiħ u l-espansjoni tal-pul ta' esperti tassonomiċi, inkluż permezz tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jitlob li ssir aktar enfasi fuq ir-riċerka fuq il-post u r-riċerka fuq id-dakkara apparti n-naħal tal-għasel u l-friefet;

41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu monitoraġġ sistematiku u standardizzat fil-kundizzjonijiet reali tal-ħajja tad-dakkara selvaġġi u tal-pressjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw, sabiex jitkejjel il-kobor tat-tnaqqis fid-dakkara u l-kawżi tiegħu u biex tkun tista' ssir evalwazzjoni sħiħa tal-effikaċja tal-politiki rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali;

42. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħtiġijiet ta' finanzjament għall-monitoraġġ tad-dakkara selvaġġi jkunu inklużi fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, sabiex tiġi żgurata data robusta għall-bini ta' indikatur tal-PAK dwar id-dakkara skont l-impenn li sar fl-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara;

43. Iqis li huwa xieraq li tiġi appoġġjata l-ekoinnovazzjoni[16] fl-agrikoltura u li jitħeġġu arranġamenti ta' sħubija ma' ċirki akkademiċi u kooperazzjoni ma' riċerkaturi minn fergħat differenti biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' pestiċidi b'livell baxx ta' riskju li ma jagħmlux ħsara lid-dakkara;

44. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ix-xjenza taċ-ċittadini li tiffoka fuq ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tad-dakkara u t-taħriġ ta' dawk li jrabbu n-naħal biex tiġi promossa is-sorveljanza mhux intrużiva tan-naħal min-naħa tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp ta' indikaturi tal-vitalità tal-kolonji;

°

° °

45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

[1] ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.

[2] ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.

[3] Testi adottati, P8_TA(2019)0023.

[4] Garibaldi, L. A. et al, Wild Pollinators Enhance Fruit Set of Crops Regardless of Honey Bee Abundance, 2013.

[5] Potts, S. et al., Status and Trends of European Pollinators. Key Findings of the STEP Project, Pensoft Publishers, Sofia, 72 pp.

[6] Potts, S. et al., Status and Trends of European Pollinators. Key Findings of the STEP Project, Pensoft Publishers, Sofia, 72 pp.

[7] Gallai, N. et al., Economic Valuation of the Vulnerability of World Agriculture Confronted with Pollinator Decline, Ecological Economics, 68:3, pp. 810-821.

[8] ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[9] b'mod partikolari l-iskema ta' monitoraġġ u indikaturi tad-dakkara tal-UE; il-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tan-naħal tal-għasel; il-kejl tal-polz tal-bijodiversità bl-użu tal-Indiċi tal-Lista l-Ħamra (RLI); u l-iżvilupp ta' sett ta' għodda għall-bdiewa favur prattiki ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

[10] Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

[12] Potts, S.G., et al., (2016), The Assessment Report of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services on Pollinators, Pollination and Food Production, Secretariat of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services, Bonn, Germany. 552 pp.

[13] Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

[14] Teżisti data tal-Eurostat għall-kategorija ta' insettiċidi u akariċidi; teżisti aktar data għal kategoriji differenti ta' insettiċidi (piretrojdi, organoklorurati, organofosfati, karbamati u ossimokarbamati, u insettiċidi oħra); disponibbli fuq http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do

[15] Inklużi wkoll in-neonikotinojdi.

[16] Definita mill-Kummissjoni bħala kwalunkwe innovazzjoni li twassal għal progress sinifikanti lejn l-iħuq tal-għan ta' żvilupp sostenibbli, billi tnaqqas l-impatti tal-modi ta' produzzjoni tagħna fuq l-ambjent, ittejjeb ir-reżiljenza tan-natura għall-pressjonijiet ambjentali, jew tikseb użu aktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza