Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0274/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0274/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIimressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran

17.12.2019 - (2019/2993(RSP))


skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Luisa Porritt, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Moritz Körner, María Soraya Rodríguez Ramos
f'isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2019

Proċedura : 2019/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0274/2019

B9-0274/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran

(2019/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, inkluża l-aktar reċenti tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2019 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE dwar il-protesti riċenti fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-21 ta' Novembru 2019 dwar l-iżviluppi fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018 li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu għal 12-il xahar ulterjuri b'reazzjoni għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, u dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumana jew degradanti oħra, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni online u offline,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), li tiegħu l-Iran hu firmatarju,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

 wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-30 ta' Jannar 2019,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1924, u l-adozzjoni tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1959,

 wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi għexieren ta' eluf ta' persuni mill-provinċji kollha u l-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha tal-Iran eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-libertà tal-għaqda u esprimew l-ilmenti ekonomiċi tagħhom fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil ta' mill-inqas 50 %;

B. billi skont Amnesty International, mill-inqas 304 persuna, fosthom minorenni, inqatlu matul il-protesti, u eluf ta' dimostranti, kif ukoll ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u studenti ġew arrestati; billi l-awtoritajiet Iranjani għadhom ma ħabbrux in-numru uffiċjali tal-persuni mejta; billi l-awtoritajiet Iranjani arrestaw b'mod illegali eluf ta' dimostranti paċifiċi u rrifjutaw li jagħtu informazzjoni preċiża dwar fejn jinsabu d-detenuti, u f'ċerti każijiet kien hemm għajbien sfurzat; billi skont rapporti tas-soċjetà ċivili, uħud mid-detenuti ġew soġġetti għal tortura u forom oħra ta' trattament ħażin;

C. billi f'dawn l-aħħar ġimgħat instab numru kbir ta' iġsma fi xmajjar, bwar u lagi, u huwa maħsub li huma tad-dimostranti miżmuma mill-forzi tas-sigurtà Iranjani; billi l-awtoritajiet Iranjani rrifjutaw li jirrilaxxaw l-iġsma tal-vittmi lill-familji tagħhom;

D. billi l-gruppi paramilitari Iranjani u l-forzi speċjali Iranjani mmassakraw dimostranti mhux armati li sabu kenn f'Mahshahr, belt fil-provinċja ta' Khuzestan, u qatlu aktar minn 100 persuna;

E. billi l-minoranzi etniċi jammontaw għal 40 % tal-popolazzjoni tal-Iran; billi l-minoranzi etniċi tal-Iran huma fost l-ewwel vittmi tar-reġim tal-mullahs;

F. billi l-awtoritajiet Iranjani wettqu interruzzjoni fuq skala wiesgħa tal-komunikazzjonijiet u s-servizzi online billi bblokkaw il-konnettività tal-internet bħala konsegwenza diretta tad-dimostrazzjonijiet madwar l-Iran; billi dawn ir-restrizzjonijiet huma modus operandi kontinwu min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani biex jipprevjenu kwalunkwe komunikazzjoni online fil-pajjiż f'perjodi ta' diżordni soċjali, u b'hekk kisru wkoll id-dritt tal-libertà ta' espressjoni tal-Iranjani kollha li jgħixu fl-Iran kif ukoll barra mill-Iran;

G. billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari[2] tenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tar-relazzjonijiet UE-Iran;

H. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti online fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, arrest arbitrarju, detenzjoni u prosekuzzjoni għal xogħolhom; billi f'dawn l-aħħar xhur il-Ministeru tal-Intelligence Iranjan u forzi oħra niedu ripressjoni severa fil-konfront tas-soċjetà ċivili;

I. billi l-fatwa maħruġa minn Abolfazl Bahrampour, li huwa mullah influwenti, imxandra fuq l-ewwel kanal Iranjan, tistieden lill-Iranjani biex joqtlu lid-dimostranti; billi diversi xandara tal-midja tal-Istat tal-Iran appellaw pubblikament għall-eżekuzzjoni tal-mexxejja tad-dimostranti;

J. billi l-awtoritajiet Iranjani rreaġixxew għal kull protesta mis-soċjetà ċivili fl-Iran b'repressjoni severa; billi s-servizz tal-intelligence Iranjan intensifika t-trażżin tiegħu fuq id-dimostranti tas-soċjetà ċivili; billi l-awtoritajiet Iranjani żiedu l-atti ta' repressjoni kontra dawk li kienu qed ifittxu li jeżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, u bagħtu l-ħabs mijiet ta' persuni fuq akkużi ġeneriċi u vagi ta' attakki għas-sigurtà nazzjonali;

K. billi l-qrati Iranjani jonqsu b'mod regolari milli jipprovdu proċessi ekwu u ġusti, billi jċaħdu l-aċċess għal konsulenti legali u jċaħdu ż-żjarat minn rappreżentanti minn konsulati, min-NU jew minn organizzazzjonijiet umanitarji; billi s-sentenzi mill-ġudikatura Iranjana ta' spiss huma bbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifiċi relatati mas-sigurtà nazzjonali u l-ispjunaġġ;

1. Jiddeplora l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza min-naħa tal-Iran kontra dimostranti mhux vjolenti li kulma qed jagħmlu hu li jesprimu t-talbiet leġittimi tagħhom; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabbli, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li jkun hemm investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta' mwiet u arresti, u li dawn iċ-ċifri jiġu ppubblikati; jappella, barra minn hekk, biex l-awturi kollha tal-vjolenza jinżammu responsabbli għal għemilhom;

2. Jitlob li d-dimostranti kollha li attwalment jinstabu arrestati fl-Iran għax eżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom ta' libertà ta' espressjoni u tal-għaqda jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet; jitlob, barra minn hekk, li l-avukati u l-osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess mingħajr xkiel għal dawk kollha detenuti waqt il-protesti, u li l-identità tad-detenuti tiġi kkomunikata lill-komunità internazzjonali; itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-ħelsien tal-oħrajn kollha li ġew detenuti b'mod illegali;

3. Ifakkar li l-minoranzi etniċi ilhom vittmi ta' oppressjoni fl-Iran għal għexieren ta' snin, u li taħt il-gvern attwali r-rappreżentanti tagħhom jew qed jiġu sfurzati f'eżilju jew arrestati u, f'ħafna każijiet, kundannati għall-mewt minħabba l-allegat attiviżmu tagħhom;

4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu l-imblokki kollha fil-komunikazzjoni u servizzi online; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Iran li jagħlaq l-aċċess għall-internet għan-netwerks globali, li waqqfet il-komunikazzjoni u l-fluss liberu ta' informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani; iqis li n-nuqqas ta' libertà ta' espressjoni online, is-sorveljanza u l-monitoraġġ sistematiċi tat-traffiku tal-internet, kif ukoll in-nuqqas ta' libertajiet diġitali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet universali tal-bniedem tal-persuni kollha, b'mod partikolari d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni kemm online kif ukoll offline;

5. Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni u tal-għaqda jridu dejjem jiġu rispettati, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż l-ICCPR;

6. Itenni l-appell tiegħu għal projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull forma ta' tagħmir ta' sigurtà li jista' jintuża jew qed jintuża għar-repressjoni interna;

7. Jistieden lin-Nazzjonijiet Uniti biex tniedi mingħajr dewmien investigazzjoni sħiħa dwar il-ġrajjiet li seħħew f'dawn l-aħħar ġimgħat, immexxija mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza