MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran
17.12.2019 - (2019/2993(RSP))
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Ernest Urtasun, Katrin Langensiepen, Gina Dowding, Hannah Neumann, Klaus Buchner, Monika Vana, Erik Marquardt, Mounir Satouri
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2019
B9‑0271/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri[1], tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem[2], tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh[3], tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran li jinsabu l-ħabs fl-Iran[4], tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran[5], tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt[6] u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Ottubru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE dwar il-protesti riċenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Novembru 2019 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar l-iżviluppi fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, it-Tortura u l-Libertà ta' Espressjoni,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tat-30 ta' Jannar 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-8 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-15 ta' Novembru bdew protesti f'aktar minn 100 post madwar l-Iran wara t-tħabbira ta' żieda fil-prezz tal-fjuwil ta' 50 %; billi dawn il-protesti ntlaqgħu bi trażżin vjolenti u użu eċċessiv tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani; billi, skont rapporti tas-soċjetà ċivili, il-forzi tas-sigurtà Iranjani fetħu n-nar fuq dimostranti mhux armati li ma kinux ta' theddida imminenti, u allegatament sparaw biex joqtlu;
B. billi skont Amnesty International, mill-inqas 304 persuni, inklużi tfal, inqatlu matul il-protesti fl-Iran u eluf ta' dimostranti, kif ukoll ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u studenti, ġew arrestati; billi l-forzi tas-sigurtà Iranjani għadhom qed iwettqu rejds biex jarrestaw lin-nies b'rabtiet diretti jew indiretti mal-protesti; billi l-awtoritajiet Iranjani għadhom ma ħabbrux l-għadd ta' mwiet b'mod uffiċjali;
C. billi fis-16 ta' Novembru l-awtoritajiet Iranjani implimentaw għeluq kważi totali tal-komunikazzjonijiet bl-internet, u waqqfu kważi kull mezz ta' komunikazzjoni online għal persuni fl-Iran u ċaħdu kwalunkwe fluss ta' informazzjoni relatata mat-trażżin brutali; billi l-għeluq tal-komunikazzjoni bl-internet jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għall-aċċess għall-informazzjoni;
D. billi ħafna mill-detenuti għebu bl-użu tal-forza jew ġew detenuti b'mod arbitrarju u ġew miċħuda aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom stess; billi skont rapporti tas-soċjetà ċivili, uħud mid-detenuti ġew soġġetti għal tortura u forom oħra ta' trattament ħażin;
E. billi l-protesti riċenti huma marbuta maż-żieda fil-prezz tal-fjuwil, li skont l-awtoritajiet Iranjani kienet meħtieġa minħabba l-effett negattiv tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq ir-riżorsi tal-pajjiż; billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-impatt negattiv tal-miżuri unilaterali koerċittivi fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, l-użu ta' sanzjonijiet ekonomiċi għal finijiet politiċi jikser id-drittijiet tal-bniedem u n-normi ta' mġiba internazzjonali, u l-applikazzjoni extraterritorjali ta' sanzjonijiet unilaterali evidentement tmur kontra d-dritt internazzjonali
F. billi f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern tal-Iran wettaq trażżin qawwi fuq id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, inkluż il-priġunerija ta' kritiċi paċifiċi fuq akkużi foloz ta' sigurtà nazzjonali;
G. billi kien hemm diversi rapporti dwar il-kundizzjonijiet inumani u degradanti fil-ħabsijiet u n-nuqqas ta' aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni, bil-għan li jiġu intimidati, ikkastigati jew koerċizzati d-detenuti, bi ksur tar-Regoli Standard Minimi tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri; billi skont rapporti tas-soċjetà ċivili, id-detenuti miżmuma mill-Ministeru tal-Intelligence u l-Gwardji Rivoluzzjonarji huma regolarment soġġetti għal reklużjoni fit-tul li tammonta għal tortura;
H. billi ma hemm ebda mekkaniżmu indipendenti biex tiġi żgurata r-responsabbiltà fi ħdan il-ġudikatura, u għad hemm tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-imħallfin, b'mod partikolari dawk li jippresjedu fuq il-Qrati Rivoluzzjonarji; billi l-fastidju ġudizzjarju qed jintuża biex isikket lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
I. billi l-UE adottat miżuri restrittivi relatati ma' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq il-viża għal individwi u entitajiet responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u ta' tagħmir għas-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet; billi dawn il-miżuri qed jiġu aġġornati regolarment u jibqgħu fis-seħħ;
1. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi t-trażżin li għaddej fuq id-dimostranti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika u biex jeżerċitaw kontroll massimu fit-trattament tal-protesti, f'konformità man-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw bis-sħiħ il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għalih huwa parti l-Iran;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lid-dimostranti, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li bħalissa qed jinżammu taħt arrest; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li ssir investigazzjoni fil-pront, imparzjali u indipendenti dwar il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-bidu tal-protesti, inklużi allegazzjonijiet ta' trattament ħażin waqt id-detenzjoni, u li dawk responsabbli jħallsu ta' għemilhom;
3. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li jagħlqu l-aċċess għall-internet għan-netwerks globali, u b'hekk ċaħħdu l-komunikazzjoni u l-fluss liberu ta' informazzjoni għar-residenti Iranjani; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet huma ksur ċar tal-libertà tal-kelma;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw id-dritt tad-detenuti kollha għal proċess xieraq u proċess ġust, inkluż id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom;
5. Jinsisti li l-awtoritajiet Iranjani jeħtiġilhom jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri fiżiku u psikoloġiku tad-detenuti kollha u jipprovdulhom kura medika adegwata; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha ta' trattament ħażin matul id-detenzjoni u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja;
6. Jinsisti għal darb'oħra dwar l-importanza tal-istabbiliment rapidu ta' delegazzjoni tal-UE f'Tehran, li, fost l-oħrajn, issaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tissorvelja s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-post u tinvolvi ruħha mal-kontropartijiet tagħha Iranjani u mas-soċjetà ċivili lokali;
7. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jinkludi d-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran;
8. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikjedu b'mod urġenti sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex jiżguraw skrutinju xieraq tat-trażżin tal-Iran fuq id-dimostranti, u, f'dik is-sessjoni, jipproponu inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li tirrapporta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jagħmlu stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u biex jikkooperaw b'mod proattiv; iħeġġiġhom jiżguraw b'mod partikolari li r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jitħalla jidħol fil-pajjiż;
10. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-rebbieħa tal-Premju Sakharov Nasrin Sotoudeh u Jafar Panahi; jiddeplora l-fatt li Nasrin Sotoudeh għadha miżmuma l-ħabs, u qed tiskonta sentenza ta' 33 sena u 148 daqqa ta' frosta; jinsisti fuq ir-rilaxx immedjat tagħha mingħajr kundizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġjar li ngħata Jafar Panahi mill-2010;
11. Jikkundanna l-impatt tas-sanzjonijiet sekondarji mill-Istati Uniti, u jinsisti fuq il-fatt li l-effett extraterritorjali tas-sanzjonijiet imur kontra l-liġi internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva orizzontali biex jiġu esplorati modi differenti biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-UE għas-sanzjonijiet sekondarji ta' pajjiżi terzi;
12. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), minkejja l-każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew f'dawn il-ġimgħat, bħala element kritiku biex titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, tintlaħaq l-istabbiltà reġjonali u tissaħħaħ il-paċi internazzjonali; jiddeplora t-tħabbir mill-aktar riċenti li l-Iran qed jissokta bl-attivitajiet ta' arrikkiment tal-uranju; jistieden lill-Iran ireġġa' lura l-miżuri kollha li huma inkonsistenti mal-PAKK u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonformaw bis-sħiħ mat-termini tal-ftehim, inkluż fir-rigward tal-għoti ta' benefiċċji ekonomiċi deskritti fil-ftehim;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Konsultattiva Iżlamika, lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
- [1] Testi adottati, P9_TA(2019)0019.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2019)0204.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2018)0525.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2018)0231.
- [5] ĠU C 408, 30.11.2017, p. 39.
- [6] ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.
- [7] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 86.