Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0272/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0272/2019

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran

    16.12.2019 - (2019/2993(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Kati Piri, Jytte Guteland
    f'isem il-Grupp S&D

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2019

    Proċedura : 2019/2993(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0272/2019

    B9‑0272/2019

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran

    (2019/2993(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

     wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-4 ta' Frar 2019,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE dwar il-protesti reċenti fl-Iran,

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Novembru 2019 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-iżviluppi fl-Iran,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari[1],

     wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

     wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline,

     wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-30 ta' Jannar 2019,

     wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

     wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), li minnu l-Iran jifforma parti,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi għexieren ta' eluf ta' persuni fl-Iran eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom ta' għaqda u esprimew l-ilmenti ekonomiċi u politiċi tagħhom li kulma jmur qed jiżdiedu; billi l-protesta tista' tkun l-akbar ferment f'dawn l-aħħar 40 sena;

    B. billi l-forzi tas-sigurtà Iranjani, f'dik li setgħet kienet ir-reazzjoni l-aktar qattiela li qatt wettqu għad-dimostrazzjonijiet, użaw mezzi sproporzjonati u forza kontra d-dimostranti, u allegatament qatlu aktar minn 200 ruħ u arrestaw mas-7 000, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Human Rights Watch;

    C. billi skont il-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jistgħu jużaw il-forza biss meta jkun strettament meħtieġ u sa fejn ikun meħtieġ biex jintlaħaq objettiv leġittimu taż-żamma tal-ordni pubbliku;

    D. billi wara li l-protesti bdew fl-Iran, l-awtoritajiet Iranjani istitwew l-għeluq tal-Internet għal ħamest ijiem mal-pajjiż kollu, u b'hekk imponew limitazzjoni sproporzjonata fuq il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;

    E. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw il-fastidju, l-arrest arbitrarju, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni minħabba xogħolhom; billi l-Ministeru tal-Intelligence Iranjan u forzi oħra ħarġu qatta bla ħabel b'ripressjoni severa fuq is-soċjetà ċivili;

    F. billi 77 membru tal-oppożizzjoni riformista, fil-biċċa l-kbira tagħhom membri tal-Front ta' Parteċipazzjoni tal-Iran Iżlamiku, ħarġu dikjarazzjoni miftuħa li tikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza fit-trażżin tal-protesti; billi wħud minnhom tressqu quddiem il-ġudikatura fl-Iran talli "xerrdu propaganda kontra r-Repubblika Iżlamika", u tnejn ġew arrestati, jiġifieri Mohammad Kianoosh Rad u Mehdi Mahmoudian;

    G. billi l-qrati Iranjani jonqsu regolarment milli jipprovdu proċessi ġusti, u jużaw il-konfessjonijiet miksuba permezz tat-tortura bħala evidenza fil-qorti;

    1. Jikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza min-naħa tal-Iran kontra dimostranti mhux vjolenti li kulma jkunu qed jagħmlu hu li jesprimu t-talbiet leġittimi tagħhom; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabbli, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jippubblikaw l-għadd totali ta' mwiet u ta' detenuti, iwettqu investigazzjonijiet trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv tal-forza, inklużi l-attakki mmirati direttament kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà, u jżommu responsabbli lill-awturi kollha tal-vjolenza;

    2. Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet jinfurmaw lill-familji kollha dwar il-post fejn jinsabu l-qraba detenuti tagħhom, u jiżguraw li d-detenuti jiġu infurmati fil-pront dwar kwalunkwe akkużi miġjuba kontrihom u li jkollhom aċċess fil-pront għall-konsulenza legali u għall-membri tal-familja tagħhom;

    3. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iranjani li jagħlqu l-aċċess għall-internet għan-netwerks globali, biex b'hekk ipprevjena l-komunikazzjoni u l-fluss liberu ta' informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani; jenfasizza li tali azzjonijiet huma ksur ċar tal-libertà tal-kelma;

    4. Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda għandhom dejjem jiġu rispettati, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż skont l-ICCPR;

    5. Jitlob li l-UE, inkluża l-VP/RGħ, tkompli tqajjem it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Iranjani fil-forums bilaterali u multilaterali, b'mod partikolari fil-kuntest tad-djalogu politiku ta' livell għoli bejn l-UE u l-Iran;

    6. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) isejħu sessjoni speċjali tal-HRC sabiex jivvalutaw is-sitwazzjoni fl-Iran, bil-għan li jagħtu mandat għal inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż minn mindu bdew il-protesti, u jistieden lill-Iran jagħti aċċess sħiħ u mingħajr restrizzjonijiet lil dawk li jkunu qed iwettqu din l-inkjesta, kif ukoll lill-uffiċjali tan-NU, inklużi mandati għal proċeduri speċjali, anke għall-postijiet ta' detenzjoni, u jimmonitorja l-proċessi relatati mal-protesti u l-konsegwenzi tagħhom;

    7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

    Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
    Avviż legali - Politika tal-privatezza