Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0253/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0253/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

16.12.2019 - (2019/2978(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Leopoldo López Gil, Michael Gahler, Željana Zovko, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Javier Zarzalejos, Vladimír Bilčík, David Lega
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0251/2019

Proċedura : 2019/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0253/2019
Testi mressqa :
B9-0253/2019
Testi adottati :

B9‑0253/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

(2019/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008[1], tas-26 ta' Novembru 2009[2], tas-16 ta' Frar 2017[3], tal-31 ta' Mejju 2018[4] u tal-14 ta' Marzu 2019[5],

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxu qafas għal sanzjonijiet immirati;

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Livell Għoli dwar in-Nikaragwa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tad-19 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra l-bullettini tal-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) stabbilit mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħra li jikkritikaw id-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tan-Nikaragwa qed ikunu dejjem aktar fil-mira ta' theddid ta' mewt, ta' intimidazzjoni, ta' kampanji ta' malafama online, ta' fastidju, ta' sorveljanza, ta' attakki u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jirrappurtaw li aktar minn 80 000 persuna ġew imġiegħla jitilqu min-Nikaragwa bħala riżultat tal-kriżi attwali, filwaqt li r-ripressjoni intensifikat;

B. billi skont l-aħħar ċifri tal-MESENI, 328 persuna mietu, mijiet sfaw midruba, aktar minn 150 priġunier politiku għadhom arbitrarjament detenuti sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom u 144 student tkeċċew minn universitajiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, il-libertà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irrapporta li aktar minn 100 ġurnalist u ħaddiem tal-midja kellhom jitilqu mill-pajjiż;

C. billi r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-għaqda u l-espressjoni huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

D. billi fl-14 ta' Novembru 2019, tmienja mill-qraba ta' avversarji politiċi li ntbagħtu l-ħabs, fost oħrajn, bdew strajk tal-ġuħ fil-knisja San Miguel f'Masaya, u qed jitolbu għall-ħelsien ta' 130 individwu li qed jinżammu fil-kuntest tal-protesti; billi l-pulizija dawret il-knisja u qatgħet il-provvista tal-ilma u tal-elettriku; billi l-pulizija ma ħalliet lil ħadd jidħol fil-knisja u jipprovdi assistenza umanitarja u medika;

E. billi fl-istess lejl, grupp ta' mill-inqas 13-il membru tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara li taw xi ilma lil dawk imdawra mill-pulizija, inkluża Amaya Eva Coppens, difensur tad-drittijiet tal-bniedem b'ċittadinanza Nikaragwana u Belġjana, li kienet ġiet arrestata fil-kuntest tal-protesti għal tmien xhur u nħelset fil-11 ta' Ġunju 2019 skont il-Liġi dwar l-Amnestija;

F. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tan-Nikaragwa akkużahom b'diversi akkużi b'mod inġust, inkluż il-ħtif, il-pussess illegali ta' armi tan-nar u terroriżmu, li jikkostitwixxi ksur ċar tal-garanzija ta' proċess ġust u tad-dritt tagħhom għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tan-Nikaragwa jonqsu wkoll milli jissodisfaw standards internazzjonali; billi ġie rrappurtat b'mod ċar l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali fil-ħabs minn membri tal-oppożizzjoni Nikaragwana;

G. billi l-Gvern tan-Nikaragwa qed jintensifika l-persekuzzjoni tal-familji tal-vittmi tal-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika permezz ta' intimidazzjoni u sorveljanza, bil-għan li tiġi evitata azzjoni privata u pubblika b'tifkira tal-għeżież tagħhom u fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja;

H. billi l-Gvern tan-Nikaragwa qed jieħu azzjonijiet ta' tpattija kontra dawk li jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u jitolbu għajnuna lil uffiċjali u mekkaniżmi internazzjonali u tan-NU;

I. billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż lil dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali li fittxew soluzzjoni paċifika għall-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-ripressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili intensifikat permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali fqir, hekk li l-vittmi tar-ripressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

J. billi uffiċjali ta' livell għoli minn xi Stati Membri tal-UE ma tħallewx jidħlu fin-Nikaragwa f'għadd ta' okkażjonijiet;

K. billi l-Gvern tan-Nikaragwa ma wera l-ebda interess biex jerġa' jibda djalogu kredibbli u inklużiv mal-Alleanza Ċivika u biex jimplimenta bis-sħiħ il-ftehimiet ta' Marzu 2019;

L. billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim; billi minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, il-klawżola demokratika għandha tiġi attivata billi n-Nikaragwa tiġi sospiża mill-ftehim;

1. Jikkundanna l-azzjonijiet ripressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa, b'mod partikolari l-imwiet ikkawżati, ir-restrizzjoni ġeneralizzata tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tad-dimostrazzjoni, il-projbizzjoni ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq tal-midja u l-attakki kontriha, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni u l-espulsjoni ta' studenti mill-universitajiet;

2. Jeżorta l-Gvern tan-Nikaragwa jtemm ir-ripressjoni persistenti ta' dissens u x-xejra kontinwa ta' arresti arbitrarji, tortura u vjolenza sesswali u jieqaf milli jikkriminalizza, jippersegwita u jattakka d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, il-familji tal-vittmi u kwalunkwe vuċi oħra ta' oppożizzjoni;

3. Jitlob għall-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju, inkluża Amaya Eva Coppens, biex l-akkużi kollha kontrihom jaqgħu u biex jiġu rispettati s-salvagwardji legali fundamentali tagħhom; jitlob li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt jinżammu responsabbli;

4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jadotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-abbużi u r-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa; jistieden lill-Istati Membri jaqblu malajr dwar il-lista speċifika ta' individwi u entitajiet li għandhom jiġu sanzjonati, inklużi l-President Daniel Ortega u l-Viċi President Rosario Murillo;

5. Jikkundanna n-nuqqas ta' rieda tal-Gvern tan-Nikaragwa biex jerġa' jniedi djalogu intern sinifikanti; jistieden lill-awtoritajiet jerġgħu jibdew id-djalogu mal-Alleanza Ċivika bil-għan li tinkiseb soluzzjoni demokratika, sostenibbli u paċifika li tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Marzu 2019; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu garantiti l-libertajiet politiċi u ċivili għan-Nikaragwani kollha, ir-ritorn ta' dawk li jinsabu f'eżilju, ir-ritorn tal-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istabbiliment ta' proċess elettorali kredibbli li jiżgura elezzjonijiet immedjati, ġusti u trasparenti bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

6. Jitlob lill-VP/RGħ u lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa biex jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiż u biex ikomplu jindirizzaw il-problemi tad-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mis-sitwazzjoni fil-pajjiż u li jaffettwaw lill-priġunieri, lill-istudenti, lid-dimostranti, lill-familji tal-vittmi u lill-ġurnalisti, fost oħrajn;

7. Jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fin-Nikaragwa kemm jista' jkun malajr sabiex tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż u jeżorta lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu dħul mingħajr xkiel fil-pajjiż, kif ukoll aċċess għal kull interlokutur u faċilità;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza