MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran
17.12.2019 - (2019/2993(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cornelia Ernst, Manuel Bompard
f'isem il-Grupp GUE/NGL
B9‑0276/2019
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti riċenti fl-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja li qegħdin il-ħabs[1], tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-Iran, partikolarment is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem[2], tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, u b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh[3], tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs[4], tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran[5], u tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt[6], u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari[7],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE dwar il-protesti riċenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem dwar l-iżviluppi fl-Iran tal-21 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura u dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kunsidra r-rapport mir-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-30 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-biedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kunsidra r-rapport mis-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-8 ta' Frar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-biedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Uniti reġgħu daħħlu sanzjonijiet ekonomiċi fuq l-Iran wara li l-President Donald Trump abbanduna l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) f'Mejju 2018; billi l-President Trump qal li jixtieq jagħmel "pressjoni massima" fuq il-Gvern Iranjan f'Tehran "biex iġiegħlhu jinnegozja mill-ġdid il-ftehim"; billi, f'Mejju 2019, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti temmet l-eżenzjonijiet mis-sanzjonijiet sekondarji tal-Istati Uniti għall-importaturi ewlenin taż-żejt Iranjan, li ma ħallewx lill-pajjiżi terzi jixtru żejt Iranjan; billi l-President Trump qal li d-deċiżjoni kienet "maħsuba biex l-esportazzjoni taż-żejt tal-Iran jispiċċaw fix-xejn, biex b'hekk ir-reġim jiġi miċħud mis-sors prinċipali ta' dħul tiegħu"; billi fl-14 ta' Frar 2019, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Mike Pompeo qal lil CBS News, "l-affarijiet huma ferm agħar għall-Iranjani (bis-sanzjonijiet tal-Istati Uniti), u aħna konvinti li dan se jwassal lill-poplu Iranjan biex iqum u jbiddel l-imġiba tar-reġim"; billi Brian Hook, li bħalissa huwa responsabbli mill-politika tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Iran, ammetta li "għandna nqisu d-drittijiet tal-bniedem bħala kwistjoni importanti fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-Istati Uniti maċ-Ċina, ir-Russja, il-Korea ta' Fuq, u l-Iran" minħabba li "l-ippressar ta' dawk ir-reġimi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem huwa mod wieħed kif jiġu imposti l-ispejjeż, issir kontropressjoni, u terġa' tiġi rkuprata l-inizjattiva min-naħa tagħhom b'mod strateġiku"; billi f'Diċembru 2019, l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq l-akbar kumpanija tat-tbaħħir tal-Iran u fuq l-akbar linja tal-ajru talli allegatament għenu lil Teheran jiżviluppa missili ballistiċi, bi ksur tas-sanzjonijiet tan-NU;
B. billi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fl-2018, b'mod partikolari dawk imposti fuq is-setturi tal-enerġija, tat-tbaħħir u tal-finanzi, laqtu b'mod partikolari l-esportazzjonijiet taż-żejt – li jikkostitwixxu l-aktar sors importanti ta' qligħ f'munita barranija tal-Iran; billi b'riżultat tas-sanzjonijiet, il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Iran naqas b'madwar 4,8 % fl-2018 u huwa previst li jonqos b'9,5 % fl-2019, skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI);
C. billi l-Istati Uniti tal-Amerka rrestrinġew l-aċċess tal-Iran għas-swieq finanzjarji globali billi żiedu madwar 20 istituzzjoni Iranjana mal-lista ta' Terroristi Globali Speċjalment Ikklassifikati (SDGTs), u billi żiedu tal-anqas 37 bank governattiv u privat tal-Iran, kif ukoll il-kumpanija taż-żejt nazzjonali tal-Iran, mal-lista ta' ċittadini u persuni mblukkati speċjalment ikklassifikati (SDN) ta' individwi soġġetti għal sanzjonijiet; billi kwalunkwe kumpanija li twettaq tranżazzjonijiet ma' SDNs tista' tiġi pproċessata fl-Istati Uniti, u dan joħloq riskju sinifikanti għan-negozji, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji globali li huma essenzjali biex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta' prodotti fl-Iran, inklużi t-tagħmir mediku u l-mediċini essenzjali;
D. billi r-riżervi ta' munita barranija tal-Iran tnaqqsu għal USD 86 biljun – 20 % inqas mil-livell tagħhom fl-2013; billi, barra minn hekk, skont uffiċjal għoli tal-Istati Uniti, Brian Hok, l-Iran għandu biss għal 10 % ta' dawk ir-riżervi minħabba restrizzjonijiet fuq is-settur finanzjarju tiegħu;
E. billi l-munita Iranjana tilfet 50 % tal-valur tagħha meta mqabbla mad-dollaru Amerikan minn meta l-Istati Uniti abbandunaw il-ftehim nukleari; billi t-telf fil-valur tar-Rial ġie attribwit lill-problemi ekonomiċi tal-Iran u domanda għolja għal munita barranija fost l-Iranjani ordinarji li raw il-valur tat-tfaddil tagħhom jitnawwar filwaqt li l-kapaċità tal-akkwist tagħhom naqset b'mod drammatiku;
F. billi l-President Rohani rnexxielu jniżżel l-inflazzjoni għal 9 % fl-2017; billi skont l-estimi tal-FMI l-inflazzjoni żdiedet għal 30,5 % fl-2018 u huwa pprojettat li se tilħaq 35,7 % fl-2019; billi l-Bank Dinji qal li l-inflazzjoni fl-Iran kienet partikolarment għolja għall-oġġetti tal-ikel, fejn f'April 2019, sena wara sena, il-prodotti tal-laħam kienu 116 % aktar għaljin, u li l-popolazzjoni rurali ġiet affettwata b'mod sproporzjonat; billi ċ-Ċentru tal-Istatistika tal-Iran irrapporta li r-rata ta' 12-il xahar tal-inflazzjoni għall-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (CPI) għall-unitajiet domestiċi kienet ta' 42 % fl-aħħar ta' Ottubru 2019; billi l-prezzijiet tal-ikel u tax-xorb żdiedu b'61 % sena wara sena;
G. billi s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-banek Iranjani naqqsu b'mod drastiku l-kapaċità tal-Iran li jiffinanzja l-importazzjonijiet umanitarji, u b'hekk qed joħolqu theddida serja għad-dritt tal-Iranjani għas-saħħa u l-aċċess għall-mediċini essenzjali – minbarra li kważi ċertament qed jikkontribwixxu għal nuqqasijiet dokumentati – li jvarjaw minn nuqqas ta' mediċini kritiċi għall-pazjenti li jbagħtu mill-epilessija sa medikazzjonijiet ta' kimoterapija limitati għall-Iranjani bil-kanċer; billi l-persuni l-aktar milquta minn dawn is-sanzjonijiet huma Iranjani b'mard rari u/jew kundizzjonijiet li jirrikjedu trattament speċjalizzat u li ma jistgħux jakkwistaw mediċini jew provvisti li qabel kienu disponibbli, inklużi persuni bil-lewkimja, l-epidermolysis bullosa, jew l-epilessija, u individwi b'korrimenti kroniċi fl-għajnejn mill-esponiment għall-armi kimiċi waqt il-gwerra bejn l-Iran u l-Iraq;
H. billi l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha favur il-PAKK, inkluż fir-rigward ta' dawk id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-investimenti barranin u ħadet miżuri biex tipproteġi l-interessi kummerċjali u ekonomiċi leġittimi tal-UE; billi waħda mill-miżuri l-aktar notevoli kienet l-istrument ta' appoġġ għall-iskambji kummerċjali (INSTEX) – veikolu bi skop speċjali (SPV) Ewropew maħsub bl-għan speċifiku li jinżamm il-kummerċ mal-Iran; billi dawn il-miżuri kollha fallew minħabba l-interdipendenza asimmetrika tal-Ewropa mal-ekonomija tal-Istati Uniti, id-daqs tas-swieq tal-Istati Uniti u r-rwol globali tad-dollaru Amerikan; billi jeħtieġ li b'mod urġenti l-UE tibda tibni l-awtonomija strateġika tagħha f'oqsma bħalma huma dawk tas-sistemi bankarji u tal-kummerċ;
I. billi f'Lulju 2019, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran qal li huwa "mhux biss jinsab imħasseb minħabba li s-sanzjonijiet u r-restrizzjonijiet bankarji se jaffettwaw indebitament is-sigurtà tal-ikel u d-disponibbiltà u d-distribuzzjoni tal-mediċini, il-provvisti u t-tagħmir farmaċewtiċi, iżda huwa mħasseb ukoll dwar l-impatt negattiv potenzjali tagħhom fuq l-operazzjonijiet u l-programmi tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' oħrajn fil-pajjiż";
J. billi fl-2019, ir-rata tal-qgħad telgħet minn 14,5 % fl-2018 għal 16,8 % fl-Iran;
K. billi f'Novembru 2019, il-Gvern Iranjan ħabbar bla mistenni li kien se jnaqqas is-sussidji tal-petrol b'50 % u li x-xufiera tal-karozzi privati kienu se jitħallew jixtru biss 60 litru biss kull xahar; billi, permezz ta' dan, il-Gvern Iranjan mexa fuq il-parir li kien ta l-FMI fil-konsultazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu IV tal-2018; billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-petrol kompliet taggrava s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali terribbli, maħluqa mis-sanzjonijiet tal-Istati Uniti;
L. billi fil-15 ta' Novembru 2019, bdew protesti f'aktar minn 100 post madwar l-Iran wara li ġie mħabbar li l-prezz tal-fjuwil kien se jiżdied b'50 %; billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), hemm rapporti konfliġġenti dwar jekk kienx hemm persuna armata waħda jew aktar fost id-dimostranti;
M. billi skont rapporti tan-NU, il-forzi tas-sigurtà rreaġixxew għall-protesti b'użu eċċessiv tal-forza, inkluż l-użu ta' kanuni tal-ilma, gass tad-dmugħ, lembubi, u f'xi każijiet munizzjon attiv kontra dimostranti mhux armati li ma kienu ta' l-ebda theddida imminenti ta' mewt jew korriment serju; billi skont ir-rapporti, kien hemm membri tal-milizzja Basij u tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRCG) involuti fl-isparar fuq id-dimostranti;
N. billi skont sorsi tan-NU, matul il-ħamest ijiem ta' dimostrazzjonijiet, li skont sorsi uffiċjali tal-Gvern kienu jinvolvu bejn 120 000 u 200 000 dimostrant, inqatlu mill-inqas 208 persuna, fosthom 13-il mara u 12-il tifel u tifla; billi hemm rapporti – li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) sa issa ma setax jivverifika – li jissuġġerixxu li nqatlu aktar mid-doppju;
O. billi skont l-OHCHR, hemm rapporti li individwi li sfaw midruba jew li b'xi mod ieħor korrew waqt ir-ripressjoni qed jinżammu f'detenzjoni mingħajr ebda kura medika;
P. billi ġie rrapportat li ġew arrestati mill-inqas 7 000 persuna fi 28 mill-31 provinċja tal-Iran minn meta faqqgħu l-protesti tal-massa fil-15 ta' Novembru 2019; billi l-UNHCHR qalet li tinsab "estremament imħassba dwar it-trattament fiżiku tagħhom, il-ksur tad-dritt tagħhom għal proċess ġust, u l-possibbiltà li għadd sinifikanti minnhom jistgħu jiġu akkużati b'reati li jġorru l-piena tal-mewt, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom"; billi hemm rapporti li l-forzi tas-sigurtà għadhom qed iwettqu rejds fil-pajjiż kollu biex jarrestaw lin-nies fi djarhom u fil-postijiet tax-xogħol tagħhom;
Q. billi l-OHCHR għandu rapporti ta' intimidazzjoni tal-ġurnalisti li jippruvaw jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni kemm ġewwa kif ukoll barra l-pajjiż, filwaqt li ġie rrappurtat ukoll li membri tal-familja ta' ġurnalisti Iranjani li jaħdmu għal kanali tal-aħbarijiet ibbażati barra l-Iran allegatament ġew ikkonvokati u mhedda b'rappreżalji minn uffiċjali tal-intelligence;
R. billi skont l-OHCHR, ħafna mid-dimostranti arrestati ma kellhomx aċċess għal avukat; billi hemm rapporti ta' ffullar gravi u kundizzjonijiet ħorox fiċ-ċentri ta' detenzjoni, li f'xi bliet jinkludu kwartieri militari, postijiet sportivi u skejjel, flimkien mal-faċilitajiet ta' detenzjoni uffiċjali;
S. billi fis-16 ta' Novembru 2019, l-awtoritajiet Iranjani implimentaw tifi kważi totali tal-komunikazzjonijiet bl-internet, u waqqfu kważi kull mezz ta' komunikazzjoni online għall-persuni fl-Iran, u għaldaqstant użaw il-kontroll tal-internet bħala mod kif jillimitaw il-kunflitti; billi t-tifi tal-komunikazzjonijiet bl-internet jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni;
1. Jiddeplora bil-qawwa l-imwiet ta' daqstant nies innoċenti u jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu mal-familji ta' dawk mejta jew midruba;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-ripressjoni tad-dimostranti, li kienu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jirrispetta dawk id-drittijiet u biex jeżerċita trażżin massimu fil-ġestjoni tal-protesti, skont in-normi u l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li huwa parti għalih; jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda skuża għall-użu ta' forza eċċessiva kontra l-popolazzjoni ċivili;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw investigazzjonijiet fil-pront, indipendenti u imparzjali dwar il-ksur kollu li seħħ, inkluż il-qtil tad-dimostranti u r-rapporti ta' mwiet u trattament ħażin ta' persuni taħt arrest, u jinsisti li dawk responsabbli jridu jinżammu responsabbli;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jeħilsu minnufih mid-detenzjoni d-dimostranti kollha li ġew imċaħħda mil-libertà tagħhom b'mod arbitrarju, u jiżguraw id-dritt tagħhom għal proċess ġust, inkluż l-aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom matul l-istadju investigattiv;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern Iranjan jirrispetta d-dritt tal-Iranjani li jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u jinvestiga wkoll il-ksur li diġà seħħ, u jirrestrinġi b'mod qawwi l-użu tal-forza tal-forzi tas-sigurtà kif previst skont in-normi u l-istandards internazzjonali rilevanti;
6. Jikkundanna l-miżuri kollha maħsuba biex jipprevjenu jew ifixklu b'mod intenzjonali l-aċċess għal jew it-tixrid ta' informazzjoni online bi ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Iran iwaqqaf u joqgħod lura milli juża tali miżuri;
7. Jikkundanna d-deċiżjoni meħuda mill-Istati Uniti tal-Amerika fit-8 ta' Mejju 201 li jirtiraw mill-PAKK, li jimponu sanzjonijiet severi fuq l-Iran u li jsegwu strateġija ta' bidla tar-reġim fir-rigward tal-Iran;
8. Jenfasizza l-impatt negattiv li s-sanzjonijiet kellhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Iran, li prinċipalment jaffettwa l-Iranjani ordinarji u t-tgawdija tagħhom tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom; jitlob lill-UE tagħti bidu għal djalogu internazzjonali sod dwar is-sanzjonijiet fid-dawl tal-effetti diżastrużi tagħhom fuq il-persuni kkonċernati;
9. Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u indiviżibbli, u jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal finijiet ġeopolitiċi jew ekonomiċi; jiċħad kwalunkwe azzjoni internazzjonali li tikser l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fl-aspetti kollha tagħha;
10. Jafferma mill-ġdid li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa komponent ewlieni fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran; jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament f'Tehran biex tqajjem it-tħassib dwar il-ġrajjiet ta' dan l-aħħar u tiddiskuti t-tħassib reċiproku;
11. Jitlob li jsiru sforzi favur ir-rikonċiljazzjoni u d-djalogu reġjonali, il-kontroll tal-armi u d-diżarm;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-gvern u lill-Parlament tal-Iran, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
- [1] Testi adottati, P9_TA(2019)0019.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2019)0204.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2018)0525.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2018)0231.
- [5] ĠU C 408, 30.11.2017, p. 39.
- [6] ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.
- [7] ĠU C 215, 19.6.2018, p. 86.