MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Dwar il-konformità mal-iskadenzi għall-Kummissjoni biex twieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari
15.12.2019
Markus Buchheit
B9‑0277/2019
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konformità mal-iskadenzi għall-Kummissjoni biex twieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 230 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsija P-002856/2019 għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 138 tar-Regoli ta' Proċedura u t-tweġiba mogħtija lilha mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 138 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 biex jitwieġbu mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 143 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi matul l-aħħar leġiżlatura (2014-2019) il-Kummissjoni rċeviet 43 249 mistoqsija parlamentari, iżda 13 882 minnhom biss twieġbu fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Parlament Ewropew;
B. billi l-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub spiss jirreferu għal kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu rispons f'waqtu mid-destinatarju, sabiex, jekk neċessarju, tkun tista' tittieħed azzjoni ulterjuri malajr kemm jista' jkun;
C. billi l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni huma għodod indispensabbli għas-sorveljanza parlamentari tal-eżekuttiv;
1. Huwa tal-fehma li l-prijorità dovuta mogħtija mill-Kummissjoni lill-għodda ta' sorveljanza tal-Parlament Ewropew mhijiex biżżejjed;
2. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-proċeduri tagħha b'tali mod li l-mistoqsijiet kollha għal tweġiba bil-miktub jitwieġbu fil-ħin;
3. Jitlob li kwistjoni titpoġġa awtomatikament u mingħajr eċċezzjoni fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-kumitat responsabbli jekk din ma tkunx imwieġba mid-destinatarju fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 138 (3) tar-Regoli ta' Proċedura.