Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0241/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0241/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tar-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989

16.12.2019 - (2019/2989(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Traian Băsescu, Ioan‑Rareş Bogdan, Siegfried Mureşan, Marian‑Jean Marinescu, Vasile Blaga, Daniel Buda, Cristian‑Silviu Buşoi, Gheorghe Falcă, Mircea‑Gheorghe Hava, Dan‑Ştefan Motreanu, Gheorghe‑Vlad Nistor, Eugen Tomac, Loránt Vincze, Iuliu Winkler, Roberta Metsola, Kinga Gál, Antonio Tajani, Radan Kanev
f'isem il-Grupp PPE
Dan Nica, Juan Fernando López Aguilar, Claudiu Manda, Klára Dobrev, Csaba Molnár, Attila Ara‑Kovács, Cristian Terheş, Maria Grapini, Tudor Ciuhodaru, Mihai Tudose, Carmen Avram, Adrian‑Dragoş Benea, Bogusław Liberadzki, Rovana Plumb, Monika Beňová, Miroslav Číž, Robert Hajšel, Corina Crețu
f'isem il-Grupp S&D
Dacian Cioloş, Cristian Ghinea, Dragoş Tudorache, Dragoş Pîslaru, Clotilde Armand, Ramona Strugariu, Vlad‑Marius Botoş, Nicolae Ştefănuță, Karen Melchior
f'isem il-Grupp Renew
Dace Melbārde, Andrey Slabakov, Anna Fotyga, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki, Nicola Procaccini
f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2019/2989(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0241/2019
Testi mressqa :
B9-0241/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0241/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tar-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989

(2019/2989(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar id-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-2019 timmarka l-kommemorazzjoni ta' 30 sena mir-rivoluzzjoni Rumena, li rriżultat mir-rewwixti f'Timișoara, li aktar tard komplew fil-partijiet kollha tal-pajjiż u laħqu l-qofol tagħhom f'rivoluzzjoni antitotalitarja f'Bucharest, li wasslet għall-waqgħa tar-reġim komunista u għad-dħul fis-seħħ tad-demokrazija; billi din ir-rivoluzzjoni rrappreżentat it-tranżizzjoni tal-poplu Rumen lejn il-libertà u l-istat tad-dritt, li traġikament wasslet għal telf ta' 1 142 ħajja, 3 138 persuna midruba b'mod gravi, u aktar minn 760 individwu sfaw detenuti u ttorturati illegalment;

B. billi r-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989 kienet l-aktar vjolenti mir-rewwixti kollha li wasslu għall-waqgħa tal-komuniżmu fl-istati wara l-Purtiera tal-Ħadid;

C. billi r-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989 u s-sagrifiċċji taċ-ċittadini Rumeni li b'mod kuraġġuż kienu fil-linja tan-nar, fetħu t-triq għall-pajjiż lejn in-NATO, l-Unjoni Ewropea u d-dinja demokratika, li minnha nqata' wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija kontra r-rieda tal-poplu Rumen;

D. billi l-użu tal-forza kontra l-poplu Rumen f'Diċembru 1989 heżżet għalkollox lis-soċjetà Rumena sal-qalba, u l-identifikazzjoni tal-awturi attwali ta' dawn ir-reati għadha kwistjoni mhux solvuta għall-vittmi, għall-familji tagħhom u għaċ-ċittadini Rumeni kollha;

E. billi l-ebda att ta' aggressjoni militari kontra persuna mill-poplu proprju ma għandu jitħalla ma jiġix ikkastigat;

F. billi s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Assoċjazzjoni "21 ta' Diċembru 1989" u Oħrajn vs ir-Rumanija; Acatrinei u Oħrajn vs ir-Rumanija; Șandru u Oħrajn vs ir-Rumanija) jirrikonoxxu li matul ir-rivoluzzjoni kien seħħ ksur enormi tad-drittijiet fundamentali - bħal ksur tad-dritt għall-ħajja, tal-projbizzjoni ta' tortura u trattament inuman jew degradanti u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja - u li dan il-ksur twettaq mill-forzi tar-reġim dittatorjali komunista li fetaħ in-nar fuq dimostranti paċifiċi u ċaħħad lil numru kbir ta' dimostranti kontra l-oppressjoni ta' Ceușescu mil-libertà tagħhom; billi, anke wara li għaddew ħafna snin, la l-vittmi u lanqas l-eredi tagħhom ma tgħallmu l-verità dwar iċ-ċirkustanzi preċiżi ta' dawn it-traġedji;

G. billi, skont kif inhu minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

H. billi l-Istat Rumen dewwem bla bżonn il-proċess ta' kjarifika tal-verità u biex jagħmilha disponibbli għall-pubbliku, li huwa kruċjali biex jiġi ggarantit id-dritt tal-vittmi u l-eredi tagħhom għal kumpens u reparazzjoni ekwi; billi l-awtoritajiet nazzjonali naqsu milli jaġixxu bid-diliġenza dovuta meħtieġa imposta minn normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

1. Ifakkar u b'dan jagħti ġieħ lill-vittmi tar-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989, li ssagrifikaw ħajjithom biex jintemm id-dittatorjat totalitarju fir-Rumanija, u għall-familji tagħhom;

2. Jirrikonoxxi li s-sagrifiċċju tad-dimostranti paċifiċi ta' Diċembru 1989 witta t-triq għat-tranżizzjoni tar-Rumanija lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-istabbiliment ta' ekonomija tas-suq, kif ukoll l-integrazzjoni sussegwenti tagħha fl-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-Unjoni Ewropea;

3. Jistieden lill-Istat Rumen biex isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiċċara l-verità fir-rigward tal-avvenimenti tar-rivoluzzjoni, ħtieġa assoluta għall-pajjiż, il-poplu Rumen, l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, fid-dawl tad-dritt tal-poplu Rumen li jsir jaf il-verità, 30 sena wara r-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989;

4. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, inkluża r-Rumanija, jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li r-reati tar-reġimi komunisti jibqgħu fil-memorja, u jiggarantixxu li dawn ir-reati qatt ma jerġgħu jitwettqu;

5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kollha.

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza