Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0031/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0031/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ

9.1.2020 - (2020/2505(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt
Koordinatur tal-PE dwar il-Brexit
Manfred Weber
President tal-Grupp PPE
Iratxe García Pérez
President tal-Grupp S&D
Dacian Cioloş
President tal-Grupp Renew Europe
Philippe Lamberts, Ska Keller
Kopresidenti tal-Grupp Verts/ALE
Martin Schirdewan, Manon Aubry
Kopresidenti tal-Grupp GUE/NGL
Antonio Tajani
President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Proċedura : 2020/2505(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0031/2020

B9‑0031/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ

(2020/2505(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

 wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 ("il-Karta"), li ġiet ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[1], tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[2], tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit[3], tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit[4], u tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea[5],

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tal-15 ta' Diċembru 2017 u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif approvat mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta' Novembru 2018, u d-dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' dik id-data,

 wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif approvat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta' Ottubru 2019 ("il-Ftehim dwar il-Ħruġ")[6],

 wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Ftehim dwar il-Ħruġ li tressaq quddiem il-Parlament tar-Renju Unit fid-19 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit[7];

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) u, sew qabel u sew wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, se jaġixxi biex jipproteġi l-interessi tagħhom;

B. billi bħalissa hemm madwar 3,2 miljun ċittadin mis-27 Stat Membru li jifdal (UE-27) li huma residenti fir-Renju Unit u 1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit li huma residenti fl-UE-27; billi dawk iċ-ċittadini marru jirrisjedu fi Stat Membru ieħor abbażi tad-drittijiet li jgawdu skont il-liġi tal-UE u bil-fehma li kienu se jibqgħu jgawdu dawk id-drittijiet matul ħajjithom kollha;

C. billi, barra minn hekk, hemm 1,8 miljun ċittadin li twieldu fl-Irlanda ta' Fuq u li, bis-saħħa tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, huma intitolati għaċ-ċittadinanza Irlandiża u b'hekk għal dik tal-UE u għad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE fejn jirrisjedu;

D. billi l-UE u r-Renju Unit qablu, skont it-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dwar approċċ komprensiv u reċiproku għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-EU-27;

E. billi r-Renju Unit antiċipa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward il-ħruġ ta' dokumenti ta' residenza permezz tal-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE (EU Settlement Scheme);

F. billi għadd ta' Stati Membri tal-EU-27 għad iridu jilleġiżlaw dwar kif biħsiebhom jimplimentaw l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward il-ħruġ ta' dokumenti ta' residenza;

G. billi, fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, iċ-ċittadini tar-Renju Unit mhux se jibqgħu jgawdu d-drittijiet li kienu jgawdu qabel skont l-Artikolu 20 tat-TFUE, b'mod partikolari d-dritt għall-moviment liberu, dment li l-UE u r-Renju Unit ma jaqblux mod ieħor fi kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejniethom;

H. billi, skont l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-perjodu ta' tranżizzjoni jista' jiġi estiż biss b'deċiżjoni waħda tal-Kumitat Konġunt qabel l-1 ta' Lulju 2020;

It-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

  1. Jemmen li t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ hija ġusta u bbilanċjata;
  2. Jieħu nota li t-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tipprevedi dan li ġej:

 li ċ-ċittadini kollha tal-UE-27 li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fi Stat Membru tal-EU-27, u l-membri tal-familja rispettivi tagħhom fil-waqt tal-ħruġ, sejrin igawdu mill-ġabra sħiħa ta' drittijiet stipulati fil-Ftehim dwar il-Ħruġ kif stabbiliti fil-liġi tal-UE u interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

 li l-membri tal-qalba tal-familja taċ-ċittadini u l-persuni li huma f'relazzjoni fit-tul magħhom u li bħalissa jirrisjedu barra l-Istat ospitanti sejrin ikunu protetti bil-Ftehim ta' Ħruġ, u li dan se jkun jgħodd ukoll għat-tfal li għad jitwildulhom fil-futur u barra mill-Istat ospitanti,

 li d-drittijiet kollha tas-sigurtà soċjali skont il-liġi tal-UE se jinżammu, inkluża l-esportazzjoni tal-benefiċċji kollha li jistgħu jiġu esportati,

 li l-kontinwazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini sejra tkun garantita tul il-ħajja kollha taċ-ċittadini,

 li l-proċeduri amministrattivi li jimplimentaw it-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkunu trasparenti, bla intoppi u ssimplifikati, u li l-formoli se jkunu qosra, sempliċi u ta' użu faċli,

 li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward id-drittijiet taċ-ċittadini se jiġu inkorporati fil-liġi tar-Renju Unit u li dawk id-drittijiet se jkollhom effett dirett;

Id-drittijiet taċ-ċittadini matul il-perjodu ta' tranżizzjoni

  1. Jieħu nota li, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni li mistenni jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020, se jkun kompitu tal-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 131 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li tissorvelja l-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inklużi l-iskemi ta' applikazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 19 tiegħu, sew fir-Renju Unit u sew fl-Istati Membri tal-UE-27;
  2. Jieħu nota li, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, iċ-ċittadini tal-UE-27 se jibqgħu jgawdu mid-drittijiet ta' moviment liberu, kif derivati mill-Artikolu 20 tat-TFUE u mil-liġi tal-UE rilevanti, fil-konfront tar-Renju Unit, kif se jagħmlu wkoll iċ-ċittadini tar-Renju Unit fil-konfront tal-UE-27;
  3. Ifakkar li, matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, il-Kummissjoni se tkun responsabbli biex tiżgura li d-drittijiet ta' moviment liberu jiġu rrispettati sew fir-Renju Unit u sew fl-UE-27, u jitlob li l-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi biex tinvestiga u tirrimedja kwalunkwe każ ta' nuqqas ta' rispett ta' dawk id-drittijiet, b'mod partikolari każijiet ta' diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-UE-27 jew kontra ċittadini tar-Renju Unit;
  4. Jirrileva li l-perjodu ta' tranżizzjoni huwa iqsar milli kien antiċipat; jitlob li l-UE u r-Renju Unit, għaldaqstant, jagħmlu l-aspetti tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ relatati maċ-ċittadini u mad-drittijiet tagħhom operazzjonali, bħala kwistjoni ta' prijorità;

L-implimentazzjoni tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

  1. Jenfasizza li d-deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ sejra tqis l-esperjenza miksuba u l-assigurazzjonijiet mogħtija fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-Iskema tar-Renju Unit għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE;
  2. Jieħu nota tal-proporzjoni kbira ta' applikanti għall-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE li ngħataw biss status proviżorju (pre-settled status); ifakkar li dan jista' jiġi evitat jekk ir-Renju Unit jagħżel proċedura amministrattiva li tkun ta' natura dikjarattiva, kif jippermetti l-Artikolu 18(4) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; iħeġġeġ lir-Renju Unit, għaldaqstant, biex jirrevedi l-approċċ tiegħu, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE-27 biex huma wkoll jagħżlu proċedura dikjarattiva kif previst fl-Artikolu 18(4);
  3. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu rigward avviżi reċenti u konfliġġenti fir-rigward ta' ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit li jonqsu milli jirrispettaw l-iskadenza tat-30 ta' Ġunju 2021 biex iressqu applikazzjoni għall-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE; jieħu nota li dawk l-avviżi taw lok għal inċertezza u ansjetà xejn pożittivi għaċ-ċittadini kkonċernati; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Renju Unit biex ikun ċar dwar kif sejjer japplika l-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari dwar xi jqis li huma "motivazzjonijiet raġonevoli li wasslu għan-nuqqas ta' rispett tal-iskadenza";
  4. Jirrimarka li ċ-ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit ikollhom aktar ċertezza u sens ta' sigurtà jekk jinħarġilhom dokument fiżiku bħala prova tad-dritt tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; itenni li n-nuqqas ta' tali prova fiżika se jkompli jkabbar ir-riskju ta' diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-UE-27 minn impjegaturi jew sidien il-kera prospettivi li jistgħu jkunu jridu jevitaw il-piż amministrattiv żejjed ta' verifika online, jew inkella jibżgħu, b'mod żbaljat, li jistgħu jġibu lilhom infushom f'sitwazzjoni illegali;
  5. Jibqa' mħasseb dwar l-għadd limitat ta' servizzi ta' skennjar tal-identifikazzjoni fl-Iskema għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE, dwar il-firxa ġeografika limitata tal-assistenza pprovduta fir-Renju Unit kollu, u dwar il-livell ta' assistenza li għandha tingħata lil ċittadini aktar anzjani u vulnerabbli, inklużi dawk li jista' jkollhom diffikultà fl-użu ta' applikazzjonijiet diġitali;
  6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istruttura proposta tal-awtorità indipendenti tar-Renju Unit prevista fl-Artikolu 159 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ; jistenna li r-Renju Unit jiżgura li l-awtorità tassew tkun indipendenti; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-awtorità għandha tkun operazzjonali sa mill-għada ta' tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni;
  7. Jistenna ċarezza min-naħa tal-Gvern tar-Renju Unit dwar l-applikabbiltà tal-Iskema tar-Renju Unit għall-ksib tal-istatus ta' stabbilit għaċ-ċittadini tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE-27 fl-Irlanda ta' Fuq li ma applikawx għaċ-ċittadinanza tar-Renju Unit skont it-termini tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;
  8. Itenni l-impenn tiegħu li jissorvelja mill-qrib kif l-Istati Membri tal-UE-27 se jimplimentaw it-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (4), dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fit-territorju tagħhom;
  9. Iħeġġeġ lill-UE-27 biex jadottaw miżuri li jipprovdu ċertezza legali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE-27; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-Istati Membri tal-UE-27 għandhom iħaddmu approċċ konsistenti u ġeneruż huma u jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu residenti f'dawk l-Istati Membri;
  10. Jitlob li r-Renju Unit u l-Istati Membri tal-UE-27 iqawwu l-isforzi tagħhom biex iqajmu kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u jibdew jew jintensifikaw kampanji ta' informazzjoni mmirati biex jinfurmaw liċ-ċittadini kollha koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ rigward id-drittijiet tagħhom u kwalunkwe bidla possibbli fl-istatus tagħhom;

Id-drittijiet taċ-ċittadini fir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit

  1. Jilqa' l-impenn fid-dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit li dawn għandhom ikunu relazzjonijiet li jaħdmu "fl-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-Renju Unit, issa u fil-futur";
  2. Jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li r-Renju Unit ħabbar li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit mhux se jibqa' japplika; iqis li kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-moviment tal-persuni; itenni li dawk id-drittijiet għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' kooperazzjoni futura f'oqsma oħra; ifakkar li d-drittijiet ta' moviment liberu huma wkoll marbuta direttament mat-tliet libertajiet integrali l-oħra tas-suq intern, u għandhom rilevanza partikolari għas-servizzi u għall-kwalifiki professjonali;
  3. Iħeġġeġ li d-drittijiet futuri ta' moviment liberu madwar l-UE għaċ-ċittadini tar-Renju Unit koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġu ggarantiti, kif ukoll dritt tul il-ħajja għaċ-ċittadini koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ li jerġgħu lura lejn ir-Renju Unit jew lejn l-UE; jitlob li l-Istati Membri tal-UE-27 jiżguraw li d-drittijiet tal-vot fl-elezzjonijiet lokali tal-pajjiż ta' residenza jingħataw liċ-ċittadini kollha koperti mill-Ftehim dwar il-Ħruġ;
  4. Ifakkar li ħafna ċittadini tar-Renju Unit, sew residenti fir-Renju Unit u sew residenti fl-UE-27, esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-Istati Membri tal-UE-27 jeżaminaw kif jistgħu jtaffu dan it-telfien fil-limiti tal-liġi primarja tal-UE, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;

 

°

° °

  1. Ifakkar li l-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 164 għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;
  2. Jemmen li l-iskrutinju konġunt bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tar-Renju Unit dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ikun ta' siwi, u eventwalment jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment possibbli ta' strutturi konġunti għal dak il-għan;

 

°

° °

 

  1. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Renju Unit.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza