Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0275/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0275/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran

17.12.2019 - (2019/2993(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Michael Gahler, Željana Zovko, Sandra Kalniete, David McAllister
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0271/2019

Proċedura : 2019/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0275/2019

B9‑0275/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran

(2019/2993(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE tat-8 ta' Diċembru 2019 dwar il-protesti riċenti fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-21 ta' Novembru 2019 dwar l-iżviluppi fl-Iran,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

 wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi għexieren ta' eluf ta' persuni fl-Iran eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jinġabru u esprimew l-ilmenti ekonomiċi tagħhom;

B. billi l-forzi tas-sigurtà Iranjani użaw forza sproporzjonata kontra d-dimostranti;

C. billi, skont ir-rapporti, il-protesti waslu għal bilanċ serju ta' mwiet u ħafna persuni feruti;

D. billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li tal-anqas 7 000 persuna huma rrappurtati li sfaw arrestati;

E. billi l-awtoritajiet Iranjani bdew ifixklu l-konnessjonijiet tal-internet u l-midja soċjali;

F. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti online fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, arrest arbitrarju, detenzjoni u prosekuzzjoni;

1. Jikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti mhux vjolenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jaċċertaw l-għadd ta' mwiet u l-għadd ta' persuni arrestati; jistenna li l-awturi kollha tal-vjolenza jinżammu responsabbli għal għemilhom;

2. Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jawgura fejqan ta' malajr lil dawk li sfaw midruba;

3. Jitlob għar-rilaxx tad-detenuti kollha li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw b'mod paċifiku u jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw id-dritt tagħhom għal proċess ġust, inkluż id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom;

4. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Iran li jagħlaq l-aċċess għall-internet għan-networks globali għal aktar minn ġimgħa, u li b'hekk jimpedixxi l-komunikazzjoni; jistenna li l-awtoritajiet Iranjani jiżguraw il-fluss liberu tal-informazzjoni u l-aċċess għall-internet;

5. Jissottolinja li l-libertà ta' espressjoni u tal-għaqda huma drittijiet fundamentali li jridu jiġu rispettati; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, speċjalment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6. Jistieden lill-Iran jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran;

7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis Iranjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Diċembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza