Proċedura : 2019/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0252/2019

Testi mressqa :

B9-0252/2019

Dibattiti :

PV 18/12/2019 - 21
CRE 18/12/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0111

<Date>{16/12/2019}16.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0252/2019</NoDocSe>
PDF 152kWORD 46k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa</Titre>

<DocRef>(2019/2978(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Tilly Metz, Hannah Neumann, Anna Cavazzini, Saskia Bricmont</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Sophia Fabio Massimo Castaldo</Depute>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0251/2019

B9‑0252/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

(2019/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008[1], tas-26 ta' Novembru 2009[2], tas-16 ta' Frar 2017[3], tal-31 ta' Mejju 2018[4] u tal-14 ta' Marzu 2019[5],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxu qafas għal sanzjonijiet immirati; 

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Livell Għoli dwar in-Nikaragwa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, kif ġew aġġornati fl-2008,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti ambjentali u l-persuni oħrajn li jikkritikaw il-Gvern tan-Nikaragwa qed jispiċċaw dejjem aktar fil-mira ta' theddid ta' qtil, intimidazzjoni, kampanji ta' malafama online, fastidju, sorveljanza, attakki u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-kriżi attwali wasslet lil aktar minn 80 000 persuna biex jaħarbu min-Nikaragwa;

B. billi skont l-aħħar ċifri tal-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa stabbilit mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, 328 persuna mietu, mijiet sfaw midruba, aktar minn 150 priġunier politiku għadhom arbitrarjament detenuti sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom u 144 student tkeċċew minn universitajiet talli ħadu sehem fid-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, aktar libertà u rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi skont sorsi mhux governattivi, mit-8 ta' Lulju 2019 madwar 100 ġurnalist u ħaddiem tal-midja ħarbu mill-pajjiż;

C. billi r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku, u l-libertà ta' għaqda u espressjoni huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; billi f'Ġunju 2019, għaddiet liġi dwar l-amnestija, li ppermettiet ir-rilaxx ta' aktar minn 100 priġunier politiku; billi din il-liġi dwar l-amnestija testendi l-protezzjoni lil "persuni li ma ġewx investigati, li jsibu ruħhom taħt investigazzjoni" jew fi proċessi kriminali u li "jikkonformaw mas-sentenzi tagħhom"; billi din il-liġi m'għandhiex tippermetti l-impunità għal dawk li wettqu delitti skont l-ordnijiet tar-reġim;

D. billi sorsi oħra ta' skuntentizza u ta' kunflitt apert jinkludu ż-żieda kbira f'attivitajiet "estrattivisti" orjentati lejn l-esportazzjoni fis-setturi tal-minjieri, tal-kannamieli u taż-żejt tal-palm, kif ukoll fit-trobbija tal-baqar, il-proġett tal-kanal interoċeaniku, li qed iwassal għal rilokazzjonijiet u għal ħsara irriversibbli lill-ambjent, u għar-ripressjoni rikorrenti ta' protesti kontra dawn l-attivitajiet;

E. billi fl-14 ta' Novembru 2019, disa' mill-qraba ta' avversarji politiċi li ntbagħtu l-ħabs, fost oħrajn, bdew strajk tal-ġuħ fil-knisja San Miguel f'Masaya, filwaqt li talbu għall-ħelsien ta' uliedhom detenuti fil-kuntest tal-protesti; billi l-istrajk dam disat ijiem; billi l-pulizija dawwret il-knisja u qatgħet il-provvista tal-ilma u tal-elettriku; billi l-pulizija waqqfet lil kull persuna milli tidħol fil-knisja u tipprovdi assistenza umanitarja u medika;

F. billi l-istess lejl, grupp ta' mill-inqas 13-il membru tal-oppożizzjoni ġie detenut wara li ta xi ilma lil dawk imdawra mill-pulizija, fosthom Amaya Eva Coppens, difensur tad-drittijiet tal-bniedem ta' ċittadinanza Nikaragwana u Belġjana li ġiet detenuta fil-kuntest tal-protesti għal tmien xhur u nħelset fil-11 ta' Ġunju 2019 fl-ambitu tal-liġi dwar l-amnestija;

G. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur tan-Nikaragwa ressaq bosta akkużi kontra l-grupp, li jinkludu l-ħtif u t-terroriżmu; billi l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet fin-Nikaragwa ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali; billi ġie rrappurtat l-użu tat-tortura u l-vjolenza sesswali fil-ħabs mill-membri tal-oppożizzjoni tan-Nikaragwa;

H. billi, fi tmiem l-2018, il-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-Uffiċċju Reġjonali tal-Amerka Ċentrali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; billi r-ritorn taż-żewġ organizzazzjonijiet, soġġett għall-approvazzjoni mill-gvern, ikun jaġixxi bħala garanti għat-twettiq tal-ftehimiet pendenti mal-oppożizzjoni; billi r-ripressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili intensifikat u lil dawn l-organizzazzjonijiet tneħħilhom l-istatus legali tagħhom;

I. billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huma parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inklużi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

J. billi, fi Frar 2019, reġgħu bdew in-negozjati bejn il-Gvern u l-Alleanza Ċivika; billi fis-27 ta' Marzu 2019 intlaħaq ftehim dwar ir-rilaxx ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi ftehim ieħor intlaħaq fid-29 ta' Marzu 2019 dwar it-tisħiħ tad-drittijiet u l-garanziji taċ-ċittadini; billi, fl-20 ta' Mejju 2019, l-Alleanza Ċivika telqet mill-mejda tan-negozjati, meta jitqies li l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet kienet limitata; billi sal-11 ta' Ġunju 2019, il-Gvern kien ħeles 492 persuna li kienu detenuti fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi n-negozjati għadhom weqfin minkejja t-tentattivi li jitkomplew;

1. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' ripressjoni u kriminalizzazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġurnalisti, kif ukoll l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu u ta' forzi kontra l-irvellijiet kontra l-opinjonijiet kuntrarji fin-Nikaragwa; jikkundanna l-intimidazzjoni, il-fastidju, id-detenzjoni u l-ħtif li għadhom għaddejjin ta' individwi li ħadu sehem fi protesti tal-oppożizzjoni; jikkundanna l-kanċellazzjoni tal-istatus legali ta' diversi NGOs nazzjonali mill-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa; iqis li huwa neċessarju li jerġa' jiġi stabbilit malajr l-istatus legali ta' dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili affettwati mid-digriet;

2. Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu fuq l-ispazju ċiviku u l-espressjonijiet ta' dissens; ifakkar fil-ħtieġa li n-Nikaragwa tiżgura l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħtiġilhom li, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu kapaċi jwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr theddid, intimidazzjoni u impediment;

3. Jitlob il-ħelsien immedjat ta' Amaya Eva Coppens kif ukoll tad-difensuri kollha l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri minħabba twemmin detenuti u kkundannati talli sempliċiment eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' assemblea paċifika;

4. Jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħtiġilhom jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri fiżiku u psikoloġiku tad-detenuti kollha u jipprovdulhom kura medika adegwata;

5. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jadotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati għal dawk responsabbli għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, kif ukoll għal persuni u entitajiet li azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom ifixklu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

6. Jitlob lill-VP/RGħ u lid-Delegazzjoni tal-UE jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi li qed iseħħu fil-pajjiż; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri jużaw il-kuntatti tagħhom fin-Nikaragwa biex jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tagħha għal kooperazzjoni ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u li bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki ripressivi attwali tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa;

7. Jinsab konvint li l-kumpaniji Ewropej huma responsabbli wkoll għas-sitwazzjoni attwali jekk ikomplu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jqisu kif xieraq l-impatt negattiv potenzjali tagħhom fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jissottolinja li dawn il-kumpaniji jeħtiġilhom jinżammu responsabbli u, jekk tiġi kkonfermata l-kompliċità tagħhom, jiġu inklużi fil-qafas ta' miżuri restrittivi mmirati; jitlob li jiġi infurmat dwar liema kumpaniji jkomplu jkunu attivi u f'liema setturi, u x'miżuri ta' diliġenza dovuta jkunu ħadu;

8. Jemmen li l-kriżi attwali tista' tiġi indirizzata u solvuta biss permezz ta' djalogu paċifiku fost iċ-ċittadini tan-Nikaragwa u ta' negozjati dwar ir-riforma istituzzjonali, inklużi l-istituzzjonijiet elettorali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa u lill-partijiet kollha kkonċernati jimpenjaw ruħhom fi djalogu nazzjonali sinifikanti u komprensiv, inkluż dwar l-adozzjoni ta' riformi elettorali li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali; jafferma mill-ġdid li l-UE hija lesta tipprovdi l-appoġġ tagħha jekk tintalab tagħmel dan mill-partijiet ikkonċernati;

9. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħtu l-appoġġ kollu xieraq lil dawk id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti, inklużi żjarat fil-ħabs u monitoraġġ tal-proċessi;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

[1]ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.

[2]ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.

[3]ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.

[4]Testi adottati, P8_TA(2018)0238.

[5]Testi adottati, P8_TA(2019)0219.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza