Proċedura : 2019/2945(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0249/2019

Testi mressqa :

B9-0249/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0110

<Date>{16/12/2019}16.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0249/2019</NoDocSe>
PDF 157kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)</Titre>

<DocRef>(2019/2945(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Phil Bennion, Abir Al‑Sahlani, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, José Ramón Bauzá Díaz, Izaskun Bilbao Barandica, Gilles Boyer, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Jérémy Decerle, Anna Júlia Donáth, Engin Eroglu, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Antony Hook, Ivars Ijabs, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Ulrike Müller, Javier Nart, Jan‑Christoph Oetjen, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Monica Semedo, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Irène Tolleret, Yana Toom, Hilde Vautmans, Marie‑Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0246/2019

B9‑0249/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)

(2019/2945(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt[1], tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)[2], tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti[3], tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina[4], tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang[5] u tat-18 ta' April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi[6],

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li qatt ma ġie ratifikat miċ-Ċina minkejja li ffirmatu fl-1998,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali dwar iċ-Ċina,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dokumenti tal-Gvern Ċiniż li nkixfu f'Novembru 2019 iddeskrivew fid-dettall, għall-ewwel darba, il-ħasil tal-moħħ sistematiku li għalih ikollhom joqogħdu mijiet ta' eluf ta' Musulmani f'netwerk ta' kampijiet ta' priġunerija ta' sigurtà għolja; billi l-Gvern Ċiniż dejjem sostna li l-kampijiet joffru edukazzjoni u taħriġ volontarja; billi d-dokumenti li nkixfu fihom istruzzjonijiet għat-tmexxija tal-kampijiet bħal ħabs ta' sigurtà għolja, b'dixxiplina stretta, kastigi u l-ebda possibbiltà li dak li jkun jista' jaħrab;

B. billi, minn mindu tela' fil-poter il-President Xi Jinping f'Marzu 2013, il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina baqgħet sejra għall-agħar; billi l-Gvern żied l-ostilità tiegħu għad-dissens paċifiku, għal-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon, u għall-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi żammew lil mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u ġurnalisti, u bdew proċedimenti legali kontrihom;

C. billi l-awtoritajiet Ċiniżi qed iwettqu kampanja dejjem aktar intensa ta' internament tal-massa, sorveljanza invażiva, indottrinazzjoni politika u assimilazzjoni kulturali furzata;

D. billi r-repressjoni ħraxet mindu fl-1 ta' Frar 2018 daħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda dwar l-affarijiet reliġjużi adottati fil-livell tal-gvern reġjonali; billi, skont dawk ir-regolamenti, dimostrazzjonijiet pubbliċi u saħansitra privati ta' affiljazzjoni reliġjuża u kulturali jistgħu jitqiesu bħala estremisti; billi ċ-Ċina hija wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla numru ta' priġunieri għal raġunijiet reliġjużi;

E. billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu 10 miljun Ujgur Musulman, marret malajr għall-agħar, peress li l-istabbiltà u l-kontroll tar-reġjun saru prijorità assoluta tal-awtoritajiet Ċiniżi; billi teżisti informazzjoni li tindika li s-sistema ta' kampijiet fix-Xinjiang ġiet estiża għal partijiet oħra taċ-Ċina;

F. billi ġie żviluppat netwerk sofistikat ta' sorveljanza diġitali invażiva, inkluża t-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ u l-ġbir tad-data;

G. billi l-Gvern Ċiniż irrifjuta bosta talbiet biex jintbagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang;

H. billi l-Gvernatur tax-Xinjiang, Shohrat Zakir, f'Diċembru 2019 iddikjara li l-1,5 miljun ruħ kollha fil-kampijiet ta' riedukazzjoni u ta' internament kienu "ntbagħtu lura fis-soċjetà" mingħajr ma ta ebda prova ta' dan;

1. Jinsab ferm imħasseb bir-reġim dejjem aktar repressiv li miegħu jkollhom iħabbtu wiċċhom l-Ujguri u l-minoranzi etniċi Musulmani l-oħra, li jillimita ulterjorment il-garanziji kostituzzjonali tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni kulturali u ta' twemmin reliġjuż, għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, kif ukoll għal-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni paċifiċi; jesiġi li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

2. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjoni arbitrarja tal-massa, fl-assenza ta' kapijiet ta' akkuża, ta' proċess jew ta' kundanni għal reati, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri tad-detenzjoni kollha u jillibera lill-persuni detenuti minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jinsisti fuq il-fatt li, qabel kwalunkwe dikjarazzjoni oħra dwar ir-rilaxx ta' priġunieri, isiru pubbliċi l-provi inkonfutabbli li jsostnu din l-affermazzjoni;

3. Jinsisti biex il-Gvern Ċiniż jippubblika immedjatament lista ta' dawk kollha li jinsabu f'detenzjoni u ta' dawk kollha li ġew rilaxxati; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jikkomunika lill-familji tagħhom id-dettalji sħaħ tal-persuni li għebu fix-Xinjiang;

4. Jitlob il-liberazzjoni immedjata tal-persuni detenuti arbitrarjament u tal-priġunieri tal-kuxjenza, fosthom is-segwaċi tal-moviment Falun Gong, kif ukoll t-tmiem tal-għajbien furzat, u jinsisti fuq il-fatt li l-persuni detenuti kollha għandhom ikunu jistgħu jagħżlu r-rappreżentant legali tagħhom, jaraw lil qrabathom, ikollhom aċċess għall-assistenza medika u ikollhom il-każijiet tagħhom investigati;

5. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw il-libertà lingwistika, kulturali u reliġjuża u l-libertajiet fundamentali l-oħra tal-Ujguri;

6. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ir-rappreżentanti tal-midja indipendenti u l-osservaturi internazzjonali, inklużi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-detenturi ta' mandat tal-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, jingħataw aċċess ħieles, suffiċjenti u bla xkiel għar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang; jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-inizjattiva matul is-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rigward riżoluzzjoni li tistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fix-Xinjiang;

7. Iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

8. Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li s-37 ċiklu tad-Djalogu UE-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma wassal għal ebda riżultat sostanzjali; jiddispjaċih, barra minn hekk, li d-delegazzjoni Ċiniża, fit-2 ta' April 2019, ma ħaditx sehem fit-tkomplija tad-djalogu li ppreveda skambju ta' fehmiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

9. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimmonitorjaw b'mod aktar intensiv l-iżviluppi inkwetanti rigward id-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inkluża ż-żieda fir-repressjoni u fis-sorveljanza tal-gvern, u jitkellmu kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kemm fil-privat kif ukoll fil-pubbliku; jistieden lill-VP/RGħ jinsisti fuq investigazzjoni indipendenti dwar il-kobor u n-natura tas-sistema tal-kampijiet ta' internament u dwar il-bosta allegazzjonijiet ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati u l-iffriżar tal-assi fil-konfront ta' uffiċjali u entitajiet responsabbli mir-repressjoni fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang;

11. Jinsisti biex l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jissospendu kwalunkwe esportazzjoni u trasferiment teknoloġiku ta' beni u servizzi użati miċ-Ċina biex testendi u ttejjeb l-apparat għas-sorveljanza informatika u t-tfassil ta' profili predittiv; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jinkoraġġixxu lill-kumpaniji Ewropej jiflu l-ktajjen tal-provvista tagħhom biex jiżguraw li mhumiex implikati fix-xogħol furzat u mhumiex kompliċi f'atti ta' repressjoni kontra l-popolazzjoni Ujgura;

12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu miżuri speċifiċi biex jipproteġu minn vessazzjonijiet u intimidazzjonijiet min-naħa tal-Gvern Ċiniż ir-residenti u ċ-ċittadini Ujguri li jgħixu fit-territorju tagħhom u jiżguraw li d-drittijiet u l-libertajiet tar-residenti u taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE ma jinkisrux minn potenza barranija;

13. Jinnota l-iżbilanċ bejn l-UE u ċ-Ċina f'termini ta' aċċess u libertà tal-istampa; jistieden liċ-Ċina tagħti lill-mezzi tal-informazzjoni tal-UE l-istess drittijiet u aċċess li minnhom igawdu fl-Istati Membri tal-UE l-mezzi tal-informazzjoni Ċiniżi;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

[1] ĠU CE 285, 21.10.2010, p. 80.

[2] ĠU CE 199, 7.7.2012, p. 185.

[3] ĠU C 238, 6.7.2018, p. 108.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0343.

[5] Testi adottati, P8_TA(2018)0377.

[6] Testi adottati, P8_TA(2019)0422.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza