Proċedura : 2019/2990(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0037/2020

Testi mressqa :

B9-0037/2020

Dibattiti :

PV 15/01/2020 - 6
CRE 15/01/2020 - 6

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2020 - 10.10
CRE 15/01/2020 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


<Date>{10/01/2020}10.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9‑0037/2020</NoDocSe>
PDF 168kWORD 47k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa</Titre>

<DocRef>(2019/2990(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Gunnar Beck, Marco Zanni, Nicolas Bay, Gerolf Annemans, Peter Kofod, Gilles Lebreton</Depute>

<Commission>{ID}f'isem il-Grupp ID</Commission>

</RepeatBlock-By>


B9‑0037/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

(2019/2990(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 5, 10, 12, 48 u 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

 wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024, ippreżentati fl-10 ta' Settembru 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ewropa hija ċiviltà unika b'għeruq Greco-Rumani, b'kultura Nisranija, u b'rabta mal-valuri tal-libertà u tar-responsabbiltà; billi din iċ-ċiviltà hija l-benniena tad-demokrazija;

B. billi ma jeżisti l-ebda poplu jew demos Ewropew, iżda pjuttost nazzjonijiet Ewropej marbuta mal-kulturi u l-identitajiet speċifiċi tagħhom u mal-isfidi komuni kondiviżi li għandhom jiġu ffaċċjati;

C. billi s-sovranità nazzjonali tappartjeni lill-poplu li jeżerċitaha permezz tar-rappreżentanti tiegħu; billi konsegwentement dawn ir-rappreżentanti ma għandhom l-ebda dritt li jċedu jew li jiddelegaw tali drittijiet sovrani mingħajr kontroll effettiv;

D. billi l-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita bħala komunità ta' stati sovrani b'interessi komuni u għall-kisba ta' objettivi kummerċjali komuni;

E. billi sa mill-adozzjoni tal-Att Uniku Ewropew, dan l-objettiv realistiku u limitat ġie sovvertit mill-idea bbażata fuq il-valuri ta' Ewropa Federali, viżjoni li mhijiex kondiviża mill-Istati Membri kollha u li ffurmat il-bażi għall-erożjoni kontinwa tal-identitajiet u kulturi nazzjonali u tal-awtogovernanza demokratika fl-Istati Membri;

F. billi għal bosta snin iċ-ċittadini tal-Istati Membri ilhom jitolbu li jkollhom Unjoni Ewropea li tippromwovi l-prosperità u l-interessi kondiviżi tagħhom mingħajr ma jiġu mhedda l-identitajiet nazzjonali tagħhom jew mingħajr tnaqqis tad-drittijiet sovrani nazzjonali tagħhom;

G. billi fir-realtà, l-UE injorat it-tħassib pubbliku dejjem jikber dwar "unjoni dejjem eqreb" u bagħqet għaddejja bi proġetti integrazzjonisti li injoraw it-tħassib taċ-ċittadini tal-UE u l-interessi komuni tagħhom ta' prosperità ekonomika, sigurtà interna u awtodeterminazzjoni demokratika;

H. billi t-Trattati kurrenti jinkorporaw bosta elementi tal-abbozz tat-trattat kostituzzjonali tal-UE fallut, li ntlaqa' b'oppożizzjoni popolari mifruxa u li ġie miċħud minn referenda fi Franza u n-Netherlands;

I. billi qiegħed dejjem jikber ix-xettiċiżmu u saħansitra n-nuqqas ta' fiduċja lejn l-Unjoni Ewropea fis-sura kurrenti tagħha, kif ukoll dwar il-funzjonament istituzzjonali tagħha u ta' bosta mill-orjentazzjonijiet politiċi tagħha, u billi r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet Ewropej ttraduċew din l-oppożizzjoni lejn "unjoni dejjem eqreb" f'realtà politika f'bosta pajjiżi u b'mod partikolari f'bosta pajjiżi fundaturi;

J. billi l-Unjoni Ewropea wettqet bosta żbalji gravi, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment taż-żona tal-euro u l-eżerċizzju ta' politika tal-immigrazzjoni miftuħa, li nawwret il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-kooperazzjoni Ewropea;

K. billi t-tfittxija tal-objettiv federali akkost ta' kollox ikkontribwiet b'mod deċiżiv għall-ħruġ tar-Renju Unit;

L. billi l-UE tgħid li ġiet stabbilita fuq il-prinċipju tad-demokrazija, iżda fil-prattika hija tirreżisti l-affirmazzjoni demokratika diretta u indiretta permezz tar-referenda u r-responsabbiltà parlamentari nazzjonali effettiva;

M. billi l-membri tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, bil-varar tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, qed jirrikonoxxu b'mod impliċitu li l-UE mhijiex sodisfaċenti fil-forma kurrenti tagħha;

Il-Konferenza

1. Jieħu nota tal-organizzazzjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u tax-xewqa mifruxa sew għal dibattitu profond dwar l-ambitu u l-funzjonament tal-kooperazzjoni bejn l-istati tal-kontinent Ewropew;

2. Jinsisti li l-konklużjonijiet politiċi ta' din il-konferenza għandhom ikunu miftuħa u għandhom jinkludu l-kunsiderazzjoni tal-possibilitajiet kollha, inkluż ir-rimpatriju tas-setgħat miċ-ċentru lejn l-Istati Membri kif ukoll proposti li jiddubitaw id-dogma ta' "unjoni dejjem eqreb"; iqis, f'dan il-kuntest, li l-iffukar fuq kooperazzjoni internazzjonali ta' benefiċċju reċiproku aktar milli fuq federazzjoni Ewropea, kif ukoll fuq ir-rispett ġenwin tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-kooperazzjoni intergovernattiva u r-ritorn lejn sistema ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'unanimitá jew fuq bażi ta' kunsens fil-Kunsill, huma mogħdijiet ta' riflessjoni li għandhom jingħataw kunsiderazzjoni;

3. Jenfasizza li l-Konferenza tagħmel sens biss jekk il-forzi politiċi kollha jiġu rappreżentati fil-livelli kollha; jesprimi tħassib għall-isforzi eklatanti u ripetuti lqed isiru fi ħdan il-Parlament Ewropew biex jiġu esklużi dawk il-forzi u l-gruppi parlamentari li jiffavorixxu mogħdija Ewropea alternattiva u anqas integrazzjonista;

Qafas ġenerali tal-Konferenza

4. Jieħu nota tal-ħidma tal-grupp ta' ħidma tiegħu dwar l-aspetti prattiċi tal-organizzazzjoni tal-Konferenza; jiddispjaċih li, għalkemm il-gruppi politiċi kollha ġew mistiedna għal-laqgħat tiegħu, mhux kollha setgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-konklużjonijiet tiegħu;

5. Jieħu nota tax-xewqa ddikjarata għal Konferenza trasparenti f'termini tal-organizzazzjoni, id-diskussjonijiet, il-pubblikazzjonijiet u l-konklużjonijiet tagħha; jenfasizza li r-rispett tal-multilingwiżmu huwa l-istrument preferut biex jintlaħaq dan l-objettiv billi l-iskambji u d-dokumenti kollha jsiru disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE;

6. Jilqa' l-ambizzjoni li tinkiseb parteċipazzjoni wiesgħa miċ-ċittadini tal-Istati Membri matul il-Konferenza; ifakkar, madankollu, fl-importanza li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ma tiġix konfuża mal-parteċipazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, tal-NGOs li xi drabi jsegwu l-objettivi partikolari tagħhom u mhux dejjem jirrappreżentaw ir-rieda popolari jew l-interess ġenerali;

7. Jenfasizza li l-kwistjoni reali li tinsab fil-qalba ta' din il-Konferenza hija l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-UE; iqis li, filwaqt li huwa possibbli li jsir dibattitu dwar kwistjonijiet tematiċi, il-konklużjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala vinkolanti la fuq l-Istati Membri u lanqas fuq l-UE, li kollha għandhom il-proċeduri istituzzjonali tagħhom biex jittrattaw dawn is-suġġetti; jindika li l-elezzjonijiet (inklużi l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew) huma l-mogħdija adegwata għat-traduzzjoni tas-sovranità popolari u tad-deċiżjonijiet politiċi f'azzjoni tanġibbli;

Organizzazzjoni, kompożizzjoni u skeda taż-żmien

8. Jesprimi t-tama tiegħu li l-parteċipanti jikkunsidraw id-deliberazzjonijiet tal-Konferenza b'mod serju u rigoruż, u jqis li perjodu ta' sentejn se jwassal għal diskussjonijiet ta' kwalità għolja sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din ir-riżoluzzjoni jiġu rispettati;

9. Huwa tal-opinjoni li l-istruttura tal-Konferenza għandha tkun sempliċi kemm jista' jkun u li l-forzi politiċi kollha għandhom ikunu rappreżentati fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

10. Jissuġġerixxi li l-Konferenza għandha tkun preseduta minn tliet figuri pubbliċi li jkollhom l-għerf, l-esperjenza u n-newtralità meħtieġa biex iwettqu u jorganizzaw id-dibattiti mingħajr ma jantiċipaw il-konklużjonijiet; jesprimi l-fehma li s-sorveljanza operattiva u r-reviżjoni tal-proċedimenti għandhom jitwettqu minn bureau kompost mir-rappreżentanti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-gruppi politiċi li jiffurmaw il-Parlament Ewropew;

11. Iqis li l-assemblea parlamentari tista' tkun komposta minn terz ta' rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u minn żewġ terzi ta' Membri tal-Assemblei Nazzjonali, b'rispett dovut għall-pluraliżmu politiku; jirrikonoxxi, madankollu, li anke din il-kompożizzjoni tqajjem problemi ta' leġittimità politika;

12. Jopponi l-istabbiliment ta' agoras taċ-ċittadini, li taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi taċ-ċittadini tal-Istati Membri; jindika li din l-idea toħloq problemi serji f'termini ta' għażla taċ-ċittadini, l-organizzazzjoni ta' agoras simili f'diversi Stati Membri tal-UE, l-ispejjeż assoċjati mal-kontribuzzjonijiet magħmula miċ-ċittadini u l-pagament ta' dawk iċ-ċittadini, u l-parteċipazzjoni reali u kontinwa ta' dawk iċ-ċittadini matul il-proċess;

13. Jipproponi li jekk tiġi rispettata l-parteċipazzjoni effettiva u diretta taċ-ċittadini bħala prinċipju organizzattiv, il-kandidati għandhom jintgħażlu bil-polza, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li huma jirrappreżentaw id-demografija tal-Istati Membri u li tiġi rispettata d-diversità ġenerazzjonali, ġeografika, soċjoloġika u soċjoprofessjonali;

14. Iqis li d-demokrazija diretta hija l-aktar mod effettiv, ġust u indiskutibbli ta' kif jiġu involuti ċ-ċittadini tal-Istati Membri, b'mod partikolari bl-użu ta' referenda;

15. Jikkundanna l-organizzazzjoni ta' agoras iddedikati b'mod speċifiku għall-involviment taż-żgħażagħ, idea li tmur direttament kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini irrispettivament mill-età tagħhom darba li huma jkunu laħqu l-età adulta, li tippermettielhom jeżerċitaw id-drittijiet u d-doveri tagħhom bħala ċittadini; iqis, barra minn hekk, li din it-tip ta' inizjattiva aktarx li tħarrax il-kunflitti interġenerazzjonali, peress li l-għajnuna reċiproka bejn il-ġenerazzjonijiet hija element fundatur importanti tas-soċjetajiet tagħna;

Konklużjoni tal-ħidma tal-Konferenza

16. Jappella lill-Konferenza tipproduċi dokument motivat uniku fi tmiem il-ħidma tagħha li jkun jindika jekk hemmx bżonn jew le li jiġi immodifikat il-funzjonament istituzzjonali tal-UE;

17. Jinsisti, li jekk il-Konferenza trid tabilħaqq tappella għal tibdiliet għat-Trattati, li l-Istati Membri jissottomettu tali emendi għal referendum, jekk il-kostituzzjonijiet tagħhom jippermettu dan;

 

°

° °

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza