Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0273/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0273/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran

17.12.2019 - (2019/2993(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Fotyga, Bert-Jan Ruissen, Witold Jan Waszczykowski, Adam Bielan
f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2019

Proċedura : 2019/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0273/2019

B9-0273/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran

(2019/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-4 ta' Frar 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE dwar il-protesti reċenti fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-21 ta' Novembru 2019 dwar l-iżviluppi fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018 li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu għal 12-il xahar ulterjuri b'reazzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 73/181 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-30 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iran huwa parti fih,

 wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi għexieren ta' eluf ta' persuni mill-provinċji kollha u l-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha tal-Iran eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-għaqda u esprimew l-ilmenti ekonomiċi tagħhom fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil;

B. billi minkejja sejħiet internazzjonali ripetuti biex iżommu lura, il-forzi tas-sigurtà Iranjani użaw mezzi sproporzjonati u forza kontra d-dimostranti, u allegatament qatlu madwar1 000 ruħ, li minnhom uħud huma minorenni, u 500 biss ġew identifikati s'issa, u darbu eluf u arrestaw ħafna aktar;

C. billi immedjatament wara li l-protesti nfirxu mal-Iran, l-awtoritajiet Iranjani bdew jinterrompu l-konnessjonijiet tal-internet u l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, sitwazzjoni li wasslet biex l-Internet inqata' mal-pajjiż kollu għal ġimgħa sħiħa;

D. billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari[1] tenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tar-relazzjonijiet UE-Iran;

E. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti online fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw il-fastidju, l-arrest arbitrarju, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni minħabba xogħolhom; billi l-Ministeru tal-Intelligence Iranjan u forzi oħra imponew ripressjoni severa fil-konfront tas-soċjetà ċivili;

F. billi l-qrati Iranjani jonqsu regolarment milli jipprovdu proċessi ġusti, u jużaw il-konfessjonijiet miksuba permezz tat-tortura bħala evidenza fil-qorti;

1. Jiddeplora l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza min-naħa tal-Iran kontra dimostranti mhux vjolenti li kulma kienu qed jagħmlu kien li esprimew it-talbiet leġittimi tagħhom; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabbli, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta' mwiet u ta' arresti, u jitlob li l-awturi kollha tal-vjolenza jinżammu responsabbli;

2. Jitlob b'insistenza li d-dimostranti kollha li bħalissa jinsabu arrestati fl-Iran talli eżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet; jitlob, barra minn hekk, li l-avukati u l-osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess mingħajr xkiel għal dawk kollha li ġew detenuti waqt il-protesti, u li l-identità tad-detenuti tiġi kkomunikata lill-komunità internazzjonali;

3. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Iran li jagħlaq l-aċċess tal-internet għan-netwerks globali, azzjoni li qatgħet il-komunikazzjoni u l-fluss liberu tal-informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani; jissottolinja li tali azzjonijiet huma ksur ċar tal-libertà tal-kelma;

4. Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda jridu dejjem jiġu rispettati, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

5. Jissottolinja, fid-dawl tar-repressjoni vjolenti kontra d-dimostranti u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, il-ħtieġa ta' riflessjoni fil-fond dwar il-politika tal-UE rigward l-Iran;

6. Jistieden lill-Iran jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż billi jippermettilu jidħol fil-pajjiż;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza