Proċedura : 2019/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0043/2020

Testi mressqa :

B9-0043/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2020 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0005

<Date>{10/01/2020}10.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0043/2020</NoDocSe>
PDF 228kWORD 66k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew</Titre>

<DocRef>(2019/2956(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Fredrick Federley</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0040/2020

B9-0043/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

(2019/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0640),–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773) u għall-analiżi fil-fond bħala appoġġ għal dik il-komunikazzjoni,

 wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE għall-2020 u l-viżjoni tagħha għall-2050,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) għall-Protokoll ta' Kjoto u l-Ftehim ta' Pariġi,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titlu "L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020" (SOER 2020), ippubblikat fl-4 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "It-tisħin globali ta' 1,5 C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi dwaru, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qiegħda tinbidel,

 wara li kkunsidra r-Rapport 2019 tal-Programm Ambjentali tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali, ippubblikat fis-26 ta' Novembru 2019,

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), tal-31 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra l-Global Resources Outlook 2019 tal-Panel tar-Riżorsi Internazzjonali fi ħdan il-Programm Ambjentali tan-NU,

 wara li kkunsidra l-evidenza dejjem akbar dwar il-konsegwenzi drammatiċi tat-tniġġis ambjentali fuq is-saħħa tal-bniedem, bħad-data mill-EUROSTAT dwar l-imwiet relatati mal-kanċer tal-pulmun (1.3 miljun ċittadin Ewropew fis-sena),

 wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li ser issir f'Novembru 2020 (COP26) u l-fatt li l-partijiet kollha għall-UNFCCC jeħtieġu jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) bi qbil mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi,

 wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15), li ser issir f'Kunming, iċ-Ċina, f'Ottubru 2020, fejn il-Partijiet jeħtieġ jiddeċiedu fuq il-qafas globali ta' wara l-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi[1],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[2],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, Spanja (COP25)[3],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Jissottolinja l-urġenza ta' azzjoni biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent u għaldaqstant jilqa' bis-sħiħ il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew"; jikkondividi l-impenn tal-Kummissjoni li tittrasforma l-UE f'soċjetà li tagħti importanza lis-saħħa, is-sostenibbiltà, il-ġustizzja u l-prosperità, fejn l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jkunu nettament żero sal-2050, u b'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn it-tkabbir ekonomiku ma jkunx direttament relatat mal-użu tar-riżorsi u l-ġenerazzjoni tal-iskart; jappella sabiex it-tranżizzjoni meħtieġa lejn soċjetà newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050 tkun storja Ewropea ta' suċċess;

2. Jissottolinja li l-"Patt Ekoloġiku" għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija Ewropea għal tkabbir u impjiegi ġodda; iqis il-Patt Ekoloġiku bħala katalist għal tranżizzjoni soċjetali fejn in-newtralità għall-klima, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-kapital naturali tagħna, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna jkunu l-objettivi ewlenin, flimkien ma' ekonomija bi prosperità, ġustizzja u kompetittività li taħdem għal kulħadd u fir-reġjuni kollha fl-Ewropa; jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu joħloq opportunitajiet ekonomiċi u ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet;

3. Jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu jikkonċentra fuq in-nies u għandu jfittex li jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent; jemmen li l-implimentazzjoni tal-SDGs għandha tkun fil-qalba tal-proċess tat-tfassil tal-politiki tal-UE;

4. Jemmen li r-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda nodfa huma essenzjali għall-isforz għad-dekarbonizzazzjoni, għat-tnaqqis fit-telf tal-bijodiversità u għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija; jappella għal appoġġ finanzjarju fejn meħtieġ għal riċerka xjentifika bażika; jappella għal inċentivi xprunati mis-suq u appoġġ għal investimenti f'teknoloġiji innovattivi sostenibbli, li jistgħu jgħinu biex l-UE tkun mexxej dinji u tistabbilixxi standards fil-livell globali;

5. Jissottolinja li sabiex l-Unjoni tasal li l-emissjonijiet ikunu nettament żero sa mhux aktar tard mill-2050, jeħtieġ li jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati sostanzjali u dan iqisu bħala prekundizzjoni deċiżiva għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku; jemmen li l-UE trid tipprovdi ċertezza fit-tul għall-investitur u prevedibbiltà regolatorja, kif ukoll qafas finanzjarju adegwat, riżorsi u inċentivi għal tranżizzjoni ekoloġika ta' suċċess xprunata mis-suq; iqis li dan għandu jsir b'mod li jinkoraġġixxi infiq u investiment fi tranżizzjoni li tinkludi teknoloġiji ta' tranżizzjoni li jistgħu b'mod gradwali jiġu żviluppati u użati sabiex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-UE;

6. Jisħaq li l-Parlament ser juża s-setgħat leġiżlattivi kollha tiegħu biex jirrieżamina u jemenda kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni sabiex jiżgura li dawn jappoġġaw l-objettivi kollha tal-Patt Ekoloġiku, inkluż dwar il-klima, l-ambjent u s-saħħa, it-tkabbir u l-impjiegi, il-protezzjoni tas-suq uniku u l-iżvilupp ibbilanċjat fl-Istati Membri kollha;

Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

7. Jilqa' l-proposta mħabbra għal Liġi Ewropea dwar il-Klima, li ser titressaq sa Marzu 2020; jemmen li impenn vinkolanti tal-UE fejn l-emissjonijiet jkunu nettament żero sa mhux aktar tard mill-2050 ser ikun għodda b'saħħitha biex jiġu mmobilizzati l-forzi politiċi, ekonomiċi u teknoloġiċi meħtieġa għat-tranżizzjoni; jemmen li l-Liġi dwar il-Klima jeħtiġilha tinkludi wkoll komponenti ta' adattament speċifiċi, jiġifieri billi tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jadottaw pjanijiet ta' azzjoni ta' adattament;

8. Jemmen li sabiex tkun effettiva, il-Liġi dwar il-Klima jeħtiġilha tkun parti leġiżlattiva indipendenti u tinkludi miri intermedji tal-UE għall-2030 u l-2040, kif ukoll qafas ta' governanza b'saħħtu; iqis li l-Liġi dwar il-Klima jeħtiġilha tkun newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u tirrifletti l-aħjar xjenza disponibbli, bl-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 C, u li din il-liġi għandha tinżamm aġġornata sabiex tirrifletti l-iżviluppi fil-qafas legali tal-UE u ċ-ċiklu ta' rieżami tal-Ftehim ta' Pariġi;

9. Jissottolinja bis-sħiħ li t-tranżizzjoni hija sforz komuni għall-Istati Membri kollha, u li kull Stat Membru jeħtieġlu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tan-newtralità għall-klima fl-UE sal-2050; jirrikonoxxi li t-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni għandha tkun differenzjata fost l-Istati Membri b'mod ġust u kosteffettiv, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-pajjiżi għandhom punti ta' tluq u riżorsi differenti u li wħud qegħdin jimxu b'rata aktar mgħaġġla minn oħrajn, iżda li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha ssarraf f'opportunità ekonomika u soċjali għar-reġjuni kollha tal-Ewropa;

10. Jappella sabiex il-mira tal-klima 2030 tal-UE tiżdied għal 55 % tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) domestiċi fil-livell tal-UE meta mqabbel mal-livelli tal-1990, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal dan il-għan mill-aktar fis possibbli sabiex l-UE tkun tista' tadotta din il-mira bħala l-NDC aġġornat tagħha sew qabel il-COP26; jappella, barra minn hekk, biex din il-mira tiġi integrata fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima;

11. Jemmen li l-UE għandu jkollha rwol attiv u għandha turi tmexxija b'saħħitha fit-tħejjijiet għall-COP26, fejn il-partijiet għandhom iżidu l-impenji kollettivi dwar il-klima sabiex dawn jirriflettu l-ogħla livell ta' ambizzjoni possibbli; b'kont meħud ta' dan, jemmen li l-UE għandha tadotta NDC imsaħħaħ mill-aktar fis possibbli fl-2020 sabiex tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE jagħmlu l-istess, b'mod partikolari l-emittenti l-kbar; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jkun hemm qbil dwar NDC imsaħħaħ qabel is-Summit UE-Ċina ppjanat għal Settembru, kif ukoll is-Summit UE-Afrika;

12. Jenfasizza li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu billi jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom; jaċċentwa l-ħtieġa li jiġu riveduti l-miżuri leġiżlattivi rilevanti kollha tal-UE fil-qasam tal-klima u tal-enerġija sa Ġunju 2021, inklużi l-istandards ta' rendiment tal-emissjonijiet ta' CO2 għal karozzi, vannijiet u trakkijiet, sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ogħla dwar il-klima; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; jappella lill-Kummissjoni tqis ukoll il-potenzjal addizzjonali ta' leġiżlazzjoni eżistenti oħra tal-UE biex tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u l-miżuri relatati mal-ekonomija ċirkolari;

13. Jissottolinja li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità għall-klima jeħtieġ li tkun sostenibbli, speċjalment meta jiġu analizzati ċ-ċikli tal-karbonju f'bjar ta' karbonju differenti, filwaqt li jitħalla spazju adegwat għall-iżvilupp f'setturi interkonnessi mal-bjar sabiex ikunu jistgħu joffru aktar f'termini ta' benefiċċju għall-klima, u matul iż-żmien jinżammu jew jissaħħu l-bjar;

14. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-proposti leġiżlattivi futuri għall-implimentazzjoni tal-livell ogħla ta' ambizzjoni għall-klima jiġu bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi li jidentifikaw l-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali ta' għażliet differenti, inklużi l-impatti klimatiċi u ambjentali totali, il-ħtieġa li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-effetti fuq il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE, inklużi l-SMEs, l-effetti fuq l-impjiegi, u l-effetti fuq iċ-ċertezza tal-investiment fit-tul, filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki mal-miri tat-tnaqqis tal-gassijiet serra;

15. Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem fuq mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f'każ li jibqgħu jippersistu differenzi fil-livelli ta' ambizzjoni għall-klima madwar id-dinja; iqis l-iżvilupp ta' mekkaniżmu bħal dan bħala parti minn strateġija aktar vasta għal ekonomija kompetittiva tal-UE li tkun dekarbonizzata; jemmen li mekkaniżmu futur ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għandu jirrispetta l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jikkonforma mar-regoli tad-WTO; jemmen, barra minn hekk, li dan il-mekkaniżmu għandu jibqa' joffri inċentivi ekonomiċi għal tranżizzjoni ekoloġika b'suċċess, kif ukoll għal dawk avvanzati fir-rigward tal-klima, u jappoġġa suq għal prodotti b'livell baxx ta' karbonju fl-UE filwaqt li għandu jiżgura prezz effikaċi fuq il-karbonju fl-UE waqt li jippromwovi l-ipprezzar tal-karbonju f'partijiet oħra tad-dinja; jissottolinja li mekkaniżmu bħal dan għandu jiġi allinjat bis-sħiħ mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS); jemmen li dan għandu jqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur, u li jkun jista' jiġi introdott b'mod gradwali f'setturi magħżula, filwaqt li jiġu evitati kwalunkwe spejjeż amministrattivi żejda, speċjalment għall-SMEs Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-forom differenti kollha li l-aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri jista' jieħu u twettaq valutazzjoni sħiħa tal-impatt tal-għażliet kollha flimkien mar-rieżami leġiżlattiv ippjanat tal-ETS sa Ġunju 2021, qabel ma titressaq kwalunkwe proposta; itenni l-appell tiegħu sabiex id-dħul mill-mekkaniżmu jiġi allokat fil-baġit tal-UE bħala riżorsi proprji u jiġi allokat għal miżuri għall-klima, filwaqt li partijiet mid-dħul jistgħu jingħataw ukoll lura lill-Istati Membri;

16. Jilqa' l-proposta ppjanata għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u jaqbel li d-Direttiva għandha tapplika għall-prinċipju ta' min iniġġes iħallas permezz ta' livelli minimi ta' pprezzar tal-karbonju, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ u ma tinterferix mal-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tat-taxxa;

17. Jilqa' strateġija tal-UE ġdida u aktar ambizzjuża dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; jaċċentwa l-ħtieġa li jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati għall-adattament, u jappella għal koerenza reali tal-politiki fl-infiq tal-UE sabiex l-adattament u r-reżiljenza għall-klima jkunu kriterji ewlenin għall-finanzjament tal-UE, bl-użu tal-potenzjal sħiħ tal-fondi tal-UE sabiex tinbena u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet u tal-infrastruttura; fl-istess waqt jemmen li l-prevenzjoni tad-diżastri, it-tħejjija u r-rispons għalihom għandhom jifformaw strument ta' solidarjetà b'saħħtu li jkollu riżorsi suffiċjenti; jappella għal allokazzjoni konsistenti u suffiċjenti ta' fondi fil-baġit tal-UE u għal riżorsi akkomunati għall-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili, fid-dawl tal-isfidi dejjem akbar li qegħdin jiġu ffaċċjati;

18. Jaċċentwa r-rwol taċ-ċittadini Ewropej, il-komunitajiet lokali, in-negozji – inklużi l-SMEs – u l-industrija fl-indirizzar tal-isfidi għall-klima u għall-ambjent u l-iżvilupp ta' xejriet ta' konsum, mudelli kummerċjali u metodi ta' produzzjoni li jkunu aktar sostenibbli; f'dan il-kuntest, jappoġġa lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta' Patt Ewropew dwar il-Klima u jemmen li dan jista' jkun għodda utli biex il-komunitajiet reġjonali u lokali jingħataw is-setgħa jistabbilixxu politiki ta' tranżizzjoni permezz tal-ħolqien ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u fit-tixrid tal-aħjar prattiki madwar l-UE; jilqa' l-kampanji volontarji ta' impenn, iżda jisħaq li dawn għandhom jiġu dejjem implimentati permezz ta' azzjoni reali;

Il-provvista ta' enerġija nadifa, sigura u bi prezz raġonevoli

19. Jaċċentwa r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija fejn l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jkunu nettament żero; iqis li l-implimentazzjoni konsistenti u sħiħa tal-pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha", li reċentement ġie adottat, hija l-ewwel pass essenzjali biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija; jisħaq, fl-istess waqt, li l-Unjoni għandha tistabbilixxi b'mod urġenti miri ogħla għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel"; jissottolinja li fil-ħidma lejn dawn l-għanijiet għall-klima ddikjarati, huwa kruċjali li jiġi żgurat suq tal-enerġija fl-Ewropa li jiffunzjona bla xkiel u li jkun kompletament integrat; f'dan il-kuntest, jaċċentwa li hija meħtieġa Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija biex tissaħħaħ u tiżdied il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u biex tiżgura li s-suq tal-enerġija tal-UE jkun kompetittiv, iċċentrat fuq il-konsumatur, flessibbli u nondiskriminatorju;

20. Jappella lill-Kummissjoni tipprovdi, fejn xieraq, appoġġ tekniku u konsulenza lill-Istati Membri fid-dawl tar-reviżjoni tagħhom tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-impenji tal-UE kif stipulat fil-Ftehim ta' Pariġi; jinsisti fuq it-tneħħija rapida f'fażijiet tas-sussidji fuq il-faħam u l-fjuwils fossili fl-UE u jilqa' f'dan il-kuntest ir-reviżjoni li ġejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat dwar l-enerġija;

21. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-tnaqqis fl-espansjoni tas-sehem, li jinsab fl-UE, mis-suq globali tal-enerġija rinnovabbli; jilqa', għaldaqstant, it-tħabbira dwar l-istrateġija tar-riħ fuq il-baħar, li għandha tistabbilixxi pjan direzzjonali għal aktar kooperazzjoni fost l-Istati Membri, u tistipula li l-leġiżlazzjoni rilevanti ser tiġi riveduta; iqis li l-politiki tal-UE għandhom itejbu b'mod speċifiku l-innovazzjoni u l-bidu ta' ħżin tal-enerġija sostenibbli u l-idroġenu nadif, filwaqt li jindirizzaw it-tnixxija tal-metan, u li għandhom ikunu miftuħa għal kwalunkwe teknoloġija li tista' tikkontribwixxi, b'mod vijabbli, għall-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

22. Jilqa' t-tħabbira li l-Kummissjoni ser tipproponi miżuri dwar l-integrazzjoni intelliġenti sa nofs l-2020 u jissottolinja li aktar integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE ser taqdi rwol importanti fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u fil-kisba ta' ekonomija fejn il-gassijiet serra jkunu nettament żero;

23. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sensiela mħabbra ta' rinnovazzjonijiet ta' bini pubbliku u privat, bħal skejjel u sptarijiet, u jissottolinja li s-settur tal-bini għandu potenzjal kbir fl-iffrankar tal-enerġija u potenzjal għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post, li jistgħu jagħtu spinta lill-impjiegi u jgħinu lill-SMEs jespandu; iqis li qafas leġiżlattiv intelliġenti u progressiv huwa essenzjali biex jinħoloq kuntest stabbli u prevedibbli għan-negozji fis-settur u jilqa', għaldaqstant, ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini; jappella għal infurzar rigoruż tal-obbligi tal-Istati Membri li jirrinnovaw il-bini pubbliku skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika;

24. Jieħu nota tal-pjanijiet tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-estensjoni tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet Ewropej għall-emissjonijiet minn bini u trasport bit-triq; iqis li l-inklużjoni diretta tagħhom fl-iskema EU ETS mhijiex għażla fattibbli; iqis li l-miżura proposta teħtieġ analiżi ulterjuri u valutazzjoni tal-impatt; jissottolinja bis-sħiħ li sistema ta' pprezzar bħal din għandha, fi kwalunkwe każ, ma tieħux post jew iddgħajjef miżuri jew standards eżistenti jew futuri bħall-istandards tas-CO2 għal karozzi, trakkijiet u djar jew bħar-Regolament dwar l-Azzjoni Klimatika, iżda, jekk tiġi implimentata, għandha tikkomplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jissaħħu l-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE permezz ta’ miżuri xprunati mis-suq u li jkunu miftuħa għat-teknoloġija sabiex joffru inċentiv għall-innovazzjoni;

Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

25. Huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni għal bażi industrijali newtrali mill-karbonju, effiċjenti ħafna fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fl-UE sal-2050, hija sfida u opportunità ewlenija, u jilqa' l-aħbar li l-Kummissjoni se tressaq strateġija industrijali ġdida, kif ukoll strateġija għall-SMEs, f'Marzu 2020; jenfasizza li l-kompetittività industrijali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u li l-kisba ta' industrija innovattiva u newtrali għall-klima se tiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (Industrial Emissions Directive – IED);

26. Jenfasizza li l-istrateġiji industrijali u tal-SMEs iridu jistabbilixxu pjanijiet direzzjonali ċari biex jipprovdu sett komprensiv ta' inċentivi għall-innovazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji fixkiela, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli regolatorji kollha; jemmen li l-istrateġija għandha tindirizza b'mod partikolari l-isfidi tas-setturi intensivi fl-enerġija, tkun immexxija mis-suq u miftuħa għal diversi soluzzjonijiet teknoloġiċi, filwaqt li tqis il-limitazzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-SMEs; iqis li l-appoġġ tal-UE għall-prekursuri tal-klima u tar-riżorsi għandu jkun teknoloġikament newtrali u bbażat fuq l-aħħar sejbiet u mudelli xjentifiċi għall-kisba tan-newtralità mill-karbonju sal-2050; jissottolinja li se jkunu meħtieġa l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) għall-industrija peżanti biex din issir newtrali għall-klima;

27. Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Azzjoni ġdid u ambizzjuż għal Ekonomija Ċirkolari, li għandu jkollu l-għan li jnaqqas l-impronta ambjentali u tar-riżorsi totali tal-produzzjoni u l-konsum tal-UE, filwaqt li jipprovdi inċentivi qawwija għall-innovazzjoni, in-negozji u s-swieq sostenibbli għal prodotti ċirkolari u newtrali għall-klima, b'użu effiċjenti tar-riżorsi, bi tniġġis żero u prevenzjoni tal-iskart bħala prijoritajiet ewlenin; jenfasizza s-sinerġiji b'saħħithom bejn l-azzjoni klimatika u l-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari fl-industriji intensivi fl-enerġija u l-karbonju;

28. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miri għall-ġbir separat, it-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, kif ukoll azzjonijiet speċifiċi oħra bħar-responsabbiltà estiża tal-produttur, f'setturi ta' prijorità bħall-iskart kummerċjali, it-tessuti, il-plastik, l-elettronika, il-kostruzzjoni u l-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri li jappoġġaw is-suq għal materjali riċiklati fl-Ewropa, inklużi inter alia standards ta' kwalità komuni, kif ukoll miri obbligatorji għall-użu ta' materjali rkuprati f'setturi ta' prijorità fejn dan ikun fattibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi bl-eliminazzjoni gradwali ta' sustanzi tossiċi li jistgħu jwasslu għal esponiment għall-bnedmin u għall-ambjent, b'mod partikolari fejn jeżistu alternattivi aktar sikuri, u billi jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu żviluppati prodotti aktar nodfa; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri li jindirizzaw prodotti importati li jkun fihom sustanzi jew komponenti pprojbiti fl-UE, u li dawn m'għandhomx jiġu introdotti mill-ġdid fis-suq tal-UE fi prodotti għall-konsumatur permezz ta' attivitajiet ta' riċiklaġġ;

29. Jappoġġa miżuri ta' politika għal prodotti sostenibbli, inkluża espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ekodisinn b'leġiżlazzjoni li tagħmel il-prodotti aktar durabbli, li jistgħu jissewwew, jintużaw mill-ġdid u jiġu rriċiklati, u programm ta' ħidma b'saħħtu fl-ekodisinn mill-2020 'il quddiem, li jkun jinkludi wkoll smartphones u tagħmir ġdid ieħor tal-IT; jitlob li jkun hemm proposti leġiżlattivi biex tiġi eskluża l-obsolexxenza ppjanata; japprova l-pjanijiet tal-Kummissjoni għal proposti leġiżlattivi biex tiġi żgurata katina tal-valur tal-batteriji sikura, ċirkolari u sostenibbli għall-batteriji kollha, u jistenna li din il-proposta tinkludi, tal-anqas, miżuri dwar l-ekodisinn, miri għall-użu mill-ġdid u riċiklaġġ, kif ukoll proviżjoni sostenibbli u soċjalment responsabbli;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli żżid il-miżuri tal-UE kontra t-tniġġis tal-plastik, b'mod partikolari fl-ambjent tal-baħar, u jitlob għal restrizzjonijiet usa' fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss fejn jeżistu alternattivi aktar sostenibbli; jappoġġa l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni biex jiġi indirizzat l-imballaġġ żejjed u biex jiġi żgurat li l-imballaġġ kollu fl-UE li ma jistax jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat b'mod ekonomikament vijabbli, ma jkunx permess fis-suq tal-UE wara l-2030, filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel; jitlob għal miżuri li jippromwovu l-koordinazzjoni transfruntiera tas-sistemi ta' kapparra u ritorn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-mikroplastiċi b'mod komprensiv, inkluż bl-implimentazzjoni tal-eliminazzjoni gradwali ppjanata tal-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment u permezz ta' miżuri ġodda kontra r-rilaxx mhux intenzjonat tal-plastik, pereżempju mit-tessuti, mit-tajers u mill-pelits tal-plastik;

31. Jappella għal suq uniku tal-UE ekoloġiku biex tingħata spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli b'dispożizzjonijiet speċifiċi bħall-espansjoni tal-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, il-ħolqien ta' "Strument ta' Skrinjar tal-Akkwist Sostenibbli" immirat lejn proġetti ta' infrastruttura pubblika kbar li jifilħu għat-tibdil fil-klima, li jibni fuq mekkaniżmu ta' valutazzjoni ex ante volontarju li diġà jeżisti għal proġetti infrastrutturali kbar; jappella wkoll għall-ħolqien ta' skema ta' garanzija finanzjarja fost strumenti rilevanti tal-UE biex tgħin lix-xerrejja pubbliċi jiġġestixxu r-riskji finanzjarji fl-akkwist ta' prodotti u servizzi sostenibbli innovattivi ħafna;

32. Jemmen li huwa importanti li l-konsumaturi jkunu emanċipati u infurmati tajjeb biex il-Patt Ekoloġiku jkollu suċċess, u jitlob għal miżuri li jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni trasparenti, komparabbli u armonizzata dwar il-prodotti, inkluż it-tikkettar ta' prodotti, abbażi ta' data tajba u evidenza xjentifika, biex jgħinuhom jagħmlu għażliet aktar sani u sostenibbli, u biex ikunu infurmati dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti u dwar l-impronta ambjentali tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li l-konsumaturi jkunu mgħammra b'rimedji effettivi, li jinftiehmu faċilment u infurzabbli, li jqisu l-aspetti ta' sostenibbiltà u li jagħtu prijorità lill-użu mill-ġdid jew it-tiswija minflok ir-rimi ta' prodotti li ma jaħdmux tajjeb;

33. Jemmen li l-materjali rinnovabbli se jkollhom rwol importanti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati l-investimenti fl-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli fejn il-materjali intensivi fil-fjuwil fossili jiġu sostitwiti b'materjali rinnovabbli u b'bażi bijoloġika, pereżempju, fil-bini, fit-tessuti, fil-prodotti kimiċi, fl-imballaġġ, fil-bini tal-bastimenti u fil-produzzjoni tal-enerġija; jisħaq li dan għandu jsir b'mod li jkun sostenibbli u jirrispetta l-limiti ekoloġiċi; jirrikonoxxi li biex niżguraw il-manteniment sostenibbli u t-titjib maż-żmien tal-bir tal-karbonju, jeħtieġ li jkun hemm marġni ta' ġestjoni tal-bir fuq terminu qasir, li tirriżulta fi fluttwazzjonijiet fil-bir tal-karbonju; jenfasizza l-potenzjal tal-bijoekonomija biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda, anke f'partijiet rurali tal-UE, u biex tiġi stimulata l-innovazzjoni; jitlob appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni f'soluzzjonijiet bijoekonomiċi sostenibbli li jipproteġu wkoll il-bijodiversità u l-ekosistemi uniċi; isejjaħ, għaldaqstant, għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew;

34. Ifakkar fir-rwol fundamentali li għandhom it-teknoloġiji diġitali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika, b'mod partikolari biex titjieb l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi, l-immaniġġjar tal-iskart, inkluż l-ittraċċar tal-kimiki u s-sustanzi, it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-monitoraġġ ambjentali; jenfasizza l-benefiċċji klimatiċi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni sħiħa tan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni u taċ-ċentri tal-kummerċ tal-enerġija, kif ukoll tal-programmi ta' rispons tad-domanda ġestiti permezz ta' applikazzjonijiet intelliġenti;

35. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji ta' użu u finanzjament ta’ teknoloġiji diġitali innovattivi; jappella għal reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-E sabiex il-qafas leġiżlattiv jiġi allinjat mal-prijorità tal-iżvilupp u l-użu tal-grilji intelliġenti fil-livelli kollha tad-distribuzzjoni tal-elettriku (fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u lokali), biex b'hekk tiġi pprovduta provvista tal-enerġija sikura, sostenibbli u affidabbli, u biex jiġi evitat lock-in ta' investimenti intensivi fil-karbonju; jisħaq, fl-istess ħin, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodoloġija għall-monitoraġġ u għall-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali, li dejjem qed jiżdied, tat-teknoloġija diġitali, filwaqt li tiżgura li r-regolamentazzjoni rilevanti ma tinvolvix piż burokratiku bla bżonn; iqis li strateġija Ewropea għal suq uniku għad-data għandha tidentifika l-objettivi u l-ostakoli ewlenin li jfixklu l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali; jirrakkomanda li t-teknoloġiji diġitali għandhom jintużaw flimkien ma' programmi ta' taħriġ għall-utenti u għall-professjonisti;

Inħaffu l-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

36. Jilqa' l-istrateġija futura għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan għal tranżizzjoni ġusta lejn soċjetà newtrali għall-klima li żżomm kemm livell għoli ta' konnettività tat-trasport għaċ-ċittadini Ewropej u l-kompetittività tas-settur tat-trasport tal-UE, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tagħha għall-ekonomija tal-UE u għall-impjiegi;

37. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lit-trasport multimodali biex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-emissjonijiet; jemmen, madankollu, li l-multimodalità tista' tinkiseb bl-aħjar mod biss permezz ta' proposti leġiżlattivi konkreti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-indiċi tal-konnettività tal-ajru attwali f'indiċi ta' konnettività multimodali li jinkludi l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent bħala wieħed mill-fatturi rilevanti; jissottolinja, barra minn hekk, li t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma b'emissjonijiet żero huwa essenzjali biex jiġi żviluppat trasport multimodali sostenibbli;

38. Jappella lill-UE biex tappoġġa b'mod attiv lill-industrija Ewropea tal-karozzi fit-trasformazzjoni, inkluż permezz tal-aċċess għall-finanzjament tar-riċerka u miżuri finanzjarji lejn il-produzzjoni tar-ristrutturar, filwaqt li dan is-settur jinżamm fl-Ewropa;

39. Jitlob għal riforma rapida u orjentata lejn ir-riżultati tal-Ajru Uniku Ewropew, reviżjoni tan-netwerk ferrovjarju tal-merkanzija tal-UE, u l-iżvilupp u l-użu sħaħ tal-Galileo; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri biex tiżdied l-interkonnettività bejn it-toroq, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni li jwasslu għal bidla modali ġenwina; jitlob li jissaħħu u jiġu appoġġati l-investimenti fil-konnettività tan-netwerks ferrovjarji tal-UE biex ikun jista' jkun hemm aċċess ugwali għall-UE kollha għat-trasport pubbliku bil-ferrovija;

40. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu żviluppati sistemi intelliġenti għall-ġestjoni tat-traffiku u soluzzjonijiet ta' "Mobbiltà bħala Servizz", speċjalment f'żoni urbani; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi, teknoloġiji ġodda, mudelli ġodda tan-negozju u sistemi ġodda u innovattivi ta' mobbiltà madwar l-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lill-bliet li għandhom esperjenza prattika u know-how, fid-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politiki ta' mobbiltà futuri fil-livell tal-UE;

41. Jemmen li l-UE trid tapplika l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas b'mod ġust fil-modi kollha tat-trasport u tagħti inċentiv lil forom aktar nodfa ta' trasport; iqis li d-dħul mit-taxxi u l-miżati fuq it-trasport għandu jiġi allokat biex jgħin lis-settur f'din it-tranżizzjoni biex dawn l-ispejjeż isiru aktar soċjalment aċċettabbli;

42. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi s-settur marittimu fl-ETS; jemmen li l-inklużjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li tindirizza wkoll il-kompetittività tal-operaturi u n-negozji tal-UE, u bidliet modali possibbli; jisħaq li l-UE għandha tiddefendi livell għoli ta' ambizzjoni għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett serra fis-settur marittimu kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, filwaqt li kwalunkwe miżura ġdida tal-UE m'għandhiex iddgħajjef il-kompetittività internazzjonali ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE; jemmen li l-miżuri tal-UE għandhom iqisu kwalunkwe miżuri vinkolanti fil-ġejjieni fil-livell globali fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u jevitaw li joħolqu regolamenti doppji għall-industrija; jemmen li l-miżuri tal-UE u dawk internazzjonali għandhom imorru id f'id;

43. Jappoġġa l-miżuri proposti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni u t-tisħiħ tal-ETS tal-UE f'konformità mal-ambizzjoni tal-UE dwar il-klima, u t-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti lil-linji tal-ajru; B'mod parallel, jappella lill-UE biex tieħu sehem fl-iżvilupp ta' skema ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali (CORSIA), u biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-CORSIA; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa ta' investimenti urġenti fir-riċerka f'teknoloġiji ġodda biex jiġu dekarbonizzati s-setturi tat-tbaħħir u tal-avjazzjoni, u fl-iżvilupp ta' vapuri b'emissjonijiet żero u ekoloġiċi bbażati fuq ekokomponenti, ġestjoni aħjar tal-iskart u tal-ilma, u t-teknoloġiji ta' propulsjoni;

44. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal miżuri kkoordinati dwar it-tassazzjoni tal-avjazzjoni fl-Istati Membri, sabiex jintemmu l-eżenzjonijiet mit-taxxa li m'għadx hemm lok għalihom, jiġi applikat il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-mezzi differenti tat-trasport, filwaqt li jiġu evitati konsegwenzi ambjentali, ekonomiċi jew soċjali negattivi;

45. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi u r-Regolament TEN-T; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-Kummissjoni trawwem koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri fl-organizzazzjoni tan-netwerk sħiħ tat-trasport, pereżempju billi jitnaqqas id-distakk attwali bejn il-Pjani Direttur tat-Trasport Nazzjonali u billi jiġu adottati miżuri leġiżlattivi orjentati lejn ir-riżultati biex tiġi żgurata t-tlestija, mill-Istati Membri, tan-netwerk TEN-T sal-iskadenzi miftiehma, u billi tingħata prijorità lit-taqsimiet transfruntiera u l-użu ta' infrastruttura ta' fjuwils tat-trasport alternattivi sostenibbli; jenfasizza l-importanza li jitrawwem l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' fjuwil alternattiv biex jiġi massimizzat il-potenzjal ta' vetturi u bastimenti b'emissjonijiet żero jew baxxi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-appoġġ għall-infrastruttura tat-trasport pubbliku b'emissjonijiet żero, taċ-ċikliżmu u tal-mixi, speċjalment f'żoni urbani;

46. Iħares 'il quddiem lejn il-proposti li jmiss tal-Kummissjoni għal standards tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja aktar stretti fuq vetturi b'magna bil-kombustjoni (Euro 7), u għal standards riveduti tar-rendiment tal-emissjonijiet tas-CO2 fuq karozzi u vannijiet, biex b'hekk jiġi żgurat perkors lejn mobbiltà b'emissjonijiet żero mill-2025 'il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja; ifakkar fir-riżultat tal-analiżi fil-fond li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Pjaneta Nadifa għall-kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" li l-karozzi l-ġodda kollha mqiegħda fis-suq tal-UE se jkollhom ikunu b'emissjonijiet żero mill-2040 'il quddiem fix-xenarji biex sal-2050 inkunu newtrali għall-klima, u jappella għal qafas ta' politika koerenti u skemi ta' tranżizzjoni li jappoġġaw dan l-iżvilupp jinnota li se tkun meħtieġa reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Approvazzjoni tat-Tip biex il-pajjiżi li jinsabu fuq quddiem ikunu jistgħu japplikaw miżuri aktar stretti fil-livell nazzjonali meta jiġi deċiż hekk mill-Istati Membri;

47. Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tindirizza t-tniġġis fl-arja mit-trasport marittimu u mill-avjazzjoni, inkluż ir-regolamentazzjoni tal-aċċess għall-portijiet tal-UE mill-vapuri li jniġġsu l-aktar, u l-azzjoni biex jiġi indirizzat it-tniġġis minn vapuri rmiġġati fil-portijiet; jenfasizza l-importanza li jitrawwem l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' portijiet b'emissjonijiet żero li jużaw enerġija rinnovabbli; jissottolinja li l-użu ta' żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet, li huma previsti skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL), u t-tnaqqis tal-veloċità għat-tbaħħir, huma soluzzjonijiet rilevanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, li jistgħu jiġu implimentati faċilment;

"Mill-għalqa sal-platt": it-tfassil ta' sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

48. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi ppreżentata Strateġija mill-Għalqa sal-Platt biex twassal għal politika tal-ikel aktar sostenibbli billi jinġabru flimkien l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, jitħares l-ambjent u tiġi ppreservata l-bijodiversità, bl-ambizzjoni li jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom ikel affordabbli, ta' kwalità għolja u sostenibbli, filwaqt li jiġu żgurati l-għajxien deċenti għall-bdiewa u għas-sajjieda u l-kompetittività tas-settur agrikolu; jinnota li ċ-ċittadini tal-UE jqisu li "l-provvista ta' ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità tajba" għall-konsumaturi kollha għandha tkun il-prijorità ewlenija għall-Politika Agrikola Komuni u tas-Sajd; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tesplora modi ġodda kif il-konsumaturi, speċjalment il-konsumaturi żgħażagħ, jistgħu jingħataw informazzjoni aħjar;

49. Jenfasizza l-potenzjal tal-investimenti tal-azjendi agrikoli fi prattiki sostenibbli, bħalma huma l-agrikoltura bi preċiżjoni, il-biedja organika, l-agroekoloġija, l-agroforestrija, it-titjib fil-benesseri tal-annimali u fil-prevenzjoni ta' mard tal-bniedem u tal-annimali, inklużi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġbir u l-użu tal-karbonju u l-ġestjoni mtejba tan-nutrijenti, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; jisħaq fuq l-importanza li l-bdiewa jiġu inċentivati biex jersqu lejn dawn il-prattiki u lejn tranżizzjoni għal metodi li jġibu magħhom benefiċċji klimatiċi, ambjentali u tal-bijodiversità akbar b'mod ġust, f'waqtu u ekonomikament vijabbli; jinnota li l-agrikoltura u x-xogħol tal-bdiewa u tal-operaturi tul il-katina tal-provvista tal-ikel se jkunu ċentrali biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-ikel tajjeb għas-saħħa biex jitnaqqas il-mard kardjovaskulari, kif ukoll il-kanċer;

50. Jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kontribut tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għall-impenji tal-protezzjoni ambjentali, klimatika u tal-bijodiversità tal-UE, u tal-metodi tradizzjonali tal-biedja, fl-allinjament mal-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fl-Ewropa biex tkun possibbli produzzjoni agrikola b'saħħitha, reżiljenti u sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jpoġġu l-azzjoni klimatika fil-quċċata tal-prijoritajiet ambjentali tal-agrikoltura fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni biex f'dan ir-rigward tkun soda fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet strateġiċi; jisħaq fuq l-importanza, fi ħdan il-Mudell Ġdid ta' Implimentazzjoni, ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u mmirat b'aktar simplifikazzjoni u trasparenza dwar riżultati konkreti tanġibbli u objettivi ta' valur miżjud; iqis li huwa meħtieġ li l-bdiewa jingħataw għajnuna biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar sostenibbli, inkluż permezz ta' Servizzi ta' Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli indipendenti, u għal dak il-għan jaqbel li l-PAK tingħata baġit adegwat biex tilħaq l-ambizzjonijiet ambjentali tal-UE;

 

51. Jenfasizza r-rabtiet bejn l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-ambizzjoni ta' żero tniġġis; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza l-pressjoni li qed joħolqu l-pestiċidi fuq l-ambjent u s-saħħa u biex tnaqqas b'mod sinifikanti l-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi, kif ukoll l-użu ta' fertilizzanti u antibijotiċi, inkluż permezz ta' miżuri leġiżlattivi; jitlob li jkun hemm strateġija tal-UE li ssib alternattivi sostenibbli sostanzjati b'mod xjentifiku għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti perikolużi; iħeġġeġ attenzjoni speċjali biex ikunu protetti d-dakkara u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-Gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal;

52. Jenfasizza l-potenzjal tal-agrikoltura Ewropea li tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari u għat-tisħiħ tal-bijodiversità filwaqt li tippromwovi l-użu sostenibbli ta' materja prima rinnovabbli; jilqa' l-fatt li l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt se tindirizza wkoll il-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda, inklużi d-diġitalizzazzjoni, il-programmi spazjali ċivili u s-servizzi U-space, kif ukoll l-innovazzjoni u l-iskoperti xjentifiċi li jistgħu jġibu tnaqqis sostanzjali ta' burokrazija fi ħdan il-PAK u jtejbu l-effiċjenza, l-użu tar-riżorsi u s-sostenibbiltà ambjentali filwaqt li jġibu benefiċċji ekonomiċi għas-settur; jenfasizza r-rwol tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u jitlob li din tiġi implimentata mill-bdiewa kollha;

53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu aktar biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel; jappella għal mira vinkolanti ta' tnaqqis ta' 50 % fl-UE kollha sal-2030, abbażi ta' metodoloġija komuni;

54. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt bil-għan li ssaħħaħ il-katina tal-valur sostenibbli fis-settur tas-sajd (mis-sajd sal-konsum); jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti kollha tal-frott tal-baħar, inkluż it-tikkettar tal-oriġini ta' prodotti tal-ħut fil-laned u r-rifjut ta' prodotti li jagħmlu ħsara jew li jirrovinaw l-ambjent tal-baħar;

55. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien żejjed, Strateġija ġdida għall-Benessri tal-Annimali li twitti t-triq għal Liġi Qafas dwar il-Benessri tal-Annimali;

Il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità

56. Iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-protezzjoni tan-natura permezz ta' strateġija ambizzjuża tal-2030 dwar il-Bijodiversità mmirata biex twaqqaf u treġġa' lura t-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa u globalment, li tinkludi azzjonijiet speċifiċi għal entitajiet extra-Ewropej;

57. Jissottolinja l-fatt li l-istrateġija għandha tinkludi miżuri legali ambizzjużi u infurzabbli biex issaħħaħ il-protezzjoni ta' ekosistemi vulnerabbli kif ukoll miżuri komprensivi li jindirizzaw il-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità; jenfasizza li l-koerenza politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali hija kruċjali għal politika ta' suċċess dwar il-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirristrutturaw is-sajd u s-sussidji agrikoli sabiex jinċentivaw miżuri ambjentali u jkunu kompletament konformi mal-miri tal-UE dwar il-bijodiversità, kif ukoll iniedu mekkaniżmi ta' infurzar komprensivi;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità, mira li telimina gradwalment is-sustanzi kimiċi perikolużi u li torbotha mal-Istrateġija ta' Ambjent Mhux Tossiku;

59. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta għal qafas legali Ewropew biex tintemm id-deforestazzjoni inkorporata fi prodotti mibjugħa fl-UE;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija ġdida ambizzjuża tal-UE għall-Foresti biex tirrikonoxxi b'mod xieraq ir-rwol importanti u multifunzjonali li l-foresti Ewropej għandhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu wkoll aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali; jenfasizza li l-akbar potenzjal klimatiku tal-foresti jista' jinkiseb billi tiġi applikata perspettiva fit-tul dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti sabiex jiġu żgurati ħażniet u bjar tal-karbonju fuq terminu twil; ifakkar fil-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar fl-Ewropa;

61. Jenfasizza li t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kummerċ mhux sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi huma xprunaturi ewlenin għat-telf tal-bijodiversità; jissottolinja l-fatt li l-pjan ta' azzjoni tal-2016 kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi jispiċċa fl-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġedded u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tagħha, biex tintegrahom bis-sħiħ fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-2030 u biex tiżgura finanzjament adegwat; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab element ewlieni fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u t-tnaqqis tal-bijodiversità;

Ibħra u Oċeani Sostenibbli

62. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti dimensjoni "blu" lill-Patt Ekoloġiku u tinkludi bis-sħiħ id-dimensjoni tal-oċeani bħala element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ is-servizzi ekosistemiċi li jipprovdu l-oċeani, billi tiżviluppa "Pjan ta' Azzjoni għall-Oċeani u l-Akkwakultura", inklużi azzjonijiet konkreti li jġibu flimkien viżjoni strateġika integrata għal kwistjonijiet tal-politika marittima bħat-trasport, l-innovazzjoni u l-għarfien, il-bijodiversità, l-ekonomija blu, l-emissjonijiet u l-governanza;

63. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal reviżjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd li jkollha l-għan li terġa' tibni l-bijomassa tal-istokkijiet tal-ħut lil hinn mir-rendiment massimu sostenibbli, biex jiġu żviluppati sistemi sostenibbli tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu, u biex tiġi stabbilita sistema ta' ġestjoni effikaċi u integrata bbażata fuq l-ekosistemi li tqis il-fatturi kollha li għandhom impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistema tal-baħar, inklużi t-tibdil fil-klima u t-tniġġis;

64. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi finanzjarji u ta' kapaċità biex jitjieb l-għarfien dwar il-baħar fir-rigward tal-bijodiversità, il-klima u t-tniġġis, sabiex jiġu mifhuma aħjar l-impatti tal-attivitajiet fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni xierqa ta' adattament u ta' mitigazzjoni;

65. Jitlob li titressaq proposta li tistabbilixxi mira vinkolanti għall-espansjoni tan-netwerk ta' żoni protetti tal-baħar b'mill-inqas 30 % fil-livell tal-UE fl-istrateġija tal-bijodiversità għall-2030, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Oċean;

66. Jitlob li titressaq proposta favur l-iżvilupp tal-ekonomija blu sostenibbli li tinkludi l-enerġija rinnovabbli, it-turiżmu sostenibbli u l-industrija sostenibbli;

67. Jenfasizza l-importanza li jitrawwem ir-rwol tal-UE bħala mexxej globali fil-governanza tal-oċeani, inkluża d-dimensjoni kummerċjali, billi tiġi promossa l-adozzjoni ta' mekkaniżmu internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar lil hinn mill-oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali kif ukoll politika ta' tolleranza żero kontra s-sajd illegali; jirrimarka l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-kontribut għad-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex ikun hemm involviment aħjar fix-xjenza tal-oċeani u jingħata kontribut biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

Ambizzjoni ta' żero tniġġis għal ambjent ħieles mit-tossiċità

68. Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni favur pjan ta' azzjoni ta' żero tniġġis tal-arja, tal-ilma u l-ħamrija, li għandu jindirizza wkoll it-tniġġis mill-art għall-ilma, u għandu jinkludi monitoraġġ imsaħħaħ;

69. Jenfasizza d-diversi kobenefiċċji li soċjetà newtrali għall-klima se jkollha fuq is-saħħa pubblika bħala riżultat tar-restawr tal-bijodiversità, it-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja u l-espożizzjoni mitigata għal sustanzi niġġiesa, kemm f'termini tal-benesseri ġenerali taċ-ċittadini Ewropej, inklużi ambjenti tax-xogħol aħjar li jwasslu għal saħħa aħjar fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fil-forma ta' spejjeż evitat tas-saħħa u piżijiet fuq is-sistemi tal-assigurazzjoni u tas-saħħa pubblika;

70. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ambizzjuża transettorjali dwar ambjent mhux tossiku mingħajr dewmien; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tinkludi linji gwida għas-sostituzzjoni rapida ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna u sustanzi kimiċi perikolużi oħra inklużi sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, u tindirizza l-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi, u għandha tappoġġa wkoll l-innovazzjonijiet Ewropej f'sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli; jitlob li jkun hemm monitoraġġ u riċerka aħjar dwar sustanzi kimiċi u farmaċewtiċi perikolużi fl-ambjent;

71. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex sa Ġunju 2020 tippreżenta proposti leġiżlattivi ambizzjużi li jnaqqsu s-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-kożmetiċi, il-ġugarelli u l-imballaġġ tal-ikel b'alternattivi aktar sikuri, u pjan ta' azzjoni li jipprovdi qafas komprensiv b'miri u skadenzi li jnaqqsu l-esponiment taċ-ċittadini għal sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali;

72. Jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-livell ta' protezzjoni tal-kwalità tal-arja, f'konformità mal-linji gwida tad-WHO, u jħeġġeġ monitoraġġ aħjar tat-tniġġis tal-arja fl-Istati Membri permezz tal-implimentazzjoni ta' metodi ta' kejl robusti u armonizzati, u aċċess faċli għall-informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej;

Il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta

73. Jappoġġa l-pjanijiet għal Pjan ta' Investiment Sostenibbli li jgħin ħalli tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment; jissottolinja l-fatt li l-pjan għandu jqis l-esperjenzi tal-programmi preċedenti (il-"Pjan Juncker") u jagħmel enfasi speċjali fuq l-investimenti ta' valur miżjud Ewropew; jenfasizza li dan għandu jinkludi wkoll finanzjament għal tranżizzjoni ġusta fir-reġjuni kollha tal-UE; jilqa' l-azzjonijiet biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-investiment madwar l-UE, pereżempju permezz ta' InvestEU;

74. Jilqa' l-politika ġdida ta' self għall-enerġija u l-istrateġija l-ġdida għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali adottata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl-14 ta' Novembru bħala pass importanti; jilqa' l-fatt li l-BEI assuma r-rwol tal-Bank Klimatiku Ewropew, b'50 % tal-operazzjonijiet tiegħu ddedikati għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali sal-2025, bil-għan li jtemm l-appoġġ tiegħu għal proġetti tal-fjuwils fossili sal-2021, u bl-attivitajiet kollha ta' finanzjament tiegħu allinjati mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sal-2020; iħeġġeġ lill-BEI jieħu rwol attiv fl-appoġġ ta' proġetti li għandhom rwol ewlieni lejn tranżizzjoni ġusta, bħar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u l-investiment soċjali u l-ħiliet;

75. Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għal tranżizzjoni ġusta; jemmen li l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta mfassal tajjeb u ffinanzjat b'mod adegwat, inkluż Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, se jkun għodda ekonomika importanti li tiffaċilita din it-tranżizzjoni u tilħaq miri klimatiċi ambizzjużi filwaqt li tindirizza l-impatti soċjali; jemmen li l-mekkaniżmu ma għandux ikun sempliċiment trasferiment nett għall-gvernijiet nazzjonali iżda għandu jgħin b'mod konkret lill-ħaddiema u n-negozji f'reġjuni dipendenti mill-fjuwils fossili biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa tal-futur, inkluż permezz ta' titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid sabiex il-ħaddiema jitħejjew u jiġu adattati għal prospettivi, rekwiżiti u kompetenzi ġodda tal-impjiegi; jenfasizza, madankollu, li l-fondi waħedhom ma jistgħux jipprovdu t-tranżizzjoni, u m'għandux ikollhom l-effett li jiskoraġġixxu dawk li jinsabu fuq quddiem; jenfasizza bil-qawwa li l-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta jrid ikun kundizzjonali fuq miżuri ta' dekarbonizzazzjoni konkreti f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, speċjalment l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam u t-trasformazzjoni ta' reġjuni ekonomiċi bbażati fuq il-fjuwils fossili;

76. Jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija trid tkun soċjalment sostenibbli u ma taggravax il-faqar enerġetiku fl-ifqar reġjuni tal-UE; jemmen li l-komunitajiet li jiġġieldu kontra l-faqar enerġetiku jridu jkunu mgħammra bl-għodod meħtieġa biex jipparteċipaw fit-tranżizzjoni ekoloġika permezz tal-edukazzjoni u billi jiġu stimulati investimenti fuq terminu twil;

77. Jitlob lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal servizzi ta' assistenza teknika u ta' konsulenza sabiex tiġi indirizzata l-kumplessità tal-proċeduri ta' ġestjoni tal-proġetti; ifakkar li huwa importanti li tiġi żgurata distribuzzjoni ġeografika ġusta tal-fondi madwar l-UE;

78. Jitlob li tiġi stabbilita mira vinkolanti dwar l-infiq għall-bijodiversità u mira ambizzjuża għall-integrazzjoni tal-klima li tmur lil hinn mil-livelli ta' kwoti ta' nfiq speċifiċi kif stabbilit fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali[4];

79. Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-ebda finanzjament pubbliku tal-UE, għal kwalunkwe politika tal-UE, ma jmur kontra l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi ambjentali l-oħra tal-UE;

80. Jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura koordinazzjoni, koerenza u konsistenza tajba bejn il-politiki kollha disponibbli tal-UE u l-istrumenti ta' finanzjament, bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jissaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet tal-finanzjament tagħhom, u biex jiġi sfruttat l-investiment privat u pubbliku sostenibbli, b'hekk jiġi ottimizzat u integrat aħjar l-appoġġ finanzjarju għall-Patt Ekoloġiku Ewropew;

81. Jappoġġa l-introduzzjoni ta' basket ta' riżorsi ekoloġiċi proprji ġodda speċifiċi li jippromwovu u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ekoloġika; jieħu nota, għalhekk, tal-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-kuntest;

82. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex ittejjeb l-impjegabbiltà fl-ekonomija ekoloġika; jenfasizza, barra minn hekk, li l-ħiliet u l-adattabbiltà tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jipprovdu titjib tal-ħiliet jew taħriġ mill-ġdid b'ħeffa, u b'hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet minn impjiegi fis-setturi li qed jonqsu għal impjiegi b'valur miżjud ogħla f'setturi emerġenti;

83. Jistieden lill-UE tappoġġa lill-Istati Membri fl-azzjonijiet tagħhom relatati mat-taħriġ vokazzjonali, pereżempju billi tiżviluppa djalogu u sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat, peress li l-investimenti biex jgħinu ħalli jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' ħiliet emerġenti huma meħtieġa fid-dawl ta' ekonomija aktar ekoloġika u xejriet ta' diġitalizzazzjoni;

Il-mobilizzazzjoni tar-riċerka u t-trawwim tal-innovazzjoni

84. Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni ewlenin fid-dinja huma fundamentali għall-futur tal-Ewropa u huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tagħha, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw il-kompetittività ekonomika u l-prosperità; itenni li l-politiki tal-UE għandhom jappoġġaw l-eċċellenza xjentifika u x-xjenza parteċipattiva, isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija u jippromwovu t-tfassil ta' politika dwar l-innovazzjoni u bbażata fuq l-evidenza filwaqt li jrawmu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam, inkluż l-iffaċilitar ta' skambji ta' prattiki tajba sabiex jissaħħu l-ħiliet marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika fil-professjonijiet il-ġodda assoċjati wkoll magħha, għall-ħaddiema, l-għalliema u ż-żgħażagħ;

85. Jenfasizza li l-UE trid iżżomm u tiżviluppa aktar il-programmi spazjali ċivili ewlenin tagħha Copernicus u Galileo u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali, li jipprovdu kontribut siewi għall-monitoraġġ ambjentali u l-ġbir tad-data; jenfasizza li s-servizzi tat-tibdil fil-klima ta' Copernicus għandhom jibdew joperaw bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli, b'hekk jipprovdu l-fluss kontinwu tad-data meħtieġa għal azzjonijiet effettivi ta' mitigazzjoni u ta' adattament għat-tibdil fil-klima;

86. Jissottolinja l-importanza tal-programm Orizzont Ewropa 2021-2027 orjentat lejn il-missjonijiet, li jipprovdi opportunità biex tiġi involuta firxa wiesgħa ta' atturi, inklużi ċ-ċittadini Ewropej, biex tiġi indirizzata l-isfida globali urġenti tat-tibdil fil-klima u biex nimxu lejn riċerka aktar kollaborattiva u prattiki innovattivi biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew;

"Tagħmilx ħsara" - L-integrazzjoni tas-sostenibilità fil-politiki kollha tal-UE

87. Jilqa' l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew; jissottolinja l-fatt li s-Semestru Ewropew kif jiffunzjona attwalment m'għandux jiġi mdgħajjef; jemmen li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU għandhom jiġu integrati fih filwaqt li tinżamm l-enfasi makroekonomika tas-Semestru Ewropew fuq l-objettivi attwali tagħha; jappoġġa, għalhekk, l-integrazzjoni tal-SDGs fis-semestru fejn l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippreżentaw pjanijiet nazzjonali biex jiksbuhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet dwar il-konsistenza tal-baġits tal-Istati Membri mal-objettivi klimatiċi aġġornati tal-UE;

88. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li l-azzjonijiet kollha tal-UE għandhom jgħinu lill-UE tikseb futur sostenibbli, inkluż l-użu ta' għodod ta' bbaġitjar ekoloġiku, u biex taġġorna l-linji gwida ta' regolamentazzjoni aħjar skont il-ħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt strutturati tal-proposti kollha li jmiss biex tiżgura li dawn ikunu konsistenti mal-objettivi tal-UE dwar il-klima, l-ambjent u s-saħħa, u biex tivvaluta perkorsi differenti li jwasslu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika attwali u imminenti fl-Istati Membri u tiżgura li jkun hemm konsegwenzi f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

89. Jenfasizza li l-kummerċ huwa għodda importanti għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u biex jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu jiżgura li l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali kollha jinkludu kapitoli b'saħħithom u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli, konformi bis-sħiħ mal-impenji internazzjonali u b'mod partikolari mal-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tara li jiġi rrispettat il-Ftehim ta' Pariġi bħala klawżola essenzjali għall-ftehimiet kummerċjali komprensivi futuri kollha;

90. Jenfasizza l-impronta klimatika u ambjentali kbira tal-konsum tal-UE f'pajjiżi barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mira biex titnaqqas l-impronta globali tal-konsum u l-produzzjoni tal-UE, b'rispett tal-limiti planetarji tad-Dinja;

91. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni ekoloġika, pereżempju permezz ta' proġetti ta' żvilupp;

L-UE bħala attur globali

92. Jenfasizza li bħala l-akbar suq uniku tad-dinja, l-UE hi kapaċi tistabbilixxi standards li japplikaw fil-ktajjen tal-valur globali u temmen li l-UE għandha żżid l-ambizzjoni tagħha biex tistabbilixxi standards ġodda għal tkabbir sostenibbli, u tuża l-piż ekonomiku tagħha biex issawwar l-istandards internazzjonali li huma konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE, filwaqt li tappoġġa swieq tal-UE u globali attraenti u miftuħa għal prodotti sostenibbli;

93. Jemmen li l-fatt li l-COP25 f'Madrid ma rnexxilux jilħaq kunsens dwar ambizzjoni klimatika f'livell globali usa' jissottolinja l-ħtieġa dejjem tikber ta' leadership tal-UE fil-livell dinji, u se jirrikjedi li l-UE ssaħħaħ id-diplomazija klimatika tagħha u żżid l-impenji bilaterali mal-pajjiżi sħab, speċjalment qabel il-COP26 fi Glasgow;

94. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva għal ftehim internazzjonali biex jiġi miġġieled it-tixrid tar-reżistenza antimikrobika u l-ħolqien dejjem jikber ta' mard infettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kif xieraq ir-riskju ta' nuqqas ta' mediċini;

 

°

° °

95. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2019)0217.

[2] Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

[3] Testi adottati, P9_TA(2019)0079.

[4] Testi adottati, P8_TA(2018)0449.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza