Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0250/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0250/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)

16.12.2019 - (2019/2945(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Isabel Wiseler‑Lima, Željana Zovko, David Lega
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0246/2019

Proċedura : 2019/2945(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0250/2019
Testi mressqa :
B9-0250/2019
Testi adottati :

B9‑0250/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables)

(2019/2945(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina,

 wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina, varata fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Ġunju 2016 intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina" (JOIN(2016)0030),

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Ottubru 2018 tal-Portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-sitwazzjoni fix-Xinjiang,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 intitolata "UE-Ċina – Perspettiva strateġika"(JOIN(2019)0005),

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, varat fl-1995, u s-37 ċiklu ta' dan id-djalogu, li sar Brussell fl-1 u fit-2 ta' April 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet minoritarji",

 wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali dwar iċ-Ċina,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tas-16 ta' Diċembru 1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi ċ-China Cables huma investigazzjoni fuq is-sorveljanza u l-internament tal-massa, mingħajr kapijiet ta' akkuża u lanqas proċessi, ta' Ujguri u minoranzi Musulmani oħrajn fil-provinċja Ċiniża tax-Xinjiang, li hi bbażata fuq dokumenti kklassifikati tal-gvern;

B. billi d-dokumenti sigrieti waslu għand il-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi permezz ta' katina ta' Ujguri fl-eżilju; billi l-awtentiċità tad-dokumenti ġiet ikkonfermata minn diversi esperti rikonoxxuti;

C. billi l-"għexieren ta' eluf, jekk mhux saħansitra miljun, ta' Ujguri" qed ikunu mġiegħla jsegwu programmi ta' "riedukazzjoni" politika f'kampijiet, għal żmien indeterminat, u jinżammu għalhekk f'detenzjoni arbitrarja bil-pretest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż; billi, skont ċerti ex detenuti, it-trattament u l-kundizzjonijiet fil-kampijiet huma kkaratterizzati minn affollament eċċessiv u sanità ħażina, deprivazzjoni alimentari, swat u abbużi sesswali; billi ġewwa ċerti kampijiet ta' riedukazzjoni hemm fabbriki li jipproduċu oġġetti ddestinati għall-esportazzjoni;

D. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-interess li wriet iċ-Ċina li tosservahom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

E. billi s-sitwazzjoni fix-Xinjiang, fejn jgħixu 10 miljun Ujgur Musulman Ujguri u persuni ta' etnija Każaka, marret malajr għall-agħar, peress li l-istabbiltà u l-kontroll tax-Xinjiang saru prijorità ewlenija tal-awtoritajiet Ċiniżi, b'konsegwenza ta' attakki terroristiċi rikorrenti fix-Xinjiang jew li huma allegatament konnessi max-Xinjiang u mwettqa mill-Ujguri, kif ukoll minħabba l-pożizzjoni strateġika tar-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang għall-Inizjattiva "Belt and Road" (BRI);

F. billi l-Gvern Ċiniż irrifjuta bosta talbiet mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID), mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u minn mandati oħra ta' Proċeduri Speċjali tan-NU biex jintbagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang;

G. billi l-Liġi dwar il-Politika fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Ujguri (Uyghur Human Rights Policy Act) ġiet approvata mis-Senat tal-Istati Uniti fil-11 ta' Settembru 2019; billi dan iħeġġeġ lis-Segretarju tal-Istat iqis l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet f'termini ta' viżi u ta' natura ekonomika bi qbil mal-Liġi Magnitsky fuq l-uffiċjali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang;

H. billi l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2019 ingħata lil Ilham Tohti, professur Ujgur tal-ekonomija, li ġie kkundannat għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 bl-akkuża ta' allegat separatiżmu wara li kien ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi sebgħa mill-ex studenti tiegħu wkoll ġew arrestati u kkundannati għal priġunerija bejn tliet snin u tmien snin talli allegatament ikkollaboraw mas-Sur Tohti; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Ujgura;

1. Huwa ferm imħasseb bl-aħbarijiet kredibbli dwar it-trattament tal-Ujguri u ta' minoranzi oħrajn fix-Xinjiang, inklużi d-detenzjonijiet tal-massa u s-sorveljanza;

2. Jistieden lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjonijiet tal-massa arbitrarji – fl-assenza ta' kapijiet ta' akkuża, ta' proċess jew ta' kundanni għal reati – tal-membri tal-minoranza Ujgura u ta' minoranzi Musulmani oħrajn fix-Xinjiang, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha u jillibera immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet il-persuni detenuti;

3. Jistieden lill-Gvern Ċiniż jirrilaxxa minnufih lir-rebbieħ tal-Premju Sakharov Ilham Tohti u jħallih jirċievi l-premju fil-Parlament Ewropew;

4. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex il-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali, inklużi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-detenturi ta' mandat tal-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, jingħataw aċċess ħieles, suffiċjenti u bla xkiel għax-Xinjiang;

5. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jikkomunika lill-familji tagħhom id-dettalji sħaħ tal-persuni li għebu fix-Xinjiang;

6. Jenfasizza li jekk il-prodotti jiġu mmanifatturati f'kampijiet ta' riedukazzjoni għandhom ikunu pprojbiti mis-swieq tal-UE;

7. Jilqa' pożittivament il-Liġi dwar il-Politika fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Ujguri; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' uffiċjali responsabbli mir-repressjoni fir-Reġjun Awtonomu Ujgur tax-Xinjiang;

8. Jissottolinja li fl-okkażjoni tas-37 ċiklu tad-Djalogu UE-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem l-UE qajmet il-kwistjoni dwar is-sistema tal-kampijiet ta' riedukazzjoni politika stabbilita fix-Xinjiang bħala żvilupp preokkupanti;

9. Iħeġġeġ liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ffirmat fl-1998 u timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-organi tan-Nazzjonijiet Uniti għad-drittijiet tal-bniedem;

10. Jistieden lis-SEAE jinkludi l-prattiki t-tajba tad-djalogu interreliġjuż bħala strument tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu fil-konfront tal-pajjiżi terzi u jippromwovi l-medjazzjoni fis-sitwazzjonijiet ta' kunflitt għall-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi u tal-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza