Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0044/2020/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0044/2020/REV1

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

    10.1.2020 - (2019/2956(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Manon Aubry, Martin Schirdewan, Marisa Matias, Giorgos Georgiou, Niyazi Kizilyürek, Clare Daly, Cornelia Ernst, Mick Wallace, Martin Buschmann, Anja Hazekamp, Pernando Barrena Arza, Martina Michels, Helmut Scholz, Özlem Demirel, Sira Rego, Manuel Bompard, Manu Pineda, Leila Chaibi, Eugenia Rodríguez Palop, Nikolaj Villumsen, Malin Björk, Miguel Urbán Crespo, Idoia Villanueva Ruiz
    f'isem il-Grupp GUE/NGL

    Proċedura : 2019/2956(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0044/2020
    Testi mressqa :
    B9-0044/2020
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B9-0044/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

    (2019/2956(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,

     wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

     wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

     wara li kkunsidra l-aħħar u l-aktar evidenza xjentifika komprensiva dwar l-effetti ta' ħsara tat-tibdil fil-klima li tinsab fir-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "It-Tisħin Globali ta' 1,5 °C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-Rapport Speċjali tiegħu dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Art, u r-Rapport Speċjali tiegħu dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi klima li qed tinbidel,

     wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titlu "L-ambjent Ewropew – L-istat u l-prospetti 2020, Għarfien għal tranżizzjoni lejn Ewropa sostenibbli" (SOER 2020),

     wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll id-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titlu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030" (COM(2019)0022),

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titlu "Intensifikazzjoni tal-Azzjoni tal-UE għall-Ħarsien u r-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" (COM(2019)0352) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru  2013 bit-titlu "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti" (COM(2013)0659),

     wara li kkunsidra t-theddida qawwija ta' telf ta' bijodiversità kif deskritta fir-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi tal-31 ta' Mejju 2019,

     wara li kkunsidra l-25 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP25) li saret f'Madrid, Spanja, mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,

     wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li se ssir f'Diċembru 2020 u l-fatt li l-Partijiet kollha għall-UNFCCC jeħtieġu jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali bi qbil mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi,

     wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15), li ser issir f'Kunming, iċ-Ċina, f'Ottubru 2020, fejn il-Partijiet jeħtieġ jiddeċiedu fuq il-qafas globali ta' wara l-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità,

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi[1],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[2],

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Madrid, Spanja (COP25)[3],

     wara li kkunsidra l-Artikolu 153 tat-TFUE dwar il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE, li jirrikjedi lill-UE tippromwovi livell għoli ta' impjieg, tiżgura protezzjoni soċjali adegwata, tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u tiżgura livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem,

     wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+),

     wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

     wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea[4],

     wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa,

     wara li kkunsidra l-istudju tal-2019 bit-titlu "Pentagon Fuel Use, Climate Change, and the Costs of War" tal-Università ta' Boston,

     wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2019 mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi huwa kruċjali li tittieħed azzjoni immedjata u ambizzjuża li tillimita t-tisħin globali għal 1,5 C, sabiex tipprevjeni t-telf enormi tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, l-iskarsezza tar-riżorsi, it-tniġġis u riskji akbar għas-saħħa; billi l-effetti tal-kriżi klimatika diġà qed jinħassu madwar id-dinja kollha u qed ikomplu jmorru għall-agħar b'rata allarmanti;

    B. billi r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2019 mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti sab li d-disparitajiet fl-iżvilupp tal-bniedem għadhom mifruxa, u qed jitfaċċaw forom ġodda ta' inugwaljanzi; billi dawn l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi jeħtieġ li jiġu indirizzati b'urġenza u anki b'mod sinkronizzat mal-miżuri kollha ta' azzjoni klimatika;

    C. billi l-kriżijiet klimatiċi u ambjentali jeħtieġu azzjoni li tinqata' mill-ossessjoni tat-tkabbir ekonomiku, li huwa l-kawża ewlenija taż-żewġ kriżijiet, u billi l-"Patt Ekoloġiku Ewropew" jeħtieġ li jkun il-bidu tat-tmiem ta' din id-domma distruttiva;

    D. billi mill-2010 'l hawn il-ġganti tas-setturi taż-żejt u tal-gass waħedhom nefqu EUR 250 miljun fuq lobbying fl-UE; billi l-istrajk tal-klima globali jgħaqqad flimkien mijiet ta' miljuni ta' nies madwar il-pjaneta li jeżiġu t-tmiem tar-renju ta' dawn l-interessi tal-industrija tal-karburanti fossili;

    E. billi issa għandna l-opportunità li noħorġu bi pjan ta' investiment u ta' trasformazzjoni ambizzjuż, olistiku u komprensiv ibbażat fuq fuq id-demokrazija, ir-regolamentazzjoni u l-kontroll pubbliku; billi ma nistgħux naffordjaw li nħallu f'idejn il-forzi tas-suq biex isolvu l-problemi li ħolqu u, għalhekk, it-terminu "Patt Ekoloġiku" mhuwiex biżżejjed biex jindika l-evoluzzjoni meħtieġa mill-istudji xjentifiċi ta' riferiment;

    F. billi għandna biss ċans wieħed li nsolvu dawn il-kriżijiet ambjentali u soċjali; billi nistgħu niffaċċjaw biss dawn l-isfidi komuni b'mod effettiv jekk nindirizzaw dawn il-kriżijiet kollha f'daqqa; billi din il-Kummissjoni hija l-aħħar waħda li tista' tressaq proposti biex issolvi dawn il-kriżijiet u ma tistax taffordja li tfalli f'dan il-kompitu;

    G. billi l-"Patt Ekoloġiku" jrid iwassal għal rivoluzzjoni radikali, sistematika u globali tal-modi ta' produzzjoni, ta' konsum u ta' distribuzzjoni tagħna, titjib tal-kwalità tal-ħajja u fl-istess ħin ngħaddu għad-dekarbonizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħna; billi jrid ikun ġust u jkun ta' benefiċċju għal kulħadd; billi dawn il-kriżijiet juru l-ħtieġa li naħdmu flimkien għal Ewropa oħra, waħda li tipprijoritizza l-pjaneta u n-nies fuq il-profitt;

    1. Ifakkar li l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi li qed jikbru huma l-aktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità u li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta opportunità biex dawn jiġu indirizzati flimkien u b'mod effettiv; jissottolinja li bidla politika radikali, kooperazzjoni internazzjonali f'waqtha, solidarjetà u impenn għal azzjoni ambizzjuża ħafna huma l-uniku mod kif it-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5 °C u tiġi indirizzata l-inugwaljanza; jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun trasformattiv u jwassal għal rivoluzzjoni radikali, sistematika u globali tal-modi ta' produzzjoni, ta' konsum u ta' distribuzzjoni tagħna;

    2. Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jappoġġja l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli, jipproteġi u jsaħħaħ l-ekosistemi tal-UE, jiżgura l-ħarsien tagħhom, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri tal-persuni mir-riskji u l-impatti relatati mal-ambjent; jissottolinja li l-Patt Ekoloġiku Ewropew mhuwiex biss politika klimatika msaħħa, iżda jirrappreżenta pjan ta' investiment li għandu jittrasforma bis-sħiħ l-ekonomija u s-soċjetà u jqegħedha bil-qawwa fuq perkors ekoloġiku, li jiddefendi d-drittijiet soċjali u jtejjeb il-ħajja għal kulħadd fuq din il-pjaneta; jisħaq li l-SDGs għandhom iservu ta' qafas komprensiv għat-tfassil tal-politika u għall-implimentazzjoni tagħha;

    3. Jemmen li s-solidarjetà trid tkun ċentrali għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u li jrid ikun ftehim li jħares 'il quddiem; jissottolinja li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun dwar il-ġustizzja soċjali u jrid jindirizza l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi flimkien mat-tisħin globali; jisħaq fuq l-importanza tar-rispett u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli u s-setturi kollha, b'mod partikolari mat-trade unions, sabiex tkun żgurata tranżizzjoni ġusta; itenni f'dan ir-rigward l-obbligu tal-Unjoni li tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol tas-sħab soċjali; jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jkun ankrat fil-prinċipji tal-ġustizzja klimatika u jkun ibbażat fuq studji xjentifiċi ta' riferiment u jkun totalment kompatibbli magħhom;

    4. Jirrifjuta l-użu ta' buzzwords u slogans li jaħbu ambizzjoni baxxa u azzjoni klimatika mmexxija mis-suq ineffettiva u perversa li, essenzjalment, tiffavorixxi negozji kbar u l-industrija tal-karburanti fossili; jinterpreta l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala opportunità biex nitbiegħdu mill-qafas neoliberali u biex l-UE fl-aħħar tirrikonoxxi d-dejn klimatiku u r-responsabbiltà storika tagħha li tagħmel iżjed; jemmen li azzjoni inkrimentali fi żmien ta' emerġenza klimatika hija insuffiċjenti immens u li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikun programm radikali u trasformattiv li jwassal għal bidliet rapidi, estensivi u mingħajr preċedent għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna; jirrifjuta l-integrazzjoni tas-suq bħala mezz biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi skont l-interessi tal-kumpaniji l-kbar, u jitlob li jkun hemm settur pubbliku b'saħħtu f'oqsma strateġiċi bħall-enerġija u l-industrija, settur li jkun kapaċi jilħaq l-għanijiet ambjentali u fl-istess ħin inaqqas l-inugwaljanzi soċjali u territorjali;

    5. Jissottolinja li l-iffukar tal-attenzjoni, b'mod unilaterali, fuq it-tkabbir ekonomiku wassal għal sitwazzjoni ta' emerġenza klimatika u tal-bijodiversità; jinnota li l-problemi ma jistgħux jissolvew bl-istess mentalità li ħolqithom; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni qed tinkwadra l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala strateġija ġdida ta' tkabbir; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati mudelli ekonomiċi li jqisu l-limiti tal-pjaneta, il-bżonnijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem minflok tħassib għami fuq it-tkabbir ekonomiku;

    6. Jinsisti fuq perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri komprensiva u sinifikanti fl-oqsma kollha ta' politika u b'mod partikolari fil-politiki klimatiċi u soċjali, peress li n-nisa u l-persuni ta' ġeneri emarġinati huma l-aktar affettwati mill-awsterità, l-esklużjoni soċjali u t-tibdil fil-klima; jafferma li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid ikollu perspettiva ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex ikun effettiv u jirnexxi fl-għanijiet tiegħu; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri kif miftiehem fil-COP25;

    7. Jemmen li l-kapitaliżmu mhuwiex ekoloġiku u lanqas ma jista' jkun hekk; iqis li s-sistema soċjoekonomika dominanti hija intrinsikament insostenibbli u li akkumulazzjoni kapitalista hija totalment f'kunflitt mal-limiti fiżiċi tal-pjaneta, u tfixkel il-bilanċ li fuqu tiddependi l-ħajja kollha; jiddeplora l-istrumentalizzazzjoni tat-tħassib ambjentali tal-persuni għall-fini li titkompla akkumulazzjoni kapitalista, li titwessa' għal oqsma ġodda ta' akkumulazzjoni u toħloq forom ġodda ta' approprjazzjoni privata tan-natura (l-hekk imsejjaħ "kapital naturali") sabiex isir negozju minn fuq it-tħassib ambjentali ġenwin mingħajr ma jissolvew il-problemi sottostanti għal dan it-tħassib; jiddikjara li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ma tistax tinħall mill-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u mill-paċi;

    Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

    8. Jenfasizza li l-UE, filwaqt li tqis il-prinċipju ta' responsabbiltà komuni iżda differenzjata, trid tmexxi bl-eżempju u tippreżenta Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) ta' mill-inqas 70 % ferm qabel il-COP26 fi Glasgow, u tħalli biżżejjed żmien biex il-Partijiet l-oħra jirreaġixxu għal dan l-objettiv ambizzjuż b'miri riveduti tagħhom stess; jisħaq li l-miri ambizzjużi ta' dekarbonizzazzjoni m'għandhomx jitqiesu bħala piż fuq l-ekonomija, iżda fil-fatt se jwittu t-triq biex jiġu segwiti politiki ambizzjużi ta' dekarbonizzazzjoni transsettorjali;

    9. Jiddeplora l-fatt li l-UE, b'mod konsistenti, appoġġjat miri li mhumiex konformi mal-għan tal-Ftehim ta' Pariġi ta' 1,5°C, u li l-Istati Membri żammew lura mill-ambizzjoni klimatika fi ħdan il-Kunsill; jiddeplora l-fatt li l-politiki kurrenti tal-UE se jnaqqsu l-gassijiet b'effett ta' serra b'madwar 60 % biss sal-2050; jinnota b'mod partikolari li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li għandhom miri ta' 32 % u 32,5 % sal-2030 rispettivament, għadhom 'il bogħod sew minn dak li hu meħtieġ biex it-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5 °C u ma jirriflettux l-ambizzjoni meħtieġa;

    10. Jinnota bi tħassib ir-rwol negattiv li l-lobbying mill-industrija tal-karburanti fossili u oħrajn kellu u qed ikollu fit-tfassil tal-politika tal-UE u jevidenzja n-nuqqas ta' trasparenza b'mod partikolari fil-Kunsill;

    11. Jirrifjuta n-nozzjoni ta' monetizzazzjoni tan-natura u l-kummerċ tad-dritt għat-tniġġis; jeżiġi approċċ normattiv li jirregola l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob li jkun hemm politika ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra abbażi ta' regolament speċifiku definit u mmonitorjat min-NU;

    12. Jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni taġixxi mingħajr dewmien fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew, u tevita li twettaq aktar valutazzjonijiet meta x-xjenza tkun ċara; iqis li tali tentattivi huma tattiċi ta' dewmien li jwasslu biex it-tranżizzjoni timxi aktar bil-mod; itenni li l-Parlament iddikjara emerġenza klimatika u ambjentali u l-UE trid taġixxi kif xieraq billi tistabbilixxi u timplimenta miri ambizzjużi għad-dekarbonizzazzjoni, li għandhom jintlaħqu sa mhux aktar tard mill-2040;

    13. Jinnota bi tħassib il-perkorsi tal-istrateġija fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni u d-dipendenza żejda fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi, li l-biċċa l-kbira minnhom għadhom mhumiex żviluppati fuq skala kbira; jinsisti li t-trasformazzjoni tal-enerġija trid tkun ibbażata fuq tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija bbażata għalkollox fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli sa mhux aktar tard mill-2050;

    14. Iqis li l-approċċ f'żewġ stadji propost fi ħdan il-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew fir-rigward tar-reviżjoni tal-NDC tal-UE huwa stedina lill-industrija tal-karburanti fossili għal lobbying aktar immirat u jqis li dan l-approċċ huwa sinjal ambigwu lill-bqija tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi fir-rigward tal-pożizzjoni tal-UE fuq il-kwistjoni tal-ambizzjoni tagħha għall-2030; jisħaq fuq il-fatt li l-esaġerazzjoni tad-diffikultajiet fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni ta' bejn 50 % u 55 % ma tikkostitwix turija ta' tmexxija fix-xena globali u minflok tagħti lok għal aktar ġustifikazzjonijiet b'ambizzjoni baxxa mill-NDCs;

    15. Jibqa' kritiku tal-kunċett ta' newtralità f'termini ta' impatt fuq il-klima kif propost mill-Kummissjoni, li jeskludi l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn setturi transnazzjonali, bħall-emissjonijiet mill-avjazzjoni, it-trasport marittimu u l-ktajjen tal-valur ta' kumpaniji multinazzjonali, filwaqt li jiġu promossi miżuri ta' tpaċija u l-użu ta' swieq foloz tal-karbonju, li jimmonetizza t-tniġġis u l-prodotti naturali; iqis li l-enfasi fuq "in-newtralità f'termini ta' impatt fuq il-klima" hija distrazzjoni mill-ħtieġa li jiġu eliminati gradwalment il-karburanti fossili u li tiddaħħal regolamentazzjoni favur is-sostenibbiltà; jemmen bis-sħiħ li l-attenzjoni trid tiġi kkonċentrata fuq id-dekarbonizzazzjoni profonda b'mod responsabbli u ġust, li teħtieġ qabża favur l-enerġiji rinnovabbli u ta' viżjoni għal futur mingħajr karburanti fossili; iwissi dwar il-periklu li wieħed jibbaża fuq teknoloġiji futuri fuq skala kbira dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju sabiex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju meta bħalissa ma hemm l-ebda prova li tali teknoloġiji jistgħu jiġu proġettati u użati fuq skala sinifikanti; iwissi dwar il-periklu li tinħoloq dipendenza fuq il-bjar ta' karbonju bħall-oċeani, il-foresti u l-ħamrija li l-funzjonament kumpless tagħhom għadhom mhumiex mifhuma kompletament;

    16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq Liġi dwar il-Klima ambizzjuża li tħaddan fiha miri responsabbli u tqis l-emissjonijiet indiretti;

    17. Jistenna bil-ħerqa l-istrateġija l-ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u jistenna li din tinkoraġġixxi bilanċ fil-finanzjament tal-mitigazzjoni u tal-adattament, kif ukoll iffukar imġedded fuq l-adattament;

    Il-provvista ta' enerġija rinnovabbli, affordabbli u sigura

    18. Itenni li l-politika dwar l-enerġija hija dwar in-nies u trid l-ewwel u qabel kollox timmira għal aċċess ekwu għall-enerġija billi tiggarantixxi d-dritt għall-enerġija; iqis li l-faqar enerġetiku huwa marbut intrinsikament mal-kriżi klimatika u jenfasizza l-potenzjal tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li jindirizza l-inugwaljanza u l-kriżi klimatika f'termini ta' politika soċjali li tmexxi t-tranżizzjoni ekoloġika; ifakkar id-dritt għal dar u jisħaq fuq kif il-Patt Ekoloġiku Ewropew jista' jiggarantixxi dan id-dritt, jelimina l-faqar enerġetiku u fl-istess ħin jikseb dekarbonizzazzjoni permezz ta' ambizzjonijiet adegwati u politiki ffinanzjati sew;

    19. Jikkundanna l-privatizzazzjoni tas-setturi tal-enerġija, li twassal għal prezzijiet ogħla u żżid il-faqar enerġetiku; jissottolinja li l-enerġija hija ġid pubbliku u li l-aċċess għal enerġija rinnovabbli u affordabbli huwa dritt bażiku; jinsisti fuq il-fatt li s-sistemi tal-enerġija ta' sjieda u ġestjoni pubblika għandhom jiġu demokratizzati u deċentralizzati u li l-proġetti tal-enerġija fil-livell tal-komunità jiġu estiżi sabiex ikunu indirizzata aħjar lejn objettivi ambjentali u soċjali; jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd allarmanti ta' unitajiet domestiċi fl-UE li jġarrbu faqar enerġetiku jew li huma affettwati minnu, u jtenni li l-aċċess ugwali għal enerġija sostenibbli u affordabbli huwa dritt fundamentali, u li l-qtugħ tal-elettriku u/jew tal-provvista tas-sħana għandu, għalhekk, jiġi pprojbit; jemmen, barra minn hekk, li miżuri effiċjenti tal-enerġija għall-bini jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni tal-abitazzjoni u jistgħu jgħinu biex itaffu l-faqar enerġetiku; jisħaq, madankollu, li l-ispejjeż ta' rinnovazzjoni ma għandhomx jiġġarrbu minn min jikri;

    20. Jiddeplora l-użu ta' "newtralità teknoloġika" bħala ewfemiżmu biex jinħeba l-enfasi reali fuq teknoloġiji b'intensità kbira ta' kapital, li jiżgura l-eġemonija tal-impriżi kbar tas-settur tal-enerġija fil-kwadru tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jiddenunzja l-għadd ta' proġetti marbuta mal-karburanti fossili fir-raba' lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni, li joħloq rabta mal-ekonomija tal-karburanti fossili;

    21. Jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-rata ta' rinnovazzjoni għall-bini pubbliku u testendi l-ambitu tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi aktar miri skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; jemmen li l-inizjattiva "mewġa ta' rinnovazzjoni" għandha tinkludi azzjonijiet u miżuri konkreti bl-għan li jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni tal-bini, kemm pubbliku kif ukoll privat, f'bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero sal-2050; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jżidu r-rata ta' rinnovazzjoni għall-bini pubbliku u jipprovdu finanzjament pubbliku adegwat filwaqt li joħolqu opportunitajiet ta' xogħol ġust;

    22. Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni u xi Stati Membri qed jippromwovu l-enerġija nukleari bħala soluzzjoni għall-kriżi klimatika minkejja l-kwistjoni li għadha ma ssolvietx dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari u l-isfidi ta' sigurtà u sikurezza li din iġġib magħha;

    23. Jesprimi tħassib dwar l-interess tal-Kummissjoni fid-"dekarbonizzazzjoni tal-gass" u l-użu ta' ġustifikazzjonijiet f'termini ta' sigurtà tal-enerġija u affordabbiltà għall-klijenti biex il-gass jitpoġġa fl-istrateġija ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta r-reviżjoni tar-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) mingħajr aktar dewmien sabiex jiġi żgurat li l-ħames lista li jmiss ta' PCIs issegwi kriterji ġodda konformi mal-Ftehim ta' Pariġi;

    Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

    24. Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li t-tifsira reali tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari tiġi implimentata bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni u l-proċessi kollha, peress li l-istatistika dwar il-flussi tal-materjali u l-ġenerazzjoni tal-iskart turi li l-ekonomija ċirkolari għadha fil-bidu tagħha; filwaqt li ekonomija realment ċirkolari tista' timminimizza l-iskart u l-estrazzjoni tar-riżorsi, ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità; jemmen li investimenti, leġiżlazzjoni addizzjonali u monitoraġġ tal-progress huma essenzjali;

    25. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni lokali abbażi tal-prinċipji ta' rifjut, riduzzjoni, riużu u riċiklaġġ, biex jitwaqqfu l-istrateġiji ppjanati tan-negozju tal-obsolexxenza fejn il-prodotti huma mfassla biex ikollhom perjodu qasir ta' żmien u jeħtieġ li jiġu sostitwiti, u biex il-konsum jiġi adattat għal-limiti tal-pjaneta; jemmen li d-dritt għat-tiswija u l-appoġġ kontinwu għas-servizzi tal-IT huma imperattivi biex jinkiseb konsum sostenibbli; jitlob biex dawn id-drittijiet jiġu stabbiliti fid-dritt tal-UE;

    26. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex ittemm il-kummerċ tal-iskart, li huwa partikolarment dannuż għall-persuni vulnerabbli u għall-ambjent f'pajjiżi terzi, u biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità biex nittrattaw l-iskart tagħna stess fi ħdan l-UE;

    27. Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jiżguraw li l-akkwisti pubbliċi kollha tagħhom, inklużi t-teknoloġiji diġitali, jirrispettaw standards ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem għoljin; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-liġi u l-prattiki Ewropej u nazzjonali eżistenti dwar l-akkwist pubbliku humiex allinjati mal-obbligi ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni temenda d-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku biex tiżgura li xerrejja pubbliċi kbar ifasslu, jippubblikaw u jinfurzaw pjanijiet ta' diliġenza dovuta biex jiżguraw li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Konvenzjonijiet Ewlenin tal-ILO jiġu rispettati tul il-ktajjen tal-provvista tagħhom; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jmexxu bl-eżempju billi jsegwu l-gwida dwar l-akkwist pubbliku soċjalment responsabbli u l-aħjar prattiki eżistenti fost ix-xerrejja pubbliċi fl-akkwist tagħhom stess;

    28. Jisħaq li l-plastik bijodegradabbli u l-plastik b'bażi bijoloġika jmorru kontra l-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari u li jrid ikun hemm enfasi fuq it-tnaqqis tal-plastik u l-ħolqien ta' ekonomija tal-plastik b'ċirkwit magħluq; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tilleġiżla għal ekonomija tal-plastik kompletament ċirkolari li teskludi l-plastik bijodegradabbli u dak b'bażi bijoloġika; jemmen li l-ebda kumpanija ma għandu jkollha d-dritt li tniġġes; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta miżuri aktar b'saħħithom dwar il-plastik li jintuża darba biss, flimkien ma' skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur; ifakkar li l-iżgurar tal-provvista ta' materja prima jew riżorsi tal-enerġija m'għandux ikun is-sors ta' diffikultajiet ġeopolitiċi, ħsara ambjentali f'reġjuni li għadhom lura, jew kwalunkwe forma tan-neokolonjaliżmu;

    29. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta' Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari ġdid li jkun verament trasformattiv u li jkun fih miżuri solidi li jsaħħu r-responsabbiltà estiża tal-produttur u li jirregolaw id-disinn tal-prodott għas-sostenibbiltà; jissottolinja l-ħtieġa li r-Regolamenti dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar Enerġetiku jiġu estiżi biex jinkludu l-kategoriji kollha tal-prodotti ewlenin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-użu tat-teknoloġiji diġitali jiġi akkumpanjat minn miżuri regolatorji li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tal-ktajjen ta' valur tal-ICT, u li jiġi żgurat li l-azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tkun allinjata mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-miri tal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent;

    30. Jirrikonoxxi li l-politiki industrijali u tax-xogħol jeħtieġu bidliet strutturali li jirriżultaw mid-dekarbonizzazzjoni profonda tal-industriji Ewropej, b'mod partikolari s-setturi intensivi fl-enerġija; jisħaq ukoll li dawn il-politiki jridu jiżguraw il-ħolqien tal-impjiegi, kundizzjonijiet u drittijiet tax-xogħol imtejba, u salarji ogħla, u jisħaq fuq il-fatt li huma meħtieġa garanziji dwar iż-żamma tal-ammont ta' impjiegi industrijali; jisħaq f'dak ir-rigward fuq l-importanza tar-rispett u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli u s-setturi kollha, speċjalment mat-trade unions; jisħaq li l-investiment pubbliku huwa essenzjali biex jitreġġa' lura l-iżvilupp mhux ugwali impost mil-loġika tas-suq, u b'hekk jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità u politiki ta' koeżjoni b'saħħithom fl-Unjoni Ewropea;

    31. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, bħala kwistjoni ta' urġenza, Strateġija Industrijali tal-UE li tpoġġi lill-industriji tal-UE fit-triq lejn dekarbonizzazzjoni profonda b'approċċ regolatorju, b'mod partikolari l-industriji intensivi fl-enerġija; jitlob li jkun hemm biżżejjed investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-ħaddiema biex jadattaw għal dawn il-bidliet, u b'hekk jiġi żgurat li l-ebda reġjun ma jitħalla barra; jissottolinja li ekonomija verament ċirkolari se toħloq impjiegi addizzjonali ta' kwalità fl-oqsma tar-riċiklaġġ, il-manutenzjoni, it-tiswija, l-użu mill-ġdid u l-manifattura mill-ġdid;

    32. Jistieden lill-Kummissjoni tbiddel ir-regoli tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiżgura li l-enerġija rinnovabbli, it-trasport ferrovjarju u r-rinnovazzjoni ta' bini, pereżempju, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat; jiddeplora l-fatt li r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat jiffavorixxu l-enerġija mill-faħam u l-enerġija nukleari (kif jidher mid-deċiżjoni dwar l-impjanti nukleari Hinkley Point C, Paks II u l-mekkaniżmi ta' kapaċità għall-impjanti tal-enerġija tal-faħam);

    L-aċċellerar tal-bidla lejn mobilità sostenibbli u intelliġenti

    33. Jistenna bil-ħerqa l-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobilità sostenibbli u intelliġenti fl-2020 u jistenna li din l-istrateġija tbiddel b'mod radikali s-sistemi tat-trasport madwar l-Ewropa billi żżid il-bidla modali tal-multimodalità tal-merkanzija għall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni u tippromwovi l-loġistika ekoloġika u t-tnaqqis fil-volumi tal-merkanzija;

    34. Jissottolinja li ż-żamma tas-sjieda pubblika tat-trasport pubbliku hija l-aktar mod effiċjenti li bih tista' tiġi ggwidata u miksuba d-dekarbonizzazzjoni effettiva tas-settur tat-trasport, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt tal-pubbliku għall-mobilità; jeżiġi t-treġġigħ lura ta' liberalizzazzjoni li għaddejja jew li diġà tlestiet fis-setturi tat-trasport, li ġeneralment iwasslu għad-degradazzjoni tal-infrastruttura, tat-tagħmir u tas-servizzi pprovduti; jissottolinja kif id-drittijiet tal-ħaddiema huma mhedda mill-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, bħat-trasport;

    35. Jappella lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi tat-trasport pubbliku b'xejn, li jintegraw biljetti uniċi u multimodali fis-sistemi varji tat-trasport, kif ukoll sistemi pubbliċi ta' kondiviżjoni tal-vetturi, li jiżguraw aċċessibbiltà universali filwaqt li joħolqu diżinċentivi għall-użu tal-karozzi privati;

    36. Jenfasizza kemm l-iżvilupp urban sostenibbli jnaqqas il-ħtieġa għal trasport individwali billi joħloq impjiegi ta' kwalità fi ħdan il-komunitajiet lokali u jevita l-fenomenu ta' komunitajiet li jivvjaġġaw lejn ix-xogħol u lura; jisħaq li bliet aktar ekoloġiċi u trasport pubbliku dekarbonizzat huma elementi essenzjali għal mobilità intelliġenti sostenibbli f'żoni urbani; iħeġġeġ lill-bliet u l-muniċipalitajiet jagħtu prijorità lill-infrastruttura taċ-ċikliżmu u tal-mixi u mhux lit-toroq, filwaqt li jinvestu fl-użu ta' netwerks adegwati għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu pjanijiet ta' mobilità urbani u rurali li huma fl-interess pubbliku u li jintegraw il-modi ġodda kollha ta' trasport sabiex tiżdied il-kwalità tas-servizzi għaċ-ċittadini u jitnaqqsu l-ispejjeż ambjentali għall-ibliet; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippromwovu l-produzzjoni lokali;

    37. Jenfasizza l-ħtieġa għal trasport pubbliku effettiv u inklużiv, li jkopri żoni urbani, periurbani u rurali, u li għandu jkun aċċessibbli għal persuni b'mobilità mnaqqsa; jenfasizza l-ħtieġa għal netwerk ferrovjarju veloċi, għall-but ta' kulħadd u affidabbli bejn il-bliet ewlenin Ewropej kollha sabiex titnaqqas jew tiġi evitata l-ħtieġa li jsiru titjiriet intra-Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod drastiku l-isforzi u l-investimenti tagħhom biex jilħqu dan l-għan filwaqt li jeliminaw gradwalment kwalunkwe inċentiv eżistenti li jmur kontra dan l-objettiv; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-finanzjament ta' proġetti tal-infrastruttura tat-trasport biex jgħinu jinkisbu l-miri dwar il-klima, u għall-importanza ta' kooperazzjoni transfruntiera fost l-Istati Membri; jemmen, fir-rigward ta' finanzjament tal-UE għat-trasport, li l-idoneità bl-iskop li jinkisbu l-miri dwar il-klima għandha tkun waħda mill-kriterji ta' eliġibbiltà għall-proġetti;

    38. Jirrifjuta l-estensjoni ulterjuri tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għal setturi oħra bħat-trasport marittimu, u jinsisti fuq il-ħtieġa ta' approċċi regolatorji għad-dekarbonizzazzjoni fis-setturi kollha; jitlob li jkun hemm miri ambizzjużi ta' tnaqqis fis-CO2, SOx, materja partikolata u NOx għat-trasport marittimu, inkluż it-tnaqqis massimu tat-tniġġis mit-trasport fl-għanijiet tal-politika kummerċjali internazzjonali tiegħu;

    39. Jistieden lill-Kummissjoni tkun ambizzjuża hija u tipprova tnaqqas l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u tipproponi immedjatament li twaqqaf l-allokazzjonijiet kollha mingħajr ħlas għal-linji tal-ajru skont l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-UE, filwaqt li teżiġi li l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tkun allinjata għalkollox mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u mal-impenji skedati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;

    40. Jiddeplora l-fatt li jingħataw sussidji enormi lill-ikbar industriji li jniġġsu bħall-avjazzjoni permezz ta' eżenzjoni mit-taxxa għall-pitrolju, sussidji fuq il-fjuwils fossili u nuqqas ta' armonizzazzjoni fir-rigward ta' taxxa fuq il-biljetti madwar l-UE kollha; jisħaq li tali sussidji mhumiex garanzija għal kundizzjonijiet ekwi fir-rigward ta' mod aktar sostenibbli ta' trasport li jopera fl-istess ċirkostanzi; jisħaq li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri huma responsabbli biex japplikaw il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas għas-settur tal-avjazzjoni; jinnota li t-tneħħija gradwali tal-għajnuna operatorja għal impjanti tal-faħam li ma jagħmlux qligħ ġiet aċċettata mill-Istati Membri fil-passat, iżda li l-għajnuna operatorja għal ajruporti li ma jagħmlux qligħ għadha tippersisti; jitlob li l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas jiġi applikat ukoll għal mezzi ta' trasport ta' lussu bħal SUVs u dgħajjes lussużi u jitlob li jiġu pprojbiti l-jets privati;

    41. Jirrimarka li l-iżvilupp ta' karozzi konnessi u awtomatizzati ġie xprunat, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mit-teknoloġija; jitlob, għalhekk, li jiġu investigati l-impatt soċjali u l-kompatibbiltà ta' din it-teknoloġija mal-valuri u l-għanijiet umani u ambjentali; iqis li l-użu ta' servizzi ġodda tat-trasport bħal ride-sharing u "mobilità bħala servizz" (Maas), flimkien ma' sistemi ta' tariffi għall-użu tat-triq, m'għandhomx jittardjaw minħabba ostakli leġiżlattivi peress li huma preferuti mill-użu privat tal-vetturi;

    42. Jirrimarka l-importanza li tiġi ggwidata bidla modali fil-mobilità, billi n-nies jitħeġġu jadottaw drawwiet sostenibbli b'inċentivi ekonomiċi, titqajjem kuxjenza tal-impatti ambjentali tal-mezzi individwali tat-trasport u billi jiġu kkoordinati u żviluppati servizzi ta' trasport b'emissjonijiet baxxi bħat-trasport pubbliku; jisħaq li l-karozza elettrika, waħedha, mhux se ssolvi l-problemi ambjentali kkawżati mit-trasport mingħajr bidla fundamentali li tisfida l-prevalenza tat-trasport individwali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ispejjeż ta' din it-tranżizzjoni jinqasmu b'mod ġust, filwaqt li jiġi żgurat li l-mobilità ma ssirx lussu għall-aktar persuni vulnerabbli, u li dan jiġi kontrobbilanċjat b'mezzi oħra bħat-tnaqqis fit-tassazzjoni; jissottolinja, barra minn hekk, li għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tal-mobilità tar-reġjuni mbiegħda u insulari, b'mod partikolari sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet demografiċi u ta' għajxien diġà ħorox ta' dawn ir-reġjuni;

    Mill-"Għalqa sal-Platt": it-tfassil ta' sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

    43. Jinnota bi tħassib li l-agrikoltura, is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel għadhom l-akbar kawża tat-telf ta' bijodiversità terrestri u tal-baħar; jirrimarka li l-intensifikazzjoni u l-abbandun ta' sistemi ta' biedja b'bijodiversità rikka u b'intensità baxxa huma fost il-pressjonijiet ewlenin relatati mal-agrikoltura li jikkontribwixxu għal din ix-xejra negattiva; jenfasizza li l-ewtrofikazzjoni, ikkawżata min-nitroġenu mill-irziezet tal-bhejjem u mill-użu ta' fertilizzanti sintetiċi, hija fattur ewlieni ieħor wara dan it-telf tal-bijodiversità; jemmen li t-telf tad-dakkara, inklużi n-naħal, huwa ta' tħassib partikolari mil-lat tas-sigurtà alimentari minħabba li l-għelejjel li jiddependu mid-dakkara għandhom rwol importanti fid-dieti tagħna; jemmen ukoll li l-agrobijodiversità hija waħda mill-isfidi l-kbar ta' żminijietna, peress li, skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), mid-disgħinijiet sal-lum tlifna 75 % tad-diversità ġenetika tal-pjanti, peress li d-dieta tal-bniedem tal-lum hija primarjament ibbażata fuq 12-il speċi ta' pjanti u 14-il speċi ta' annimali;

    44. Jiddispjaċih li l-politika agrikola tal-UE evolviet biex l-ikel jiġi kkunsidrat bħala komodità; jemmen b'konvinzjoni li l-ikel huwa dritt bażiku tal-bniedem; jissottolinja li hija meħtieġa trasformazzjoni radikali tas-sistema tal-ikel kollha kemm hi biex jitwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, jiġu promossi dieti bbażati fuq il-pjanti sani, nutrittivi u sostenibbli għall-pjanti u tiġi żgurata s-sigurtà alimentari u s-sovranità madwar id-dinja;

    45. Jemmen li l-pestiċidi kimiċi, il-fertilizzanti artifiċjali, l-inġinerija ġenetika fil-forom kollha tagħha, il-biedja industrijali u s-sajd żejjed, l-importazzjonijiet enormi ta' għelejjel li fihom il-proteini u dawk għall-enerġija u l-globalizzazzjoni li għaddejja bħalissa fil-katina alimentari qed jheddu l-futur tal-pjaneta u tal-produzzjoni tal-ikel u m'għandhom jiġu sussidjati bl-ebda mod u minflok għandhom jitwaqqfu mill-aktar fis possibbli; jinnota li din il-globalizzazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel ma kinitx ta' benefiċċju għall-produtturi primarji, settur li huwa kkaratterizzat minn produzzjoni taħt il-kost, gwadanji baxxi u esponiment għal prattiki kummerċjali inġusti minħabba n-natura frammentata tiegħu; ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tal-Parlament biex tipproponi leġiżlazzjoni b'impenn vinkolanti fil-livell tal-UE dwar it-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi b'kontribuzzjonijiet nazzjonali vinkolanti; jitlob li l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-UE jiġu riveduti bil-għan li jintlaħqu dawk l-objettivi, u li jiġu riveduti ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles, b'mod partikolari l-ftehim bejn l-UE u l-MERCOSUR, li għandu jiġi rivedut;

    46. Jissottolinja li mekkaniżmi volontarji u bbażati fuq is-suq mhux se jkunu biżżejjed biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta għal sistema alimentari sostenibbli; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal mekkaniżmi u miri ambizzjużi u legalment vinkolanti; jiddeplora l-fatt li l-politiki agrikoli u tas-sajd komuni attwali u proposti ma jipprevedu bl-ebda mod l-indirizzar tal-isfidi ambjentali u soċjali fl-agrikoltura, is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel; jinnota li l-bidu tal-politika agrikola komuni riveduta x'aktarx li jittardja għall-bidu tal-2022; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tiżgura li mill-bidu nett il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-agrikoltura jirriflettu kompletament l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; huwa tal-opinjoni li meta l-flessibbiltà tiżdied, ikun jeħtieġ li tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' responsabbiltà, governanza u monitoraġġ b'saħħitha u robusta, kif ukoll regoli stretti dwar it-trasparenza fl-abbozzar tal-pjanijiet fil-livell nazzjonali sabiex jinkisbu l-objettivi; jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiżgura li dawn il-pjanijiet strateġiċi jiġu vvalutati skont kriterji klimatiċi u ambjentali robusti; jissottolinja li dawn il-pjanijiet għandhom iwasslu għall-użu ta' prattiki sostenibbli, bħall-biedja organika, l-agroekoloġija, l-agroforestrija u standards ta' benessri tal-annimali aktar stretti;

    47. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Strateġija mill-Għalqa sal-Platt olistika u ambizzjuża biex verament tittrasforma s-setturi Ewropej tal-ikel, tas-sajd u tal-agrikoltura; jisħaq li din l-istrateġija għandha tqis il-limiti tal-pjaneta u s-saħħa u l-benessri tal-bniedem u tal-annimali bħala l-punti tat-tluq tagħha u għandha tkun ibbażata fuq il-kunċett tal-agroekoloġija u tas-sostenibbiltà;

    48. Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra u sistemi tal-ikel lokali, li l-vantaġġi tagħhom jinkludu prezzijiet aktar ġusti għall-bdiewa, aċċess għal prodotti friski u staġjonali għall-konsumaturi, tnaqqis tal-impatt ambjentali u koeżjoni soċjali akbar fil-livell lokali; iqis li dan l-għan jeżiġi bidla fundamentali fil-politika agrikola komuni biex tiġi miġġielda u titreġġa' lura x-xejra ta' żieda fil-liberalizzazzjoni u biex jissaħħu l-istrumenti ta' produzzjoni u ta' regolamentazzjoni tas-suq;

    49. Jisħaq li l-Istrateġija mill-Għalqa għall-Platt għandha tinkludi miri ta' tnaqqis vinkolanti u ambizzjużi għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra agrikoli u għad-degradazzjoni tal-art u għall-użu ta' pestiċidi kimiċi, fertilizzanti artifiċjali u antibijotiċi, inkluża t-tneħħija ta' malajr tal-użu ta' pestiċidi sintetiċi u mikroplastik fil-fertilizzanti, u li għandha tinkludi wkoll miri vinkolanti ta' espansjoni għall-produzzjoni organika; jenfasizza li l-istrateġija għandha tippromwovi l-agroforestrija, tintroduċi leġiżlazzjoni u infurzar addizzjonali biex tipproteġi l-benessri tal-annimali kollha użati fil-katina alimentari u biex tiżgura li s-sensibbiltà tal-annimali titqies fil-politiki rilevanti kollha, u għandu jkun fiha pjan biex jintemmu l-importazzjonijiet enormi ta' komoditajiet relatati mad-deforestazzjoni, bħalma huma s-sojja, iż-żejt tal-palm u l-qamħirrum kif ukoll impenn biex titwaqqaf l-importazzjoni u l-kultivazzjoni tal-organiżmi ġenetikament modifikati kollha fl-UE; iqis li l-għoti ta' privattivi għal żrieragħ u proċessi bijoloġiċi essenzjali mhuwiex aċċettabbli;

    50. Jissottolinja l-ħtieġa għal tranżizzjoni soċjali u ġusta fl-agrikoltura; jisħaq li l-politiki agrikoli u dwar il-kummerċ internazzjonali tal-UE jridu jiġu orjentati mill-ġdid 'il bogħod mill-mudell industrijalizzat attwali, ibbażat fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, li jħalli l-produtturi primarji esposti għall-avvenimenti ġeopolitiċi lil hinn mill-kontroll tagħhom, lejn wieħed fejn is-sovranità tal-ikel, li tinkorpora ikel ta' kwalità għolja, ir-redditi tal-produtturi ġusti, il-protezzjoni ambjentali u l-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali, b'enfasi speċjali fuq il-ħaddiem fil-katina alimentari, ikunu l-għanijiet primarji;

    Il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u tal-bijodiversità

    51. Jisħaq li l-bijodiversità u n-natura m'għandhomx jitqiesu biss bħala "kapital naturali" li għandu jintuża, iżda minflok għandhom jiġu rikonoxxuti bħala wirt komuni għall-umanità kollha, u jappella għal approċċ differenti għan-natura fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; jemmen b'konvinzjoni li n-natura għandha valur intrinsiku fiha nnifisha li jeħtieġ li jiġi rispettat, u jirrifjuta kull tentattiv li jimmonetizza n-natura jew li jikkwantifikaha fir-rigward tal-valur tal-użu;

    52. Jiddispjaċih ferm li l-Ewropa qed tkompli titlef il-bijodiversità b'rata allarmanti, kif ukoll li mhu qed jirnexxielha tilħaq ebda waħda mill-miri ta' qabel biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jitlob sforzi sinifikanti ta' konservazzjoni biex jitreġġgħu lura x-xejriet attwali u tittaffa l-pressjoni minn fuq id-dinja naturali; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, implimentazzjoni sħiħa ta' firxa ta' miżuri ta' politika meħtieġa biex isir titjib, li għandu jkun ibbażat fuq miri legalment vinkolanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha, inklużi l-politiki settorjali;

    53. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tippreżenta Strateġija dwar il-Bijodiversità sa Marzu 2020; itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, li l-qerda tal-ħabitats hija l-fattur l-aktar importanti li jwassal għat-telf tal-bijodiversità u hija prijorità partikolari meta jiġi indirizzat dan it-telf, jiġifieri permezz tat-tnaqqis tad-degradazzjoni u tal-frammentazzjoni;

    54. Huwa tal-fehma li l-kawżi tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità huma globali u mhumiex limitati għal fruntieri nazzjonali; jappoġġja għaldaqstant il-proposta tal-Kummissjoni għal mira globali għall-protezzjoni tal-bijodiversità li għandha tiġi stabbilita fil-Konferenza dwar il-Bijodiversità tan-NU f'Ottubru 2020;

    55. Jenfasizza li miżuri volontarji u mekkaniżmi bbażati fuq is-suq, bħat-tikkettar u "Round Tabels" ma tantx huma biżżejjed biex iwaqqfu d-deforestazzjoni relatata mal-prodotti importati bħaż-żejt tal-palm u s-sojja; jitlob li jkun hemm miri legalment vinkolanti u miżuri regolatorji biex titwaqqaf id-deforestazzjoni assoċjata mal-prodotti importati fl-UE;

    56. Jemmen li żoni b'bijodiversità rikka ta' infrastruttura ekoloġika urbana jgħinu jindirizzaw it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-impatti tat-tibdil fil-klima, il-mewġiet tas-sħana, l-għargħar u l-problemi tas-saħħa pubblika; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni se tagħmel proposti għal bliet ekoloġiċi Ewropej u żżid il-bijodiversità fi spazji urbani, u jitlob li jkun hemm urġenza u ambizzjoni f'dawn il-proposti; jilqa' l-inizjattivi kollha li jappoġġjaw il-biedja urbana;

    57. Jenfasizza li l-foresti huma riżerva ewlenija tal-bijodiversità; jissottolinja li ż-żoni forestali huma kruċjali biex jirregolaw iċ-ċiklu tal-ilma, jassorbu s-CO2 u jipprovdu possibbiltajiet ta' rikreazzjoni qrib in-natura; jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-Foresti tal-UE għat-tħawwil ta' siġar ġodda u r-restawr ta' foresti li saritilhom ħsara jew li naqsu sew u l-isforzi tagħha biex tinkoraġġixxi importazzjonijiet li ma joħolqux deforestazzjoni barra mill-pajjiż sabiex jiġi minimizzat ir-riskju għall-foresti madwar id-dinja; jisħaq li l-isforzi kollha ta' afforestazzjoni u riforestazzjoni għandhom jimmiraw li jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità kif ukoll il-ħżin tal-karbonju;

    58. Jirrikonoxxi r-rwol tal-ekonomija blu fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-Ekonomija Blu trid tkun verament sostenibbli peress li l-użu tar-riżorsi tal-baħar jiddependi direttament jew indirettament mill-kwalità u mir-reżiljenza fit-tul tal-oċeani; jitlob li titfassal strateġija komuni mal-pajjiżi ġirien għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, l-istabbiliment ta' żona ta' kontroll tal-emissjonijiet u t-tisħiħ tan-netwerk ta' żoni protetti tal-baħar u l-interkonnessjoni tagħhom fil-Baħar Mediterran; jilqa' l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd li jnaqqsu l-impatti negattivi li s-sajd jista' jkollu fuq l-ekosistemi, speċjalment f'żoni sensittivi, u l-wegħda tal-Kummissjoni li tappoġġja żoni protetti tal-baħar aktar konnessi u ġestiti b'mod tajjeb; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi dwar il-limiti ta' qbid u jikkundanna kull sussidju ta' żidiet fid-daqs tal-flotta;

    59. Jitlob aktar finanzjament għall-azzjoni ambjentali u klimatika, permezz tal-programm LIFE, li jammonta għal mill-inqas 1 % tal-baġit kollu tal-UE fi żmien qasir, kif ukoll il-politika agrikola komuni, li għandhom iħallsu lill-bdiewa għas-sekwestru tal-karbonju u s-servizzi tal-ekosistema, filwaqt li jiġu rispettati l-ispeċijiet u l-ekosistemi indiġeni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Qafas ġdida dwar il-Ħamrija u tipproteġi b'mod adegwat il-ħamrija fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex iżżid is-siti tan-Natura 2000 ħalli tkopri tal-anqas 30 % taż-żoni tal-art, tal-ilma ħelu u tal-baħar tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa għal strument finanzjarju li jappoġġja l-ġestjoni taż-żoni tan-Natura 2000;

    60. Jinnota li d-domanda għall-bijomassa għall-użu tal-enerġija hija mistennija li tiżdied fil-biċċa l-kbira tax-xenarji ta' dekarbonizzazzjoni; ifakkar li l-użu tal-bijomassa u ż-żieda fil-konsum tal-ikel u tal-għalf jirrikjedu żieda fil-produzzjoni agrikola u forestali, li għandha impatti inaċċettabbli fuq l-ambjent u l-klima; jinsab ferm imħasseb li l-importazzjoni ta' bijomassa solida, bijofjuwils u bijolikwidi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-Ewropa hija assoċjata ma' impatti sinifikanti fuq il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu l-użu tal-bijomassa, u jevitaw li jkun hemm intrappolament dannuż ieħor f'sorsi ta' enerġija mhux sostenibbli;

    Ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mit-tossiċità

    61. Jinnota bi tħassib li t-tniġġis minn sustanzi kimiċi sintetiċi huwa theddida kbira u li qed tikber għall-persuni u l-organiżmi selvaġġi u li sustanzi kimiċi ġodda u ta' legat jibqgħu jiġu rilaxxati fl-ambjent tal-Ewropa, u dawn iżidu l-piż kimiku totali fuq iċ-ċittadini u l-ekosistemi tal-Ewropa u jwassal għal spejjeż soċjali u ekonomiċi għoljin, u joħolqu theddida għan-nisa tqal b'mod partikolari, billi jikkawżaw malformazzjonijiet fit-tfal fil-ġuf, filwaqt li jagħmlu ħsara lill-moħħ li jkun qed jiżviluppa u jnaqqsu l-intelliġenza tagħna; jinnota wkoll li dawn is-sustanzi kimiċi huma marbuta ma' indebolimenti tal-fertilità u żieda fil-każijiet ta' mard bħall-kanċer, filwaqt li jheddu l-kollass tal-ekosistemi tal-Ewropa;

    62. Jenfasizza d-dritt għal ambjent mhux tossiku; jilqa' t-tħabbir ta' Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija, iżda jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni ma bdietx l-istrateġija dwar l-ambjent mhux tossiku li kienet diġà wegħdet fis-seba' Pjan ta' Azzjoni Ambjentali fl-2013; jinnota li din l-istrateġija hija meħtieġa b'mod urġenti biex jitnaqqas b'mod drammatiku l-esponiment tal-Ewropej għal sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali u għal sustanzi perikolużi oħra; jistieden lill-Kummissjoni tressaq l-istrateġija mwiegħda għal ambjent mhux tossiku fl-2020 u biex tkun tinkludi wkoll prodotti għall-konsumatur;

    63. Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-eliminazzjoni tal-esponiment tal-persuni għas-sustanzi kimiċi tossiċi u tnaqqas l-impatti marbuta mas-saħħa sal-2030, bi skeda ta' żmien ċara, indikaturi u miri vinkolanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' proposti leġiżlattivi biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-konsistenza fost id-diversi atti ta' leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sustanzi kimiċi bl-aktar mod protettiv għas-saħħa biex jiġi eliminat l-esponiment għal sustanzi perikolużi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali, is-sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS), il-mikroplastiċi u s-sustanzi ta' tħassib serju ħafna, fl-użi kollha tagħhom, inklużi l-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, il-ġugarelli, il-prodotti mediċinali, il-kożmetiċi, il-bijoċidi u l-pestiċidi, il-prodotti tat-tindif, ir-ritardanti tal-fjammi u użi oħra; jenfasizza li dawn il-miżuri leġiżlattivi huma meħtieġa b'mod urġenti u ma jistgħux jiġu posposti aktar;

    64. Jenfasizza li t-teħid ta' azzjonijiet prekawzjonarji ta' ġestjoni tar-riskji għal gruppi ta' sustanzi kimiċi u l-promozzjoni tal-użu ta' sustanzi kimiċi ppjanati li jkunu sikuri u ċirkolari jistgħu jgħinu biex jillimitaw it-tniġġis futur; jemmen li l-materjali għandhom ikunu ħielsa minn komponenti tossiċi mill-istadju tad-disinn u li l-flussi materjali b'sustanzi kimiċi ta' legat għandhom ikunu detossifikati sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw b'mod sikur u jiġu rriċiklati f'ekonomija ċirkolari; jirrifjuta kull tentattiv biex jitħassar jew jiġi preġudikat il-prinċipju ta' prekawzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

    65. Jenfasizza l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġu żgurati fondi għal riċerka u metodi ta' ttestjar mtejba u appoġġ għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu alternattivi aktar sikuri u li jagħmlu riċerka dwarhom, u biex jiġu promossi s-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' ħsara, il-produzzjoni nadifa u l-innovazzjoni sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li l-ittestjar fuq l-annimali jitnaqqas fil-valutazzjonijiet tar-riskju, u jitlob li jkun hemm aktar sforzi u fondi għal dan l-għan; jirrakkomanda li titfassal sistema ta' twissija bikrija sabiex jiġu identifikati t-theddidiet kimiċi ġodda;

    66. Jemmen li l-ambizzjoni ta' tniġġis żero għandha tkun ibbażata fuq l-aktar għarfien xjentifiku reċenti u m'għandhiex toffri inqas protezzjoni minn dik irrakkomandata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Kummissjoni taġġusta l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE biex tal-anqas jaqblu mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO;

    67. Jemmen li l-konsumaturi għandhom dritt li jkunu infurmati bis-sħiħ; jitlob li jkun hemm sistemi ta' informazzjoni obbligatorji u mifruxa madwar l-Ewropa dwar is-sustanzi kimiċi fil-prodotti, il-materjali u l-iskart tal-konsumaturi kif ukoll kampanji ta' informazzjoni pubblika u ta' sensibilizzazzjoni; jitlob li jkun hemm trasparenza sħiħa u attiva waqt il-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u ta' ġestjoni tar-riskju;

    Il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta

    68. Iqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija drammatikament nieqsa minn pjan ta' finanzjament ċar u ambizzjuż; jistenna li l-Kummissjoni tipproduċi tali pjan ta' finanzjament li juri liema sorsi ta' flus pubbliċi u privati se jintużaw, minn fejn ġejjin dawn ir-riżorsi u kif se jiġu allokati; jistieden lill-Istati Membri involuti fin-negozjati għal proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa dwar taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji biex jilħqu ftehim dwar dan l-istrument; iqis li strument bħal dan jista' jkun wieħed mis-sorsi ta' flus ġodda li l-UE tista' timmobilizza biex tiffinanzja l-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    69. Jemmen li tranżizzjoni ġusta hija aktar minn sempliċiment finanzjament jew riżerva ta' flus, iżda hija approċċ ta' politika globali bbażat fuq investiment li jrid jiżgura li kulħadd jibbenefika minn din it-tranżizzjoni permezz tar-rispett tad-drittijiet soċjoekonomiċi, il-garanzija ta' standards aħjar ta' għajxien u l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-fondi soċjali eżistenti, minflok inaqqsuhom, kif propost għall-Fond ta' Koeżjoni, u biex jiżguraw li l-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta jgħin lir-reġjuni, lill-komunitajiet u lill-ħaddiema vulnerabbli, u joffri protezzjoni mill-assi mhux rekuperabbli kurrenti u futuri; jiddefendi l-ħtieġa li tiġi żgurata allokazzjoni ġusta tar-riżorsi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta' koeżjoni; jemmen li l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta għandu jirrispetta u jsaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija billi jintegra lill-partijiet interessati rilevanti kollha fil-proċess, u li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' żieda sinifikanti fl-infiq pubbliku kif ukoll permezz tal-użu ta' mekkaniżmi ta' finanzjament eżistenti;

    70. Iqis li l-limitu massimu tal-UE fuq is-self nazzjonali ta' 3 % tal-PDG kif preskritt fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u d-defiċit strutturali żero meħtieġ mill-Patt Fiskali ifixklu b'mod sever it-tranżizzjoni ekoloġika billi jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jniedu investimenti pubbliċi massivi biex jiksbu ekonomija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza li issa l-ispejjeż tad-dekarbonizzazzjoni qawwija huma ferm inqas mill-ispejjeż li jirriżultaw mill-effetti tat-tibdil fil-klima; jitlob li jitħassar il-Patt Fiskali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissostitwixxu l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir kif ukoll il-Patt Fiskali ġdid b'Patt ta' Impjiegi u Sostenibbiltà, jew għall-inqas jeskludi l-investiment pubbliku ambjentali u soċjali minn din ir-regola ta' 3 %; jitlob li ssir riforma tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li tippermetti investiment pubbliku mingħajr preċedent fit-tranżizzjoni ekoloġika, is-servizzi pubbliċi u l-protezzjoni soċjali;

    71. Jilqa' l-proposta li l-BEI jiġi ttrasformat fil-Bank Klimatiku ġdid tal-UE u d-deċiżjoni tal-BEI li jiżvesti l-biċċa l-kbira tal-karburanti fossili; jistieden lill-BEI jiżvesti kompletament mill-fjuwils fossili kollha, inkluż il-gass; jistieden lill-Bank Klimatiku ġdid biex jappoġġja t-tranżizzjoni b'self b'rata ta' imgħax żero u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill idaħħlu fis-seħħ regolamenti li jipprojbixxu l-investiment f'setturi li jniġġsu;

    72. Jenfasizza li l-BĊE u l-politika monetarja għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fil-finanzjament tat-tranżizzjoni; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE li tqis li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija "missjoni kritika" għall-bank; jistenna li l-BĊE jiżvesti kompletament mill-fjuwils fossili kollha, inkluż il-gass, fil-programm tiegħu ta' xiri tas-settur korporattiv; jistieden lill-BĊE jimmobilizza għodod ta' ġestjoni prudenzjali favur assi ekoloġiċi u jċaqlaq l-investiment lejn attivitajiet sostenibbli, u jimmobilizza għodod ta' superviżjoni bħal testijiet tal-istress biex jivvalutaw l-assi kif xieraq u jnaqqsu r-riskji ambjentali; jitlob li l-istandards tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni jiġu riveduti biex jinkludu kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-valutazzjonijiet tagħhom; iqis li l-BĊE għandu jkun kapaċi jsellef il-flus direttament lill-Istati Membri b'self b'rata ta' mgħax żero biex jippermetti investiment pubbliku massiv fit-tranżizzjoni; jistieden għalhekk lill-Kunsill u lill-Istati Membri jirrieżaminaw il-mandat tal-BĊE biex ikun jista' jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-finanzjament tat-tranżizzjoni, inkluż permezz ta' self dirett lill-Istati Membri;

    73. Iqis li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huwa ta' ħsara u skadut, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirtiraw minnha mill-aktar fis possibbli;

    74. Jenfasizza li l-Istati Membri jitilfu biljuni ta' dħul kull sena minħabba l-evitar tat-taxxa, u li dawn is-somom jistgħu jiġu investiti fit-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipproduċu lista sewda kredibbli u kompluta tar-rifuġji fiskali kollha u jadottaw trasparenza fiskali u rappurtar pubbliku pajjiż b'pajjiż biex jiżguraw li l-kumpaniji l-kbar jiġu intaxxati fejn jiġi ġġenerat id-dħul; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-prattiki tat-taxxa dannużi tal-Istati Membri u tistabbilixxi taxxa fuq l-introjtu korporattiva effettiva minima biex twaqqaf il-ġirja lejn l-iktar livell baxx;

    75. Jitlob li jiġu żviluppati inċentivi fiskali ġodda biex jiskoraġġixu attivitajiet li huma ta' ħsara għall-ambjent; jenfasizza li d-dħul minn dawn it-taxxi għandu jkun iddedikat kollu kemm hu għall-finanzjament tat-tranżizzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li ssir analiżi tad-distribuzzjoni qabel ma jiġu stabbiliti inċentivi fiskali bħal dawn biex jiġi żgurat li dawn ma jżidux l-inugwaljanzi;

    76. Jemmen li l-ebda tranżizzjoni effettiva ġusta ma hija possibbli fi ħdan il-qafas ekonomiku neoliberali; jistieden lill-Kummissjoni tieqaf minn dan il-qafas u ttemm il-miżuri ta' awsterità u l-politiki antisoċjali bbażati fuq l-awsterità, bħal dawk irrakkomandati bħala parti mis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala opportunità u l-ħtieġa li jiżdied l-investiment pubbliku fil-livell Ewropew;

    77. Ifakkar fir-rwol tal-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet fit-tranżizzjoni ekoloġika, u jinnota li impjiegi ta' kwalità b'livell baxx ta' karbonju jinkludu wkoll dawk li jmorru lil hinn mix-xogħol iebes, inkluż xogħol fis-setturi tal-kura, tas-saħħa u tal-edukazzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu kkonsultati u involuti s-sħab soċjali; jinsisti li l-bini tal-kapaċità tar-reġjuni u tal-muniċipalitajiet għandu jiġi inkluż sabiex dawn il-partijiet interessati jkunu parti mis-soluzzjoni u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament disponibbli;

    78. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta biex tappoġġja lir-reġjuni, lill-komunitajiet u lill-ħaddiema vulnerabbli, tiffinanzja attivitajiet ġodda li jirrispettaw l-ambjent sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli, tiġi promossa l-produzzjoni lokali, jiġi ffinanzjat it-taħriġ tekniku mill-ġdid għall-ħaddiema u jingħataw indennizzi u allowances lill-ħaddiema li jkunu qed ifittxu impjiegi ġodda ta' kwalità; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji xierqa għall-infiq ta' tranżizzjoni ġusta, inkluża t-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili bħala kondizzjonalità; jitlob li l-qgħad jiġi indirizzat permezz ta' programmi ta' taħriġ u edukazzjoni li jiffukaw fuq impjiegi sostenibbli u impjiegi ta' kwalità adattati għall-futur;

    Il-mobilizzazzjoni tar-riċerka u t-trawwim tal-innovazzjoni

    79. Jinnota l-importanza ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi biex jinstabu soluzzjonijiet ġodda għall-kriżi klimatika li jipproduċu beni pubbliċi; jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jaċċellera l-investiment fi prattiki sostenibbli; jenfasizza, madankollu, li diġà jeżistu s-soluzzjonijiet għall-kriżi klimatika u li l-punt ta' xkiel ewlieni huwa n-nuqqas ta' rieda politika; jinnota bi tħassib l-interessi finanzjarji tal-industrija tal-fjuwils fossili fil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' ġeoinġinerija għall-klima;

    80. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fir-riċerka fi fjuwils alternattivi sostenibbli, b'mod partikolari għas-setturi tal-avjazzjoni u dak marittimu, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-programm Orizzont Ewropa biex tappoġġja l-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika, b'mod partikolari fis-setturi diġitali u industrijali; jinnota r-rwol li teknoloġiji ġodda jista' jkollhom fl-adattament, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw l-isforzi ta' riċerka fuq it-teknoloġiji ta' adattament;

    "Tagħmilx ħsara" - L-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE

    81. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ġurament ekoloġiku li ma ssir l-ebda ħsara, u tabilħaqq jinsisti li l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiksbu tranżizzjoni ġusta; jirrimarka li l-politiki tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-kummerċ kurrenti tal-UE fil-fatt qed jagħmlu ħafna ħsara lill-ambizzjonijiet kollha tal-klima, tal-bijodiversità u tat-tranżizzjoni ġusta kif stipulat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza li huma meħtieġa bidliet radikali f'dawn l-oqsma kollha sabiex titwettaq xi waħda minn dawn l-ambizzjonijiet; jitlob li dawn il-fatti jiġu rikonoxxuti b'mod ċar u biex isiru proposti kuraġġużi sabiex itemmu dawn il-kontroversji fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

    82. Jenfasizza li l-kummerċ irid ikun konformi mal-għan tat-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw il-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-bijodiversità fil-forma ta' dispożizzjonijiet vinkolanti fil-ftehimiet kollha kummerċjali u ta' investiment sabiex is-sħab jingħataw inċentiv li jirrispettaw il-mira ta' 1.5 °C stabbilita fil-Ftehim ta' Pariġi u l-mira li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrevedu l-ftehimiet kummerċjali sabiex jinkorporaw l-obbligi tal-klima u tal-bijodiversità ambizzjużi u vinkolanti f'dawn il-ftehimiet bilaterali u b'hekk jinċentivaw lis-sħab biex jadottaw strateġiji klimatiċi skont il-Ftehim ta' Pariġi; jappella biex jintemmu t-taħditiet kummerċjali bejn l-UE u l-MERCOSUR u bejn l-UE u l-Awstralja u biex jintemmu l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles kollha;

    83. Jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa opportunità biex issir pressjoni għal kummerċ internazzjonali ekwu u ġust li huwa ta' benefiċċju reċiproku għan-nies, huwa bbażat fuq is-solidarjetà u huwa allinjat bis-sħiħ mal-objettivi klimatiċi u soċjali tagħna; jirrakkomanda bidla fundamentali mill-kompetizzjoni għal komplementarjetà fil-kummerċ internazzjonali, u jirrikonoxxi d-dritt sovran tal-Istati Membri li jfasslu l-politiki kummerċjali tagħhom skont dan il-prinċipju; jinsisti li ma għandha tkun permessa l-ebda importazzjoni fl-UE ta' oġġetti li jiġu prodotti bi ksur tar-regoli ambjentali tal-UE, u li l-kumpaniji kimiċi tal-UE ma jridux jitħallew jesportaw pestiċidi li l-użu tagħhom huwa pprojbit fl-UE;

    84. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq eżami analitiku komprensiv tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali kollha tagħha ffirmati jew li qed jiġu nnegozjati, bil-ħsieb li jiġu adattati għall-objettivi dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fl-inizjattiva l-ġdida tad-WTO dwar it-tibdil fil-klima; jistmerr l-użu ta' mekkaniżmi ta' protezzjoni tal-investiment fil-forom kollha bħas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jirrevedu l-ftehimiet eżistenti kollha biex ineħħu dawn il-mekkaniżmi ta' ħsara malajr kemm jista' jkun u biex ma jinkludu l-ebda wieħed minn dawn l-istrumenti fi ftehimiet futuri;

    85. Jemmen li l-istrateġija ta' dekarbonizzazzjoni tal-UE trid tinkludi l-promozzjoni tal-paċi u t-tmiem tal-kumpless militari-industrijali; jenfasizza li l-kumpless militari-industrijali jikkostitwixxi sors ewlieni ta' tniġġis ambjentali fuq il-pjaneta, u li l-kont tal-enerġija tal-gwerra jaqbeż bil-kbir dak ta' diversi attivitajiet oħra tal-bniedem; jitlob li l-baġits ta' sigurtà u ta' difiża jitwarrbu għal azzjoni klimatika;

    86. Ifakkar li l-industrija militari hija waħda mis-sorsi ewlenin ta' tniġġis ambjentali fuq il-pjaneta; jikkundanna l-kontradizzjonijiet tal-Kummissjoni fl-adozzjoni ta' retorika ekoloġika filwaqt li tiġi promossa l-eskalazzjoni militari fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu lura milli jidderieġu r-riżorsi finanzjarji lejn l-ispejjeż militari, biex immedjatament iwaqqfu t-tellieqa kontinwa tal-armi u jallokaw dawk ir-riżorsi lill-oqsma ambjentali u soċjali;

    87. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jinkisbu riżultati sinifikanti u li jistgħu jitkejlu meta l-għanijiet ambjentali jiġu integrati fil-politiki settorjali; jitlob li l-baġits pubbliċi, l-investimenti privati u s-swieq finanzjarji jiġu orjentati mill-ġdid lejn il-promozzjoni ta' tranżizzjonijiet tas-sostenibilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jadottaw mezzi biex ikejlu l-progress tas-soċjetà lejn is-sostenibbiltà li jmorru lil hinn mill-PDG u jqisu l-benesseri tan-nies, tal-annimali u tal-pjaneta, billi jużaw sett ta' indikaturi;

    88. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina dawn l-oqsma differenti ta' politika biex tippermetti l-bidla trasformattiva madwar l-Ewropa li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-viżjoni fit-tul ta' "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"; jittama li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tant meħtieġ toħloq oqfsa ta' politika sistemiċi b'miri vinkolanti filwaqt li tinvolvi lill-partijiet interessati kollha;

    89. Jikkundanna kwalunkwe retorika dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu l-burokrazija u l-piżijiet amministrattivi bil-għan li jiġu mxekkla l-bidliet leġiżlattivi tant meħtieġa; jirrifjuta l-kunċett ta' "one in one out"; jenfasizza li regolamentazzjoni tassew aħjar tista' tinkiseb biss billi jinħoloq bilanċ ekwu u ġust bejn il-possibbiltà ta' input u parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili, ix-xjenza u l-industrija; jitlob li jkun hemm demokrazija u trasparenza sħaħ fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u t-tfassil u n-negozjar ta' politiki u leġiżlazzjoni, inkluż fi ħdan il-Kunsill u tul il-proċess ta' komitoloġija kollu; jemmen li hemm ħtieġa urġenti li l-livelli kollha tal-gvern u l-governanza jagħtu aċċess attiv għad-dokumenti; jilqa' l-fatt li ġiet ikkunsidrata r-reviżjoni tar-Regolament ta' Aarhus; jenfasizza li l-aċċess sħiħ għad-dokumenti u l-qrati huwa essenzjali sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jimmonitorjaw u jgħinu biex tiġi infurzata l-politika u l-leġiżlazzjoni;

    90. Huwa tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni għandha tkun il-pedament tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali biex jiksbu l-benefiċċji sħaħ tagħhom; jenfasizza li l-miri ambjentali u klimatiċi mhux se jintlaħqu mingħajr implimentazzjoni u finanzjament aktar effettivi tal-miżuri eżistenti fil-politiki ambjentali Ewropej kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fejn meħtieġ biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

    L-UE fl-isfera internazzjonali

    91. Jirrikonoxxi l-fatt li l-piż tal-kriżi klimatika diġà jinħass, u se jkompli jinħass, b'mod qawwi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja, li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja huma iktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima mit-Tramuntana tad-Dinja, diġà qed jesperjenzaw telf u ħsarat, u huma anqas kapaċi biex jadattaw, u li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja kkontribwew ferm anqas għall-kriżi klimatika mit-Tramuntana tad-Dinja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru solidarjetà reali man-Nofsinhar tad-dinja u jirrikonoxxu u jaġixxu fuq ir-responsabbiltà storika u d-dejn tal-klima tiegħu;

    92. Iqis li l-Ftehim ta' Pariġi jinsab mhedded minħabba l-impatt negattiv tal-forzi tal-lemin globalment, u jqis li l-COP26 hija mument kruċjali li jew idgħajjef jew isaħħaħ l-integrità tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li l-UE għandha tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura l-integrità tal-Ftehim ta' Pariġi u li dan għandu jkun parti fundamentali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    93. Jiddeplora bil-qawwa l-eżiti tal-COP25 f'Madrid, Spanja, ospitata taħt il-Presidenza Ċilena, u jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress li sar f'dawn it-taħditiet ta' livell għoli; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Istati Membri, biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv ma' Partijiet oħra għall-Ftehim ta' Pariġi matul is-sena kollha biex jiżguraw riżultati pożittivi u ambizzjużi fil-COP26 fi Glasgow u jevitaw repetizzjoni tal-COP25;

    94. Jemmen bis-sħiħ li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jridu jkunu parti integrali mit-tranżizzjoni ekoloġika u li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jimmira li jilħaq dawn l-għanijiet fl-intier tagħhom u jadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-azzjoni klimatika;

    95. Jemmen li r-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali għandhom ikunu ta' benefiċċju reċiproku, u jiċħdu kull forma tan-neokolonjaliżmu u jiggarantixxu drittijiet soċjoekonomiċi għal kulħadd; jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jimpenjaw ruħhom ma' partijiet terzi b'mod attiv u fl-ispirtu ta' sħubijiet sinċiera; jirrifjuta kull forma ta' neokolonjaliżmu, li jissuġġetta n-Nofsinhar Globali għall-kontroll jew l-influwenza ta' pajjiżi oħra u jidħol fis-sovranità ta' dawn l-istati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jpoġġu l-kriżi klimatika u dik tal-bijodiversità fil-quċċata tal-aġendi tal-fora internazzjonali kollha, inklużi l-G7 u l-G20;

    96. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-movimenti tal-klima globali, bħall-moviment "Fridays for Future" (Nhar ta' Ġimgħa għall-Ġejjieni) li qed iġibu l-kriżi klimatika fuq quddiem nett tad-dibattitu u l-kuxjenza pubbliċi; jemmen li l-attiviżmu u l-protesti huma parti essenzjali ta' din it-tranżizzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-parlamenti nazzjonali u reġjonali b'setgħat leġiżlattivi, it-trejdjunjins, l-NGOs, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini jkunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    97. Jinnota bi tħassib kbir li 100 kumpanija madwar id-dinja huma responsabbli għal 71 % tal-emissjonijiet globali; itenni r-responsabbiltà tal-kumpaniji li jiddekarbonizzaw l-attivitajiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal dmir korporattiv ta' viġilanza li jinvolvi r-responsabbiltà tal-kumpaniji prinċipali għal danni ambjentali u ksur tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem li jseħħu fil-katini tal-valur globali tagħhom;

    98. Jemmen li huwa ta' importanza kbira li l-UE tirrikonoxxi d-dejn klimatiku u r-responsabbiltà storika tagħha li tiddekarbonizza aktar malajr, filwaqt li tirrikonoxxi l-punti ta' tluq differenti fost l-Istati Membri tagħha; jistieden lill-UE tirrikostitwixxi l-fondi għall-klima fil-livell internazzjonali u turi tmexxija globali fil-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-sejħiet tagħhom għal kumpens għal telf u danni u biex japprovaw b'mod attiv sistema finanzjarja ta' solidarjetà internazzjonali;

    99. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mekkaniżmu komprensiv ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera li jkun ibbażat biss fuq kriterji klimatiċi, ambjentali u tal-benessri tal-annimali u kundizzjonijiet tax-xogħol ivvalutati mill-ILO biex jappoġġjaw il-produzzjoni lokali, il-prezzijiet ġusti u l-katini tal-provvista qosra u biex jiskoraġġixxu l-konsum ta' prodotti li jkunu vvjaġġaw distanzi twal; jitlob li jkun hemm dmir korporattiv ta' viġilanza u li n-normi soċjali u tax-xogħol ekoloġiċi vinkolanti għandhom jiġu inkorporati fil-katina tal-valur kollha; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-waqfien tad-deforestazzjoni barra mill-UE prijorità ewlenija, billi tibda b'miżuri regolatorji li jindirizzaw id-deforestazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u biex b'hekk jintuża l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera;

    100. Jitlob li l-UE tapprova u tippromwovi l-istabbiliment ta' status ta' "refuġjat minħabba l-klima", inkluża definizzjoni internazzjonali tal-asil tal-klima, u tippromwovi r-rikonoxximent tar-reat internazzjonali ta' ekoċidju u konvenzjoni globali għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili;

    101. Iqis li s-summit UE-Ċina f'Leipzig huwa opportunità ewlenija biex tiġi kkonsolidata t-tmexxija ambizzjuża globali dwar il-klima bejn iċ-Ċina u l-UE; jistenna bil-ħerqa riżultati ambizzjużi fil-Konferenza dwar il-Bijodiversità f'Kunming u jistenna li din tingħaqad ma' strateġiji ambizzjużi ta' adattament u mitigazzjoni tal-klima madwar id-dinja;

    102. Iħeġġeġ bil-qawwa ekonomiji ewlenin oħra biex iżidu l-NDCs tagħhom u jimplimentaw miżuri konkreti f'konformità mal-NDCs tagħhom; jemmen li l-aħjar sinjal li għandu jintbagħat lill-komunità internazzjonali huwa li tmexxi bl-eżempju u tadotta NDC ambizzjuż, u wkoll li tagħti appoġġ lin-Nofsinhar tad-Dinja sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri ambizzjużi ta' mitigazzjoni;

    103. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali b'setgħat leġiżlattivi, trejdjunjins, NGOs, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini biex jiżguraw li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-gvernijiet jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi u jwettqu bis-sħiħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    °

    ° °

    104. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

    Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza