Proċedura : 2019/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0255/2019

Testi mressqa :

B9-0255/2019

Dibattiti :

PV 18/12/2019 - 21
CRE 18/12/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0111

<Date>{16/12/2019}16.12.2019</Date>
<NoDocSe>B9‑0255/2019</NoDocSe>
PDF 154kWORD 45k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa</Titre>

<DocRef>(2019/2978(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Anna Fotyga, Karol Karski, Assita Kanko, Ruža Tomašić, Charlie Weimers, Jadwiga Wiśniewska, Veronika Vrecionová, Valdemar Tomaševski, Alexandr Vondra</Depute>

<Commission>{ECR}f'isem il-Grupp ECR</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0251/2019

B9‑0255/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa

(2019/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Mejju 2018[1] u tal-14 ta' Marzu 2019[2];

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

 wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) tal-2007, li tagħha n-Nikaragwa hija parti,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar in-Nikaragwa tal-21 ta' Jannar 2019 u tal-14 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Settembru 2019 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet fit-42 sessjoni tal-Kunsill Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra r-rapport tad-19 ta' Novembru 2019 tal-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar in-Nikaragwa,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi n-Nikaragwa inħakmet minn inkwiet politiku li beda fit-18 ta' April 2018 u għaddiet minn kriżi tad-drittijiet tal-bniedem ipprovokata minn ripressjoni brutali minn forzi tal-istat u minn gruppi armati favur il-gvern li qed jippruvaw irażżnu protesti kbar fil-pajjiż kollu;

B. billi, skont id-data tal-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, mietu mill-inqas 328 persuna, inklużi 29 tifel u tifla u adolexxenti, u aktar minn 2 000 persuna indarbu bħala riżultat ta' din il-vjolenza, filwaqt li mijiet ta' sostenituri tal-oppożizzjoni ntbagħtu l-ħabs u aktar minn 80 000 persuna ħarbu mill-pajjiż;

C. billi l-maġġoranza ta' dawn l-avversarji politiċi mitfugħa l-ħabs inħelsu skont il-Liġi tal-Amnestija reċenti, li hija, madankollu, inkompatibbli ma' standards internazzjonali u tissokta l-impunità billi teskludi l-investigazzjoni dwar reati suspettati kommessi kontra d-dimostranti;

D. billi f'xi każijiet l-awtoritajiet tal-ħabs injoraw l-ordnijiet tar-rilaxx ta' mħallfin, żammew lill-konvenuti arbitrarjament imċaħħda mil-libertà tagħhom, u billi dawk ikkundannati b'mod ġenerali ngħataw sentenzi sproporzjonati, f'xi każijiet aktar minn 200 sena ħabs, għalkemm il-Kostituzzjoni tillimita s-sentenzi ta' ħabs għal 30 sena;

E. billi hemm nuqqas ta' proċess dovut u qed tiżdied il-kriminalizzazzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u tad-dissidenti politiċi;

F. billi r-rapport ta' Settembru 2019 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa jelenka firxa wiesgħa ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bdiewa, persuni LGBTI, studenti u membri tal-kleru kattoliku, inkluż qtil extraġudizzjarju, vjolenza minn gruppi armati favur il-gvern, detenzjoni arbitrarja, vjolenza sesswali u tortura, sekwestru tal-assi tagħhom, intimidazzjoni, fastidju u kampanji ta' malafama;

G. billi l-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-OAS dwar in-Nikaragwa hija tal-fehma li azzjonijiet meħuda minn jew permessi mill-Gvern tan-Nikaragwa minn April 2018 huma inkonsistenti mad-drittijiet u l-garanziji protetti fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa tal-1987 u li dawn qed iwasslu għal bidla fir-reġim kostituzzjonali li jfixkel b'mod serju l-ordni demokratiku fin-Nikaragwa, kif deskritt fl-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana;

H. billi l-ispazju ċiviku fin-Nikaragwa tnaqqas b'mod sinifikanti, peress li l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika ġie ostakolat u d-dritt għal-libertà ta' espressjoni ġie ristrett permezz ta' diversi azzjonijiet li jvarjaw mill-għeluq ta' stabbilimenti tal-midja indipendenti u ż-żamma tal-proprjetà u t-tagħmir tagħhom għat-tfigħ il-ħabs ta' ġurnalisti għal diversi xhur;

I. billi l-gvern ħa miżuri de facto u de jure li jaffettwaw il-libertà ta' assoċjazzjoni; billi f'Novembru u Diċembru 2018 l-Assemblea Nazzjonali kkanċellat ir-reġistrazzjoni legali ta' disa' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili akkużati li appoġġaw "azzjonijiet terroristiċi" waqt il-protesti tal-2018, u, sal-lum, l-ebda waħda mir-reġistrazzjonijiet legali ma reġgħet ġiet restawrata u lanqas ma ġew irritornati l-oġġetti u t-tagħmir tagħhom;

J. billi passi pożittivi riflessi fir-rilaxx ta' għadd sostanzjali ta' priġunieri politiċi ma ġewx akkumpanjati mill-implimentazzjoni tat-totalità tal-ftehimiet ta' Marzu 2019 bejn il-gvern u l-Alleanza Ċivika, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet ċivili u politiċi, u, billi, wara xhur ta' impass ikkawżat minn dan in-nuqqas ta' konformità, il-Gvern tan-Nikaragwa, fit-30 ta' Lulju 2019, iddeċieda b'mod unilaterali li jtemm in-negozjati;

K. billi r-rifjut kontinwu tal-gvern li jissokta d-djalogu mal-oppożizzjoni jagħti sinjal negattiv dwar ir-rieda tal-gvern tan-Nikaragwa li jaħdem favur triq paċifika u demokratika biex joħroġ mill-kriżi.

L. billi l-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talab lin-Nikaragwa iġġib fi tmiem "ir-ripressjoni persistenti ta' dissens u x-xejra kontinwa ta' arresti arbitrarji u li tieqaf tikkriminalizza u tattakka d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u kwalunkwe vuċi oħra li ma taqbilx magħha" wara l-arresti ta' dimostranti fuq akkużi foloz li ppruvaw jipprovdu provvisti umanitarji lil dawk li għamlu strajk tal-ġuħ fi knisja f'Masaya, inkluż iċ-ċittadin Belġjan Amaya Coppens, li diġà kien arrestat f'Settembru 2018, ġie lliberat f'Ġunju 2019 u li issa reġa' ġie arrestat;

M. billi Daniel Ortega, li ilu President sa minn meta ħa l-kariga fl-2007, martu, Rosario Murillo, li serviet bħala Viċi President mill-2016, u l-familja tiegħu huma akkużata b'nepotiżmu, u billi dan l-aħħar l-Istati Uniti adottaw sanzjonijiet kontra uliedu fuq l-akkuża ta' ħasil ta' flus u korruzzjoni;

N. billi fl-14 ta' Ottubru 2019 il-Kunsill adotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa;

1. Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tan-Nikaragwani li jixtiequ jistabbilixxu pajjiż liberu, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

2. Jitlob li l-ftehimiet tad-29 ta' Marzu 2019 jiġu implimentati bis-sħiħ biex jissaħħu d-drittijiet u l-garanziji ċivili u politiċi, inkluż l-istabbiliment mill-ġdid tal-libertajiet politiċi u l-istatus legali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ċċensurati, ir-ritorn volontarju u sikur ta' dawk eżiljati, ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi li fadal u t-tmiem tal-fastidju u l-intimidazzjoni tal-priġunieri politiċi rilaxxati u tal-familji tagħhom;

3. Jappella lill-Gvern tan-Nikaragwa jerġa' lura għal djalogu nazzjonali sinifikanti, orjentat lejn ir-riżultati u inklużiv li jtemm ir-ripressjoni kontinwa u jistabbilixxi termini konkreti għal tranżizzjoni demokratika, inkluż proċess ta' riforma elettorali sinċiera skont l-istandards internazzjonali u li dan jirriżulta f'leġiżlazzjoni li tiggarantixxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

4. Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri kollha arrestati b'rabta mal-protesti ta' April 2018 u ta' dawk kollha li ġew akkużati għal allegati reati tal-liġi komuni b'ritaljazzjoni għall-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom f'dimostrazzjonijiet ċiviċi, u jitlob ir-restawr sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawn il-persuni li nħelsu flimkien mal-għeluq tal-każijiet tagħhom, il-kanċellazzjoni tal-kundanni tagħhom, ir-riparazzjoni tal-beni kkonfiskati tagħhom, u l-garanzija tas-sikurezza u l-integrità fiżika tagħhom;

5. Jappella għal rieżami indipendenti tal-kundanni u s-sentenzi bil-ħsieb li tiġi riformata l-ġudikatura, inklużi ħatriet f'konformità ma' standards internazzjonali, bħall-Prinċipji Bażiċi dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Linji Gwida dwar ir-Rwol tal-Prosekuturi;

6. Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jiddiżarma u jżarma gruppi armati favur il-gvern li jheddu u jattakkaw lin-Nikaragwani;

7. Jinsisti dwar ir-ritorn ta' proprjetà kkonfiskata u r-restawr ta' liċenzji sospiżi għall-istabbilimenti tal-aħbarijiet u jinsisti li dawn l-istabbilimenti jitħallew iwettqu xogħolhom mingħajr l-ebda ostaklu jew ritaljazzjoni;

8. Jinsisti li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa mal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u li dawn jitħallew jirritornaw fin-Nikaragwa;

9. Jitlob li tiġi riveduta l-Liġi dwar l-Amnestija u l-Liġi dwar il-Kura Komprensiva għall-Vittmi sabiex jiġi garantit id-dritt għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni adegwata għall-vittmi;

10. Jitlob li n-Nikaragwa immedjatament timplimenta l-protezzjoni għal persuni indiġeni u dawk ta' nisel Afrikan li qed jiġu ffastidjati u maqtula f'reġjuni differenti tal-pajjiż, u jissottolinja li l-Istat tan-Nikaragwa għandu jipproteġi b'mod urġenti lil dawn il-komunitajiet minn attakki vjolenti u invażjonijiet tal-art;

11. Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, il-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tiskatta bis-sospensjoni tan-Nikaragwa minn dan il-ftehim;

12. Jeżorta lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u jikkunsidraw b'mod urġenti l-implimentazzjoni ta' sanzjonijiet immirati kontra l-Gvern tan-Nikaragwa u individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-fatt li l-miżuri restrittivi tal-UE huma mfassla biex ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni tan-Nikaragwa;

13. Jeżorta lill-UE u lill-Istati Membri jiffriżaw il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2018)0238.

[2] Testi adottati, P8_TA(2019)0219.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza