Proċedura : 2019/2945(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0248/2019

Testi mressqa :

B9-0248/2019

Dibattiti :

PV 18/12/2019 - 19
CRE 18/12/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0110

<Date>{16/12/2019}16.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0248/2019</NoDocSe>
PDF 173kWORD 51k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)</Titre>

<DocRef>(2019/2945(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Reinhard Bütikofer, Saskia Bricmont</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0246/2019

B9‑0428/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)

(2019/2945(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, u b'mod partikolari dawk tat-18 ta'April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi[1], tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina[2] u tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang[3],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra s-37 Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar Brussell fl-1 u t-2 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tas-SEAE tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu "UE-Ċina – Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-nazzjonalitajiet ta' minoranza,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet orali tal-UE dwar ir-raba' punt fid-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-18 ta' Settembru 2018, u d-dikjarazzjonijiet dwar ir-raba' punt tar-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, il-Finlandja u l-Kanada, li esprimew tħassib dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-Ujguri f'kampijiet ta' "riedukazzjoni" fix-Xinjiang,

 wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Lulju 2019 iffirmata minn 22 nazzjon u indirizzata lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li titlob liċ-Ċina biex ittemm il-programm ta' detenzjoni massiva tagħha fix-Xinjiang,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,

 wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali dwar iċ-Ċina,

 wara li kkunsidra ċ-"China Cables", investigazzjoni rilaxxata fl-24 ta' Novembru 2019 mill-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) dwar is-sorveljanza u l-internament massiv mingħajr akkuża jew proċess tal-Ujguri u ta' minoranzi Musulmani oħra fil-provinċja Ċiniża ta' Xinjiang, abbażi ta' dokumenti klassifikati tal-gvern Ċiniż li ġew żvelati,

 wara li kkunsidra t-tħabbir mir-Rappreżentant Għoli nhar it-Tnejn 9 ta' Diċembru 2019 dwar it-tnedija ta' ħidma preparatorja dwar reġim ta' sanzjonijiet orizzontali possibbli biex jiġi indirizzat ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni rispettiva tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem[4],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina baqgħet sejra lura minn meta l-President Xi Jinping ħa l-poter f'Marzu 2013, u l-gvern saħħaħ l-ostilità tiegħu fil-konfront tad-dissidenza paċifika, il-libertajiet tal-espressjoni u tar-reliġjon, u l-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi żammew u ħarrku mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u ġurnalisti;

B. billi ċ-"China Cables" rilaxxati reċentement, miksuba mill-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi jinkludu lista klassifikata ta' linji gwida, approvata personalment mill-kap tas-sigurtà ewlieni tar-reġjun, li effettivament isservi ta' manwal għat-tħaddim tal-hekk imsejħa kampijiet ta' "riedukazzjoni" għal Ujguri Musulmani u minoranzi oħra; billi l-iżvelar juri wkoll briefings ta' intelligence li ma ġewx żvelati preċedentement li jiżvelaw kif il-politiki Ċiniżi huma ggwidati minn sistema massiva ta' ġbir u ta' analiżi ta' data li tuża l-intelliġenza artifiċjali biex tagħżel kategoriji sħaħ ta' residenti tax-Xinjiang għad-detenzjoni; billi ċ-"China Cables" jiżvelaw kif is-sistema hija kapaċi tiġbor ammonti kbar ta' data personali intima permezz ta' tfittxijiet manwali mingħajr mandat, u permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ u mezzi oħra sabiex jiġu identifikati l-kandidati għad-detenzjoni; billi jiddettaljaw ukoll direttivi espliċiti biex jarrestaw l-Ujguri b'ċittadinanza barranija u biex jintraċċaw lill-Ujguri tax-Xinjiang li jgħixu barra mill-pajjiż bil-kooperazzjoni tar-rappreżentanzi diplomatiċi taċ-Ċina f'pajjiżi terzi;

C. billi waħda mil-linji gwida msejħa "servizzi tal-impjieg" tissuġġerixxi li d-detenuti li jtemmu t-taħriġ vokazzjonali jitqiegħdu f'faċilità tax-xogħol; billi r-riċerkaturi u l-ġurnalisti skoprew sistema vasta ta' xogħol furzat madwar ir-reġjun ikkonċentrat fit-tessuti u fil-manifattura ta' prodotti għall-konsumatur;

D. billi d-detenuti mhumiex uffiċjalment akkużati b'xi reat kriminali, huma mċaħħda mid-drittijiet bażiċi legali tagħhom u qed jinżammu kontra r-rieda tagħhom għal perjodi ta' żmien mhux determinati, li kollha kemm huma jammontaw għal detenzjoni arbitrarja; billi, skont xhieda diretta, id-detenuti qed jinżammu f'kundizzjonijiet ħżiena u qed jiġu soġġetti għal tortura fiżika u psikoloġika, xogħol furzat u indottrinazzjoni politika mmirata lejn it-tnaqqir tat-twemmin reliġjuż;

E. billi l-Gvern Ċiniż għadda sett ta' liġijiet ġodda – b'mod partikolari l-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-1 ta' Lulju 2015, il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin – li jqisu l-attiviżmu pubbliku u l-kritika paċifika fil-konfront tal-gvern bħala theddid għas-sigurtà tal-Istat, isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll tal-individwi u tal-gruppi soċjali u jiskoraġġixxu lill-individwi milli jagħmlu kampanji favur id-drittijiet tal-bniedem; billi r-regolamenti dwar l-affarijiet reliġjużi, li daħlu fis-seħħ fi Frar 2018, jillimitaw l-attivitajiet tal-gruppi reliġjużi u jġegħluhom jaġixxu f'konformità akbar mal-politiki tal-partit; billi r-regoli l-ġodda jheddu lill-persuni assoċjati mal-komunitajiet reliġjużi li m'għandhomx status legali fil-pajjiż; billi l-komunitajiet reliġjużi ilhom jiffaċċjaw repressjoni dejjem akbar fiċ-Ċina;

F. billi ċ-Ċina ħolqot arkitettura statali mifruxa ta' sorveljanza diġitali, li tvarja minn kontroll preventiv sal-ġbir arbitrarju ta' data bijometrika nazzjonali f'ambjent li huwa nieqes minn kull dritt ta' privatezza;

G. billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu 10 miljuni Ujguri Musulmani u Każaki etniċi, marret rapidament għall-agħar minħabba li politika estremament ripressiva lejn il-popolazzjoni tal-Ujguri b'mod partikolari saret prijorità ewlenija min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi;

H. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2019 tiegħu lil Ilham Tohti, difensur magħruf Ujgur tad-drittijiet tal-bniedem, professur tal-ekonomija u difensur tad-drittijiet tal-minoranza Ujgura taċ-Ċina li ġie kkundannat għal għomru l-ħabs minħabba l-attiviżmu tiegħu;

I. billi fix-Xinjiang ġew żviluppati programm ta' detenzjoni extraġudizzjarja għaż-żamma ta' mijiet ta' eluf ta' nies li huma mġiegħla jgħaddu minn proċess ta' "riedukazzjoni" politika, kif ukoll netwerk sofistikat ta' sorveljanza diġitali invażiva, inklużi t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u l-ġbir tad-data, l-użu massiv tal-pulizija, u restrizzjonijiet stretti fuq il-prattiki reliġjużi u fuq il-lingwa u t-tradizzjonijiet tal-Ujguri;

J. billi bosta rapporti kredibbli minn akkademiċi, stabbilimenti tal-midja u sorsi ta' reputazzjoni tajba wrew li madwar miljun Ujgur u Każaki etniċi qegħdin jinżammu b'mod arbitrarju mill-gvern Ċiniż f'sistema ta' kampijiet ta' internament taħt dan il-programm ta' detenzjoni extraġudizzjarju fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang, u dawn ir-rapporti jiddeskrivu fid-dettall l-iskala u l-funzjonament intern tal-kampijiet;

K. billi, wara li ripetutament ċaħad id-detenzjoni arbitrarja ta' Ujguri u Każaki f'kampijiet ta' internament, il-Gvern Ċiniż ammetta t-tmexxija ta' "ċentri ta' edukazzjoni vokazzjonali", li jikkaratterizzahom bħala programmi soċjali fejn l-individwi jirċievu "taħriġ professjonali"; billi f'white paper uffiċjali rilaxxata f'Awwissu 2019, il-gvern ipproklama li "ċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali" kienu suċċess kbir, u sostna li n-nuqqas ta' attakki terroristiċi fir-reġjun matul l-aħħar tliet snin kien riżultat ta' din il-politika; billi ċ-"China Cables" jikkontradixxu l-karatterizzazzjoni uffiċjali tal-gvern tal-kampijiet bħala programmi soċjali li jipprovdu "taħriġ vokazzjonali" u jiżvelaw li l-għan ċentrali tal-kampanja huwa l-indottrinazzjoni ġenerali;

L. billi l-Gvern Ċiniż irrifjuta bosta talbiet mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID), mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u minn mandati oħra ta' Proċeduri Speċjali tan-NU biex jibagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang u, b'mod partikolari, jagħtuhom aċċess għall-kampijiet ikkonċernati;

M. billi x-Xinjiang hija reġjun ewlieni tal-inizjattiva "Belt and Road", b'miri ambizzjużi ta' produzzjoni futura għat-tessuti u għall-produzzjoni tal-ħwejjeġ u għal prodotti oħra tal-manifattura li jirrikjedu ħafna ħaddiema; billi l-gvern joffri sussidji sostanzjali biex iħeġġeġ kumpaniji kbar jistabbilixxu fabbriki fir-reġjun; billi l-iskema ta' assistenza tal-akkoppjament tħeġġeġ ukoll lill-korporazzjonijiet mill-provinċji tal-Lvant biex jistabbilixxu fergħat fix-Xinjiang; billi l-ħaddiema ta' minoranza qed jintbagħtu f'dawn il-fabbriki tal-korporazzjonijiet fil-Lvant, u b'hekk joħolqu rabtiet mill-qrib bejn il-prodotti li jsiru b'xogħol furzat jew involontarju mwettaq minn gruppi etniċi mix-Xinjiang u s-suq domestiku Ċiniż kollu;

N. billi bosta kumpaniji Ewropej kbar għandhom rabtiet kummerċjali fix-Xinjiang f'setturi differenti bħalma huma s-setturi tal-manifattura, tal-ikel u tat-teknoloġija diġitali; billi hemm ftit li xejn informazzjoni dwar kif qed jintużaw il-prodotti ta' impriżi konġunti tat-teknoloġija, fatt li joħloq inċertezza dwar ir-riskju potenzjali ta' użu ħażin mill-awtoritajiet Ċiniżi għal skopijiet ta' sorveljanza tal-massa;

O. billi l-kumpaniji Ewropej li joperaw fir-reġjun jistgħu jkunu direttament jew indirettament kompliċi fl-abbużi enormi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang; billi d-diliġenza msaħħa dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-provvista li jinvolvu dan ir-reġjun għandha tgħin biex jiġi evitat dan ir-riskju ta' kompliċità; billi l-Parlament ripetutament talab għal diliġenza dovuta obbligatorja tad-drittijiet tal-bniedem għall-kumpaniji Ewropej; billi l-UE diġà żviluppat leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta fil-qasam tal-hekk imsejħa "minerali ta' kunflitt" u l-Kummissjoni l-ġdida qed tikkunsidra li tieħu miżuri leġiżlattivi simili mmirati lejn l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni fil-ktajjen tal-valur tagħna;

P. billi, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-UE twiegħed li se tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt "fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha, mingħajr eċċezzjoni" u li l-UE se "tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha";

Q. billi fil-komunikazzjoni konġunta tagħhom bit-titolu "UE-Ċina – Perspettiva strateġika”, is-SEAE u l-Kummissjoni għall-ewwel darba kkaratterizzaw liċ-Ċina bħala "rival sistemiku li jippromwovi mudelli alternattivi ta' governanza";

R. billi l-Prinċipji ta' Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem jappellaw lin-negozji biex jipprevjenu u jimmitigaw l-abbużi reali u potenzjali tad-drittijiet tal-bniedem assoċjati mal-prattiki kummerċjali tagħhom;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-politiki estremament ripressivi żvelati miċ-"China Cables"; jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-teħid ta' Ujguri u Każaki etniċi f'kampijiet ta' "riedukazzjoni" politika abbażi ta' analiżi tad-data miġbura permezz ta' sistema ta' "pulizija predittiva", anke sempliċement għax wieħed ikun siefer barra jew jitqies devot wisq; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jilliberaw lil dawk li allegatament ġew detenuti minħabba t-twemmin tagħhom jew minħabba l-prattiki kulturali u l-identitajiet tagħhom;

2. Jenfasizza li l-priġunerija jew kwalunkwe privazzjoni serja tal-libertà fiżika, persekuzzjoni kontra gruppi identifikabbli fuq bażijiet etniċi, kulturali jew reliġjużi, u atti inumani oħra li jikkawżaw tbatija jammontaw għal delitti kontra l-umanità meta jitwettqu bħala parti minn attakk mifrux kontra l-popolazzjoni ċivili; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jagħlaq dawk il-kampijiet minnufih, itemm kull abbuż kontra l-popolazzjoni ċivili fix-Xinjiang u jippermetti lill-investigaturi indipendenti u internazzjonali aċċess sħiħ għar-reġjun, kif mitlub mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

3. Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-istudjuż Ujgur Illham Tohti, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019, u lill-oħrajn kollha detenuti biss talli eżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni tagħhom u, sakemm jiġu rilaxxati, biex itemm ir-repressjoni li għaddejja li tinvolvi d-detenzjoni, il-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom mingħajr xkiel; jistieden liċ-Ċina tiżgura li jkollhom aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familji u l-avukati tagħhom tal-għażla tagħhom; barra minn hekk, jitlob il-ħelsien ta' Eli Mamut, Hailaite Niyazi, Memetjan Abdulla, Abduhelil Zunun u Abdukerim Abduweli, kif mitlub mill-UE matul is-36  u s-37 sessjonijiet tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. jitlob ukoll il-ħelsien immedjat tal-pubblikatur tal-kotba Gui Minhai, li huwa ċittadin Żvediż, u żewġ ċittadini Kanadiżi, Michael Spavor u Michael Kovrig;

4. jistieden lill-Gvern Ċiniż jiżvela l-ismijiet, fejn jinsab u l-istatus attwali ta' dawk kollha li għebu b'mod effettiv fix-Xinjiang u fejn jinsabu;

5. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirrikonoxxi pubblikament l-iskala u n-natura reali tad-detenzjoni tal-Ujguri, tal-Każaki u ta' minoranzi etniċi oħra fil-kampijiet ta' internament, jemenda d-definizzjoni wiesgħa żżejjed ta' x'jikkostitwixxu atti ta' terroriżmu fil-leġiżlazzjoni attwali tiegħu bħal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu tal-2015 u r-Regolament dwar id-Deestremifikazzjoni, u li jagħmel distinzjoni ċara bejn in-nuqqas ta' qbil paċifiku u l-estremiżmu vjolenti;

6. Jissottolinja r-responsabbiltajiet taċ-Ċina bħala setgħa globali u jappella lill-awtoritajiet ta' Beijing biex f'kull ċirkostanza jiżguraw ir-rispett tad-dritt internazzjonali, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bi qbil mal-Karta tan-NU u mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u ma' strumenti internazzjonali oħra ffirmati jew irratifikati miċ-Ċina; jistieden, għalhekk, liċ-Ċina twettaq l-impenn li tirrispetta d-dritt internazzjonali u n-normi fundamentali li jirregolaw ir-relazzjonijiet internazzjonali man-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha, kif miftiehem fil-21 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina; itenni l-appell tiegħu liċ-Ċina biex tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, inkluż billi ttemm il-prattiki abbużivi kollha u tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha kif meħtieġ;

7. Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li s-37 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina ma wassal għal ebda riżultat sostanzjali; barra minn hekk, jiddispjaċih li d-delegazzjoni Ċiniża ma ħaditx sehem, fit-2 ta' April, fit-tkomplija tad-djalogu li ppreveda skambju ta' fehmiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jiddeplora l-fatt li għal darb'oħra t-tħassib urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem kellu rwol marġinali fis-summit UE-Ċina tad-9 ta' April; jiddispjaċih ukoll li l-laqgħa interparlamentari bejn l-UE u ċ-Ċina ppjanata għal Novembru ma saritx;

8. jiddispjaċih li l-approċċ meħud u l-għodod użati mill-UE s'issa ma wasslux għal progress tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li marret għall-agħar taħt il-presidenza ta' Xi Jinping; iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tintegra t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-komponenti kollha tagħha u biex tfassal u timplimenta strateġija olistika tal-UE bil-għan li tiżgura progress konkret fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u tagħti prijorità assoluta lill-għeluq tal-kampijiet fix-Xinjiang, il-ħelsien ta' priġunieri politiċi u l-ftuħ tal-ispazju tas-soċjetà ċivili; itenni t-talba tiegħu li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġi indirizzat b'mod sinifikanti kemm privatament kif ukoll pubblikament fil-laqgħat kollha ta' livell għoli ma' uffiċjali Ċiniżi, mingħajr ma dawn id-diskussjonijiet jiġu relegati biss għad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

9. Jistieden lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina tkun ibbażata fuq l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, l-impenji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem meħuda miż-żewġ naħat u l-impenn li jsir progress lejn il-kisba tal-ogħla standard ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex iqajmu din il-kwistjoni pubblikament mal-Gvern Ċiniż fil-laqgħat bilaterali tagħhom u fil-fora internazzjonali u biex jikkundannaw pubblikament il-ksur li qed jiżdied rigward id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;

11. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew fl-okkażjoni tal-aħħar Summit UE-Ċina li d-drittijiet tal-bniedem huma – mill-perspettiva tal-UE – importanti daqs l-interessi ekonomiċi, u jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kunsill iżidu b'mod konsistenti l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali maċ-Ċina; huwa tal-fehma li, jekk u meta s-Summit UE-Ċina juża lingwaġġ dgħajjef dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jirrifjutaw li jinkluduh u joħorġu komunikazzjoni separata dwar is-suġġett b'valutazzjoni sinifikanti kemm tas-sitwazzjoni kif ukoll dwar għaliex ma setax jintlaħaq ftehim dwar lingwaġġ aktar b'saħħtu;

12. Itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija matul is-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar riżoluzzjoni li tistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fix-Xinjiang, u li jibdew billi jappoġġjaw b'mod unanimu d-dikjarazzjonijiet konġunti ma' pajjiżi terzi bl-istess fehma u li jużaw b'mod proattiv il-mezzi diplomatiċi kollha biex jibnu malajr l-appoġġ fost il-membri tal-HRC;

13. Itenni t-talba tiegħu lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex iwaqqfu minnufih l-esportazzjonijiet u t-trasferimenti teknoloġiċi kollha ta' oġġetti u servizzi li qed jintużaw miċ-Ċina biex testendi s-sorveljanza ċibernetika u l-apparat ta' tfassil ta' profili ta' previżjoni; jinsab imħasseb ħafna li ċ-Ċina qed tesporta b'mod sistematiku teknoloġiji ta' sorveljanza ta' livell għoli lil stati awtoritarji madwar id-dinja u qed tipprovdi taħriġ u assistenza teknika regolari fl-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex jikkonkludi pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar l-Użu Doppju abbażi ta' kunsiderazzjonijiet urġenti dwar is-sigurtà nazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-Parlament kompla jiżviluppa u saħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli stretti fuq l-esportazzjoni għal teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika elenkata u mhux elenkata;

14. Jistieden lill-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' riċerka kollha li qed jikkooperaw maċ-Ċina biex jirrispettaw bis-sħiħ il-libertà tax-xjenza u r-riċerka;

15. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iskemi tax-Xinjiang b'diversi livelli ta' xogħol furzat u involontarju u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-ktajjen tal-provvista globali;

16. Jistieden lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fix-Xinjiang jew li huma impenjati f'attivitajiet li għandhom riperkussjonijiet diretti fil-provinċja biex jikkundannaw pubblikament is-sitwazzjoni fuq il-post; jistieden lill-kumpaniji kollha tal-UE li joperaw fix-Xinjiang jissospendu temporanjament l-attivitajiet tagħhom fuq il-post jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li, permezz ta' dawn l-attivitajiet, ikunu kompliċi fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċina fix-Xinjiang; iħeġġiġhom idaħħlu fis-seħħ sistema robusta ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' proċessi għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem tul il-ktajjen tal-provvista u l-operazzjonijiet tagħhom, skont il-mandat mogħti mill-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob ukoll li l-UE tiżviluppa leġiżlazzjoni obbligatorja dwar id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem għall-kumpaniji kollha tal-UE; jitlob lill-President tal-Parlament Ewropew jikkunsidra t-tneħħija tal-badges ta' aċċess tal-Parlament Ewropew mill-kumpaniji Ewropej li, matul it-tliet xhur li ġejjin, ma jieħdu l-ebda azzjoni f'dan ir-rigward;

17. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti ta' sorveljanza u theddid, inkluż theddid ta' mewt, kontra ċittadini u residenti tal-UE ta' etniċità Ujgura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jinvestigaw dawn ir-rapporti b'urġenza, jiżguraw il-protezzjoni tal-membri tad-dijaspora tax-Xinjiang u jħaffu l-applikazzjonijiet għall-asil imressqa mill-Ujguri u minn Musulmani oħra ta' oriġini Torka, u jinvokaw il-liġi domestika kif xieraq; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni meħuda mill-Ġermanja u l-Iżvezja li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki jew Musulmani oħra ta' oriġini Torka fiċ-Ċina fid-dawl tar-riskju ta' detenzjoni arbitrarja, tortura jew maltrattament ieħor li kieku jkollhom jiffaċċjaw fil-pajjiż;

18. Jilqa' l-aħbar reċenti tar-Rappreżentant Għoli li ser tibda l-ħidma fuq reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, u jappella lill-UE tħaffef il-proċess, tibda l-ħidma malajr fuq tali strument, kif propost mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019, u tinvolvi aktar lill-Parlament Ewropew;

19. Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jadotta sanzjonijiet immirati kontra Chen Quanguo, is-segretarju tal-Partit Komunista tar-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang, u uffiċjali oħra responsabbli għar-repressjoni;

20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2019)0422.

[2] Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

[3] Testi adottati, P8_TA(2018)0377.

[4] Testi adottati, P8_TA(2019)0215.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza