Proċedura : 2019/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0045/2020

Testi mressqa :

B9-0045/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2020 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0005

<Date>{10/01/2020}10.1.2020</Date>
<NoDocSe>B9-0045/2020</NoDocSe>
PDF 245kWORD 64k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI</TitreType>

<TitreSuite>imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni</TitreSuite>

<TitreRecueil>skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Titre>dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew</Titre>

<DocRef>(2019/2956(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Iratxe García Pérez, Miriam Dalli</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

</RepeatBlock-By>

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0040/2020

B9-0045/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

(2019/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

 wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

 wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

 wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5°C, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,

 wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), tal-31 ta' Mejju 2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali[1],

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u jappoġġa l-objettiv tiegħu li jittrasforma lill-UE f'ekonomija aktar sostenibbli u soċjetà aktar ġusta u prospera, filwaqt li jwettaq l-eliminazzjoni gradwali tal-karburanti fossili malajr kemm jista' jkun u jilħaq in-newtralità klimatika fl-Ewropa sal-2050;

2. Jenfasizza bil-qawwa li l-Patt Ekoloġiku u l-mudell li jippreżenta għas-soċjetajiet tagħna għandhom ikunu bbażati fuq tliet pilastri interkonnessi li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku: pilastru aħdar biex jintlaħqu l-miri tal-klima, il-konservazzjoni tan-natura u ambjent b'saħħtu; pilastru aħmar biex tiġi żgurata dimensjoni soċjali qawwija għall-Patt Ekoloġiku; u pilastru finanzjarju, fejn għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex jintlaħqu dawn l-objettivi;

3. Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ b'mod urġenti mudell ekonomiku sostenibbli ġdid li jgħaqqad flimkien il-progress soċjali u ambjentali, inaqqas l-inugwaljanzi u jtejjeb il-benesseri ta' kulħadd, u ma jeskludi lil ebda post u lil ebda persuna;

4. Ifakkar u jafferma mill-ġdid l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, kif ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; itenni li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jqiegħed lill-Ewropa fit-triq ta' tkabbir sostenibbli fit-tul, prosperità u benesseri, filwaqt li jiżgura li l-politiki ambjentali, ekonomiċi u soċjali tagħna jiġu żviluppati biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u biex titwitta t-triq għal bidla soċjali, industrijali u ekonomika pożittiva u sostenibbli, jinħolqu u jinżammu impjiegi b'livell għoli ta' kwalità, jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn l-Istati Membri u d-differenzi fil-livelli ta' żvilupp ekonomiku tagħhom, u jitneħħew kemm id-disparitajiet ġeografiċi kif ukoll id-disparitajiet bejn il-ġeneri u bejn il-ġenerazzjonijiet;

5. Ifakkar li l-emerġenza tal-klima u tal-ambjent hi waħda mill-aktar sfidi importanti li qed tħabbat wiċċha magħhom l-umanità u li l-istati u l-atturi kollha madwar id-dinja jeħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġilduha; jissottolinja r-rwol tal-UE bħala mexxejja dinjija fl-azzjoni klimatika, speċjalment fid-dawl tal-ħruġ tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll il-falliment tan-negozjati fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP25) f'Madrid;

6. Itenni li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jeħtieġ li jiggwidaw din it-trasformazzjoni sabiex l-UE tħalli warajha l-mudell ekonomiku li jippromwovi l-iskart u l-użu bla rażan tar-riżorsi, u minflok tippromwovi mudell għall-iżvilupp tal-bniedem li huwa kompatibbli ma' pjaneta b'saħħitha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ imexxi 'l quddiem rivoluzzjoni industrijali ġdida li tgħaqqad flimkien l-aktar drittijiet soċjali qawwija, l-integrità ambjentali, il-koeżjoni reġjonali, is-sostenibbiltà u industriji li jibqgħu validi fil-ġejjieni u li jkunu globalment kompetittivi, għall-benefiċċju tal-ħafna u mhux tal-ftit;

7. Itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'impatt newtrali fuq il-klima u soċjetà sostenibbli jeħtieġ li titwettaq flimkien mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali sabiex tinħoloq Ewropa bil-koeżjoni soċjali fil-qalba tagħha, fejn il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali jittejbu u mhux jitnaqqru, u fejn aħna nikkompetu globalment abbażi tal-għarfien, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni, u mhux abbażi ta' pagi aktar baxxi, drittijiet imnaqqsa u kundizzjonijiet tax-xogħol aktar prekarji; jitlob li l-inizjattivi kollha meħuda taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew jkunu kompletament kompatibbli mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imkejla b'indikaturi ambjentali u soċjali komprensivi;

Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

8. Jitlob Liġi Klimatika Ewropea ambizzjuża b'għan legalment vinkolanti biex l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jinqatgħu għalkollox sa mhux aktar tard mill-2050, u b'mira intermedja ta' mill-inqas 55 % għall-2030, u jiġi stabbilit għan għall-2040; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha meħtieġa fis-sentejn li ġejjin, b'mod li s-setturi kollha jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet; jitlob lill-Kunsill jadotta l-mira tal-2030 f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi qabel Ġunju 2020; jistenna li d-diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha pendenti tal-Ġabra ta' Regoli tal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż l-Artikolu 6 tiegħu, jiġu ffinalizzati fil-COP26 fi Glasgow;

9. Jemmen li sabiex dawn il-miri jkollhom effett sinifikanti fuq il-prezz tal-karbonju, l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) jeħtieġ li tiġi riveduta, b'mod partikolari billi jiżdied il-fattur lineari ta' tnaqqis u titnaqqas l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti biex jiġi rifless il-progress tekniku;

10. Jemmen li t-tassazzjoni wkoll għandha rwol x'tiżvolġi għall-ilħuq tal-miri l-ġodda; Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrevedu d-Direttiva dwar it-Tassassjoni fuq l-Enerġija[2] u jtemmu l-eżenzjonijiet mit-taxxa għal fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-reviżjoni tevita li jkomplu jiżdiedu l-inugwaljanzi u l-ispejjeż żejda għall-ifqar persuni fis-soċjetà;

11. Itenni li l-istrumenti kollha tal-politika relatati mal-klima jeħtieġ li jiġu riveduti u allinjati, mill-aktar fis possibbli, mal-ambizzjoni klimatika miżjuda tal-UE, sabiex jitwettaq it-tnaqqis addizzjonali fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

12. Jitlob l-adozzjoni rapida ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera ambizzjuż u kompatibbli mad-WTO sabiex tissaħħaħ l-azzjoni klimatika dinjija u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-industriji Ewropej, filwaqt li jiġi żgurat il-qsim tal-piż fost l-ekonomiji ewlenin tad-dinja u jitqiesu l-impatti ta' miżuri bħal dawn fuq il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jilqa' l-fehma tal-Kummissjoni li mekkaniżmu bħal dan ikun alternattiva għall-miżuri tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li qed jittieħdu bħalissa fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza tal-mekkaniżmi kollha ta' protezzjoni fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju sabiex tiġi evitata protezzjoni doppja, ineffiċjenti jew insuffiċjenti;

13. Jitlob strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima, li twieġeb b'mod adegwat għall-emerġenza klimatika dinjija; jirrimarka li l-istrateġija attwali tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għenet biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jiffukaw fuq il-ħtieġa ta' tħejjija għall-perikli klimatiċi, u għenet biex jiġi żgurat li l-politiki u l-baġits fil-livell tal-UE jintegraw konsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima; ifakkar, madankollu, li jinħtieġu aktar sforzi rigward il-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija fl-UE u l-Istati Membri tagħha;

14. Jenfasizza li l-Patt Klimatiku Ewropew jrid ilaqqa' flimkien liċ-ċittadini, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-industrija bħala atturi fit-triq lejn in-newtralità tal-klima, abbażi ta' djalogu ġenwin u proċess parteċipattiv, inkluż fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki, fejn il-partijiet kollha konċernati ser ikollhom vuċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali; iqis li hija importanti l-kooperazzjoni mal-partijiet konċernati minn setturi b'użu intensiv ta' enerġija u s-sħab soċjali rilevanti, speċjalment il-ħaddiema, l-NGOs u l-akkademiċi, fl-istabbiliment ta' patti klimatiċi għal setturi speċifiċi li jistgħu jikkontribwixxu biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju;

15. Itenni li huwa essenzjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess ġenwin għall-ġustizzja ggarantit mill-Konvenzjoni ta' Aarhus billi l-membri tal-pubbliku jkollhom lok jikkontestaw il-legalità ta' deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE b'effetti fuq l-ambjent quddiem il-qrati tal-UE; jemmen, għaldaqstant, li r-Regolament ta' Aarhus għandu jiġi rivedut u li n-nuqqas ta' konformità tal-UE mal-Konvenzjoni jrid jiġi korrett;

It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Patt Ekoloġiku

16. Jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jikkontribwixxi b'mod attiv biex jintlaħqu l-SDGs f'konformità mal-objettivi tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-benesseri tan-nies, l-iżvilupp sostenibbli, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku jeħtieġ li jkun patt għaċ-ċittadini, li jiżgura tranżizzjoni ġusta, kif ukoll l-użu sostenibbli u d-distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi;

17. Jitlob, f'dan il-kuntest, Patt ta' Żvilupp Sostenibbli li jqiegħed l-objettivi soċjali u ambjentali fuq l-istess livell mal-objettivi ekonomiċi; jemmen li l-Patt il-ġdid għandu jikkomplementa l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u b'hekk isolvi l-kuntradizzjonijiet sinifikanti tiegħu f'termini ta' ġustizzja soċjali u ambjentali;

18. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi riformat il-proċess tas-Semestru Ewropew u li dan jinbidel fi proċess ta' Semestru Ewropew għas-Sostenibbiltà, li jikkoordina l-politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jinkisbu l-SDGs; jirrimarka li din ir-riforma trid tpoġġi l-indikaturi ambjentali, soċjali u ekonomiċi fuq l-istess livell;

19. Huwa konxju li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju se ġġib bidliet sostanzjali fix-xejriet tal-produzzjoni, tal-konsum u tax-xogħol fl-Ewropa; jitlob, għalhekk, pjan ta' azzjoni komprensiv għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal, pagi li jippermettu għajxien deċenti, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, inizjattiva għal akkomodazzjoni bi prezz aċċessibbli, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, u l-introduzzjoni ta' direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u qafas legali għad-drittijiet tax-xogħol diġitali, bħad-dritt għall-iskonnessjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fl-istess ħin jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell nazzjonali sabiex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, protezzjoni soċjali u inklużjoni f'dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel;

20. Jitlob responsabbiltà soċjali korporattiva obbligatorja bil-għan li tittejjeb is-sostenibbiltà tal-azzjoni korporattiva; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' tisħiħ sinifikanti tad-demokrazija fuq il-post tax-xogħol sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiġi żgurat l-involviment xieraq tal-ħaddiema fil-proċessi ta' ristrutturar; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jeħtieġ li jinvolvi lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex tinkiseb newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju b'mod ġust, inklużiv u soċjalment sostenibbli;

Il-provvista ta' enerġija nadifa, sigura u bi prezz aċċessibbli

21. Ifakkar li l-prinċipju li "l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel" huwa fundamentali biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE u l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-enerġija, filwaqt li jiġu pprovduti impjiegi lokali fir-rinnovazzjonijiet għal effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija taċ-ċittadini; Jitlob li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija[3] u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[4] jiġu riveduti u li tiġi msaħħa l-implimentazzjoni tagħhom, b'attenzjoni speċjali għaċ-ċittadini vulnerabbli;

22. Ifakkar fil-fatt li l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija għandha tkun kompletament konformi mal-objettiv li tintlaħaq newtralità klimatika sal-2050 filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-riskji relatati mal-qtugħ fil-provvista u tnaqqas l-użu ta' fjuwils importati bi prezz għoli, l-esponiment għal xokkijiet fil-prezzijiet u ż-żidiet sistemiċi fil-prezzijiet; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-istrateġija biex titqies il-ħtieġa dejjem tiżdied għall-elettriku li tirriżulta minn sforzi ta' dekarbonizzazzjoni, bħall-elettrifikazzjoni tal-proċessi industrijali u t-trasport, kif ukoll minn żieda fil-konsum tal-enerġija relatata mal-introduzzjoni tal-Internet tal-Oġġetti;

23. Jenfasizza li s-sistema tal-enerġija futura tal-UE għandha tkun ibbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli bi tneħħija gradwali rapida tal-fjuwils fossili, filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn l-Istati Membri, li tibda bit-tneħħija tas-sussidji tal-fjuwils fossili sal-2020; jissottolinja l-fatt li sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u tas-sostenibbiltà tal-UE, is-setturi kollha jridu jżidu l-użu tagħhom tal-enerġija rinnovabbli;

24. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-faqar enerġetiku billi tipproduċi gwida għall-Istati Membri fl-2020; jitlob azzjonijiet immirati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-għan li jitnaqqas il-faqar enerġetiku filwaqt li jiġi appoġġat l-aċċess ugwali għal għodod ta' finanzjament għar-rinnovazzjonijiet għall-effiċjenza enerġetika;

25. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi inizjattiva ġdida dwar ir-rinnovazzjoni u li tippromwovi mewġa ta' rinnovazzjoni ta' binjiet pubbliċi u privati; jilqa', b'mod partikolari, l-enfasi fuq ir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali biex jiġu megħjuna familji fqar fl-enerġija, u fuq ir-rinnovazzjoni tal-iskejjel u l-isptarijiet; jitlob li jkun hemm aċċess indaqs għal għodod ta' finanzjament għal rinnovazzjonijiet għall-effiċjenza enerġetika;

26. Jesprimi riżervi dwar l-inklużjoni potenzjali tal-emissjonijiet tal-bini fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jenfasizza li fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni potenzjali tal-emissjonijiet tal-bini fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet m'għandhiex tittrasferixxi l-piż tad-dekarbonizzazzjoni għal fuq iċ-ċittadini tagħna;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami b'mod urġenti tal-qafas regolatorju għall-infrastruttura tal-enerġija, inkluż ir-Regolament TEN-E[5], fid-dawl tal-objettiv tal-ksib tan-newtralità klimatika sal-2050; jenfasizza li r-Regolament TEN-E għandu jiġi rieżaminat qabel ma jiġi finalizzat il-QFP 2021-2027 il-ġdid; jenfasizza l-importanza li jiġi kkompletat is-suq Ewropew tal-enerġija rinnovabbli u li tiżdied l-effiċjenza permezz tat-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet;

Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

28. Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-ekonomija ċirkolari, u jistenna bil-ħerqa l-pjan ta' azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv u azzjonijiet biex l-ekonomija Ewropea tiġi trasformata f'mudell verament sostenibbli u ċirkolari, filwaqt li ċ-ċirkolarità tiġi integrata fis-setturi kollha tal-politika;

29. Jaqbel li tenħtieġ azzjoni rapida, b'mod partikolari fir-rigward tas-setturi l-aktar intensivi fl-użu tar-riżorsi, inklużi t-tessuti u l-kostruzzjoni; jitlob proposti ambizzjużi biex ikompli jiġi indirizzat l-użu tal-plastiks u tal-mikroplastiks, inklużi l-mikroplastiks mhux intenzjonati u l-imballaġġ tal-plastik; jappoġġa l-approċċ għad-disinn ċirkolari u l-iffissar ta' rekwiżiti minimi biex prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent jinżammu milli jitpoġġew fis-suq tal-UE, iżda jenfasizza li dawn ir-rekwiżiti jeħtieġ li jkunu robusti u konformi mal-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura ċikli ta' materjali mhux tossiċi billi żżid is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib kbir ħafna, tiffaċilita ċ-ċirkolarità u timminimizza l-impatti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent;

30. Jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata l-ġerarkija tal-iskart; jitlob miri ambizzjużi għall-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid tal-iskart, fosthom it-tnaqqis bin-nofs tal-iskart tal-ikel sal-2030; jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-esportazzjonijiet tal-iskart mill-UE;

31. Jilqa' l-intenzjoni li titressaq proposta leġiżlattiva ġdida biex tiżgura katina tal-valur sikura, ċirkolari u sostenibbli għall-batteriji kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq raggruppament sod u sostenibbli tal-batteriji u tal-ħżin fl-Ewropa, peress li l-ħżin tal-enerġija għandu potenzjal kbir biex inaqqas l-emissjonijiet fit-trasport bit-triq u bil-baħar, kif ukoll fis-sistemi tal-elettriku u tat-tisħin; jenfasizza li l-użu tal-enerġija relatat mal-produzzjoni u l-użu tal-batteriji għandu jkun konformi mal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ż-żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

32. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali biex tixpruna l-konsum sostenibbli, b'mod partikolari bil-għan li jiżdied it-tul tal-ħajja tal-prodotti, filwaqt li tintroduċi dritt ta' tiswija għall-konsumaturi u tipprojbixxi l-obsolexxenza inkorporata tal-apparati; jenfasizza wkoll li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni affidabbli u ċara dwar l-impronta ambjentali u soċjali tal-prodotti;

33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi strateġija industrijali Ewropea ġdida għal industrija b'impatt newtrali fuq il-klima filwaqt li żżomm u tiżviluppa l-kompetittività internazzjonali u tevita d-delokalizzazzjoni tal-industriji Ewropej; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tiffoka fuq l-iżvilupp u l-ħolqien ta' katini ta' valur għal prodotti, proċessi u mudelli kummerċjali ekonomikament vijabbli u sostenibbli, li jinvolvu trasformazzjoni reali tal-produzzjoni industrijali, bil-għan li jinkisbu n-newtralità għall-klima u ċ-ċirkolarità, u ingranaġġ tal-investimenti privati u pubbliċi;

34. Iqis li l-istrateġija industrijali għandha tintegra, kif propost, it-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali, inkluża kunsiderazzjoni dovuta għat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-impatti fuq il-forza tax-xogħol, kif ukoll għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tħares mill-qrib lejn id-dimensjoni reġjonali ta' din l-istrateġija u lejn 'l hekk imsejħa "speċjalizzazzjoni intelliġenti" segwita s'issa; jinsisti li l-istrateġija jeħtieġ tinkludi djalogu soċjali mġedded u msaħħaħ, b'ħaddiema involuti għalkollox fit-tfassil u d-definizzjoni tal-istrateġija;

35. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tqajjem kuxjenza dwar mudelli tan-negozju sostenibbli ġodda, ibbażati fuq bidla fl-imġiba, għall-kiri u l-kondiviżjoni tal-prodotti u s-servizzi, filwaqt li jinżammu bi prezz aċċessibbli u jiġi ggarantit livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u tal-ħaddiema; jenfasizza l-potenzjal tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u soċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenji tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni u gwida ulterjuri dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku, iżda jenfasizza l-importanza li barra minn hekk, jiġu applikati għalkollox il-kriterji soċjali u ta' innovazzjoni;

Naċċeleraw il-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

36. Iqis li huwa kruċjali li tinkiseb tranżizzjoni komprensiva tas-settur tat-trasport lejn mobbiltà sostenibbli mingħajr emissjonijiet, filwaqt li jkunu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet soċjali tagħhom, u li tiġi żgurata mobbiltà bi prezz aċċessibbli minn kulħadd; jenfasizza li l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" għandu jiġi rrispettat, b'mod partikolari f'azzjonijiet bħall-pedaġġ tat-toroq;

37. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq strateġija olistika fit-tul għat-trasport biex tippermetti lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha filwaqt li tiżgura suq intern li jiffunzjona tajjeb; jinsisti li hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mit-trasport, b'mod partikolari fis-settur tal-avjazzjoni u s-settur marittimu; jappoġġa, f'dan ir-rigward, it-tnaqqis fil-kwoti bla ħlas għal-linji tal-ajru fl-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jitlob ukoll inklużjoni rapida tas-settur marittimu fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, akkumpanjata minn proposti ambizzjużi għall-ekoloġizzazzjoni tal-portijiet; jenfasizza li l-ebda azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni fil-livell dinji m'għandha tfixkel il-ħila tal-UE li tieħu azzjonijiet aktar ambizzjużi; jirrikonoxxi l-potenzjal li għandhom il-fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u jitlob li jkun hemm miżuri leġiżlattivi biex jiġi appoġġat l-użu ta' soluzzjonijiet eżistenti u futuri;

38. Jinsisti, bl-istess mod, li l-istandards tal-fjuwils iridu jikkontribwixxu fi tranżizzjoni li ma tistax tkun xprunata esklussivament minn sistema bbażata fuq is-suq; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi miżuri oħra, inkluż it-titjib tal-kwalità tal-fjuwils fit-trasport marittimu billi tipprojbixxi l-użu taż-żjut tal-fjuwil tqal fl-ilmijiet tal-UE u r-rimi ta' residwi tat-tisfija mill-impuritajiet fl-ilmijiet liberi;

39. Jopponi bil-qawwa l-estensjoni tal-ETS biex tkopri t-trasport bit-triq; iqis li l-leġiżlazzjoni speċifika dwar l-istandards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet għandha tissaħħaħ, bħalma għandhom jissaħħu l-istandards tas-CO2 għat-trakkijiet, li ma kinux imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni; jilqa' wkoll l-intenzjoni li jiġu riveduti l-istandards għall-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa mill-vetturi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' standards Euro 7 stretti għall-karozzi, vannijiet u vetturi heavy-duty biex jitnaqqsu l-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent;

40. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri vinkolanti u infurzabbli biex titwitta t-triq għall-elettrifikazzjoni tat-trasport bit-triq; jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva li żżid il-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils alternattivi sostenibbli m'għandhiex tkun ibbażata fuq l-użu ta' bijofjuwils mhux sostenibbli u m'għandhiex tikkontribwixxi biex jinżamm stabbli l-livell ta' karbonju;

41. Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni urġenti tad-Direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi[6] u l-ħtieġa ta' miri vinkolanti għall-Istati Membri; iqis li huwa kruċjali li jiġu żgurati biżżejjed investimenti fl-iżvilupp ta' infrastruttura xierqa għal mobbiltà mingħajr emissjonijiet, inklużi pjattaformi intermodali; jenfasizza r-rwol tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fl-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn mobbiltà intelliġenti, sostenibbli u sikura fl-UE;

42. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-konnettività tan-netwerk ferrovjarju Ewropew, b'mod partikolari l-konnessjonijiet internazzjonali, sabiex it-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija isir aktar attraenti għall-ivvjaġġar għal distanzi medji u twal; jitlob, barra minn hekk, titjib fil-kapaċità tal-ferroviji u tal-passaġġi tal-ilma interni għall-merkanzija;

Mill-"Għalqa sal-Platt": it-tfassil ta' sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

43. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt biex tibni viżjoni verament fit-tul għas-sistema tal-ikel sostenibbli u kompetittiva tal-Ewropa, li tkun kapaċi tiggarantixxi aċċess għal prodotti tajbin għas-saħħa u ta' kwalità għolja permezz ta' miri vinkolanti għall-agrikoltura dwar il-bijodiversità, il-klima, it-tniġġis tal-arja, it-tniġġis tal-ilma, l-użu tal-pestiċidi u d-degradazzjoni tal-art, filwaqt li tindirizza kwistjonijiet ta' sostenibbiltà dwar il-konsum, is-saħħa u l-kummerċ u s-salvagwardja ta' livell għoli ta' saħħa u benesseri tal-annimali, u fl-istess ħin tippromwovi r-reċiproċità tal-istandards ta' produzzjoni tal-UE mas-sħab kummerċjali kollha;

44. Jissottolinja l-importanza tal-bdiewa u s-sajjieda rġiel u nisa Ewropej fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, filwaqt li jiġu żgurati l-għajxien u d-dħul ġust tal-bdiewa u s-sajjieda rġiel u nisa;

45. Ifakkar li filwaqt li l-agrikoltura hija responsabbli għal madwar 10 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE, hija għandha l-potenzjal tgħin lill-Unjoni tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, permezz tal-ġestjoni tajba tal-ħamrija, l-agroforestrija, il-protezzjoni tal-bijodiversità u tekniki oħra ta' ġestjoni tal-art; jirrikonoxxi li l-agrikoltura globali għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet annwali b'madwar 3,9 gigatunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2 sal-2050 – li huwa madwar 8 % tal-emissjonijiet globali attwali ta' gassijiet serra;

46. Jenfasizza li l-politika agrikola komuni (PAK) u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt iridu jiġu determinati flimkien fil-livell Ewropew, biex jikkomplementaw lil xulxin u jipproteġu l-bilanċ ġust bejn il-produzzjoni, is-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent, u jridu jingħataw riżorsi adegwati li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista agroalimentari;

47. Huwa favur PAK sostenibbli u effiċjenti li tħeġġeġ b'mod attiv lill-bdiewa biex jiksbu aktar benefiċċji ambjentali u klimatiċi, inkluż permezz ta' standards komuni u rekwiżiti obbligatorji msaħħa, speċjalment għal skemi ekoloġiċi, li jipprovdu firxa wiesgħa ta' għodod għall-bdiewa li huma adattati għal kundizzjonijiet naturali speċifiċi, bil-għan li jużaw b'mod aktar effiċjenti, ir-riżorsi essenzjali u l-inputs fil-produzzjoni tal-ikel, itejbu l-bijodiversità u l-ħamrija, iżidu l-ħżin tal-karbonju, jippreservaw il-ħabitats sensittivi, jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari, inaqqsu l-iskart fiċ-ċiklu tal-produzzjoni u jneħħu s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-klima;

48. Itenni li t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi huwa wieħed mill-miri ta' prijorità għolja għall-agrikoltura sostenibbli, li għandha l-għan li twaqqaf il-kontaminazzjoni mifruxa tal-ikel, tal-ħamrija u tar-riżorsi tal-ilma u t-tnaqqis tal-bijodiversità, kif ukoll l-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tintroduċi mira obbligatorja fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil madwar l-Ewropa biex titnaqqas il-frekwenza tal-użu tal-pestiċidi;

49. Jenfasizza li sabiex jiġi garantit biżżejjed ikel ta' kwalità għolja u nutrittiv għal popolazzjoni li qed tikber, kif ukoll biex jitnaqqas it-telf u l-ħela tal-ikel, jinħtieġu investimenti fl-innovazzjoni, f'tekniki agrikoli intelliġenti u f'metodi ta' produzzjoni agroekoloġiċi, bħall-qbid tal-metan mid-demel u l-użu ta' fertilizzanti b'mod aktar effiċjenti, bil-għan li jkun hemm sistema agrikola fl-UE li tkun newtrali fl-użu tal-karbonju;

50. Jenfasizza li mit-30 % tal-baġit tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għall-2021–2027 li huwa riżervat għall-azzjoni klimatika, perċentwal minimu ta' 25 % għandu jintuża għall-protezzjoni tal-baħar; jirrikonoxxi l-potenzjal tas-settur tas-sajd fil-kontribut għal dieti aktar tajbin għas-saħħa u li ma jagħmlux ħsara lill-klima; jissottolinja bil-qawwa l-ħtieġa li s-settur jikkonforma mal-objettivi ambjentali, klimatiċi u ta' sostenibbiltà tal-UE bil-għan li jiġu żgurati l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat appoġġ adegwat għas-sajjieda rġiel u nisa Ewropej fit-tranżizzjoni tagħhom lejn attivitajiet tas-sajd sostenibbli;

51. Jitlob reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għoti ta' Informazzjoni dwar l-Ikel lill-Konsumaturi[7] biex tiġi introdotta skema ta' tikkettar nutrizzjonali fuq quddiem tal-pakkett mal-UE kollha sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku u għall-forniment ta' tikkettar nutrizzjonali oġġettiv, trasparenti u ta' għajnuna għall-konsumatur fuq il-prodotti kollha, filwaqt li titqies ir-riċerka tal-konsumatur; jitlob titjib fit-tikkettar obbligatorju tal-pajjiż tal-oriġini u l-għoti ta' informazzjoni ċara dwar l-impronta ambjentali tal-ikel, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar favur l-ambjent; jitlob ukoll għal metodu ta' tikkettar tal-produzzjoni; ifakkar fl-importanza ta' tikkettar trasparenti u ta' għajnuna għall-konsumatur direttament fuq it-tikketti tal-ikel, jemmen li l-mezzi diġitali ta' għoti ta' informazzjoni jistgħu jissupplimentaw iżda mhux jissostitwixxu l-informazzjoni fuq it-tikketta;

52. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tindirizza l-istandards ta' kwalità dupliċi tal-ikel fis-suq intern biex tiżgura li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għall-istess kwalità tal-ikel; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-promozzjoni tal-konsum ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli;

Il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità

53. Jilqa' l-impenji biex tiġi ppreżentata Strateġija ta' Bijodiversità ġdida għall-2030 qabel il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; jenfasizza li l-UE għandha tinsisti għal ftehim ambizzjuż dwar il-qafas ta' wara l-2020 dwar il-bijodiversità li jkollu għan u miri ċari; iqis li huwa kruċjali li jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030 kemm fl-UE kif ukoll globalment;

54. Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-UE mhix qed tissodisfa l-impenji eżistenti tagħha dwar il-bijodiversità kif stabbilit fl-miri ta' Aichi jew fl-istrateġija attwali dwar il-bijodiversità; jissottolinja li l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 trid tinkludi miri legalment vinkolanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha u għandha tkun akkumpanjata minn riżorsi u strumenti suffiċjenti li jiżguraw li dawn il-miri jintlaħqu u li l-istat tal-bijodiversità u tal-ambjent jittejbu b'mod sinifikanti;

55. Jenfasizza l-importanza li jiżdiedu ż-żoni protetti u jitjiebu l-konnettività u l-ġestjoni tagħhom fuq l-art u fuq il-baħar; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Kummissjoni li tidentifika miżuri li jtejbu u jreġġgħu lura l-ekosistemi bil-ħsara, u li tipproponi pjan ta' restawr tan-natura; jissottolinja l-importanza li jiġu koperti l-ekosistemi kollha taħt tali pjan u li jiġu stabbiliti strumenti u miri legalment vinkolanti għar-restawr;

56. Ifakkar li l-foresti huma indispensabbli għall-pjaneta u għall-bijodiversità tagħna; jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li tħejji strateġija ġdida għall-foresti u li tindirizza d-deforestazzjoni globali; jitlob li jkun hemm strateġija ġdida ambizzjuża għall-foresti u miżuri ta' afforestazzjoni li jridu jkunu bbażati fuq is-sostenibbiltà u li jridu jipproteġu u jirrestawraw il-bijodiversità, flimkien mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti azzjonijiet u miżuri li jipprevjenu n-nirien fil-foresti;

57. Jenfasizza li jinħtieġu miżuri regolatorji robusti fuq il-bażi tad-diliġenza dovuta biex jiġi żgurat li l-ebda prodott li jidħol fis-suq tal-UE ma jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ambjent jew il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fi kwalunkwe fażi tal-katina tal-provvista; huwa tal-fehma li l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni għandha tindirizza l-ixprunaturi ewlenin tagħha, fosthom iż-żejt tal-palm, is-sojja, iċ-ċanga u l-kakaw; jitlob lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun malajr tneħħi gradwalment il-bijofjuwils b'riskju ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) użati fl-UE;

58. Jenfasizza li t-8 Programm ta' Azzjoni Ambjentali jrid jirrifletti l-ambizzjoni ppreżentata fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew u jkun allinjat bis-sħiħ ma' u jmexxi 'l quddiem l-implimentazzjoni tal-SDGs;

Ambizzjoni ta' tniġġis żero għal ambjent ħieles mit-tossiċità

59. Jindika li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Zero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija jrid jifforma strateġija komprensiva u trasversali li tħares is-saħħa taċ-ċittadini mid-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis; jenfasizza li din l-istrateġija għandha titbiegħed mit-tnaqqis tat-tniġġis u timxi lejn il-prevenzjoni tat-tniġġis u fl-aħħar mill-aħħar lejn it-tniġġis żero nett, u għandha tindirizza wkoll it-tniġġis minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem, bħal sorsi industrijali, domestiċi, tat-trasport, tat-turiżmu u agrikoli;

60. Itenni li l-UE trid tallinja bis-sħiħ l-istandards tal-kwalità tal-arja mal-aħħar kunsens internazzjonali xjentifiku u mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO; jemmen li l-objettivi stabbiliti skont id-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet[8] jeħtieġ li jissaħħu billi jiġu stabbiliti miri ta' tnaqqis tal-metan, il-karbonju iswed u l-emissjonijiet tal-merkurju sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent; itenni li sadanittant, il-leġiżlazzjoni orizzontali eżistenti dwar il-kwalità tal-arja għandha tiġi implimentata bis-sħiħ;

61. Jissottolinja li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali[9] għandha tagħmel enfasi fuq il-prevenzjoni tat-tniġġis, il-koerenza mal-politiki dwar l-ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni; jindika, f'dan ir-rigward, li r-regoli dwar l-emissjonijiet industrijali jeħtieġ li jiġu mfassla mill-ġdid biex jagħtu prijorità lill-produzzjoni tal-enerġija nadifa, lill-kwalità u l-provvista tal-ilma, lill-ġestjoni tar-riżorsi, u s-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' tħassib; itenni li s-sorsi ta' tniġġis li għadhom ma ġewx indirizzati fil-livell tal-UE, bħall-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu minn bastimenti f'portijiet u minn ajruplani f'ajruporti, jeħtieġ li jiġu indirizzati;

62. Jistenna li l-istrateġija l-ġdida dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà tagħti qafas ġenerali fit-tul għall-politika dwar is-sustanzi kimiċi li tittratta b'mod orizzontali biċċiet ta' leġiżlazzjoni u politiki rilevanti, inklużi l-identifikazzjoni, il-kontroll u t-tneħħija gradwali ta' sustanzi kimiċi ta' tħassib, b'mod partikolari s-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali (EDCs), is-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs), is-sustanzi kimiċi persistenti, in-newrotossikanti u l-immunotossikanti fil-prodotti kollha għall-konsumatur, speċjalment fejn jeżistu alternattivi aktar sikuri, filwaqt li jiġi żgurat ambjent mhux tossiku għal ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri, speċjalment għall-popolazzjonijiet vulnerabbli;

63. Jenfasizza li l-adozzjoni ta' kriterji orizzontali għall-identifikazzjoni tal-EDCs fis-setturi kollha u t-tnaqqis effettiv tal-esponiment globali tal-bnedmin u tal-ambjent għall-EDCs hija ta' importanza ewlenija; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġugarelli u l-kożmetiċi bil-għan li l-EDCs jiġu trattati bl-istess mod bħas-CMRs u biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel ħalli jiġu sostitwiti l-EDCs li għadhom qed jintużaw; jindika, barra minn hekk, li l-qafas komprensiv ġdid dwar l-EDCs irid jiżgura li jitqiesu l-effetti tat-taħlita u l-esponimenti kkombinati;

64. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva ċara dwar it-trattament tal-farmaċewtiċi fl-ambjent, kemm bħala riżultat tal-proċess ta' manifattura kif ukoll tal-użu u r-rimi tal-mediċini;

Il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta

65. Jissottolinja li inizjattivi ġodda jridu jiġu ffinanzjati bi flus ġodda addizzjonali; iqis li huwa biss pjan ta' finanzjament komprensiv ibbażat fuq sett koerenti ta' proposti li jkollu l-għan li jagħtu spinta lill-investimenti pubbliċi u privati f'kull livell (Ewropew, nazzjonali, reġjonali, lokali), li jista' jipprovdi l-investiment addizzjonali meħtieġ biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jemmen bis-sħiħ li l-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u inklużiva għandu jkun fil-qalba ta' dan il-pjan bil-għan li l-problemi ambjentali, soċjali u ekonomiċi jiġu indirizzati b'mod konsistenti u integrat; jemmen li l-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli għandu jgħin il-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali fil-karbonju, filwaqt li jgħin lill-ħaddiema, il-komunitajiet u lill-awtoritajiet lokali u jindirizza l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu bejn in-nies u l-postijiet;

66. Jenfasizza li huma meħtieġa EUR 260 biljun fis-sena f'investiment pubbliku u privat addizzjonali sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030 maqbula bħalissa, u li skont il-Kummissjoni nnifisha, din iċ-ċifra hija biss stima konservattiva; jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri tistma li hu meħtieġ ammont totali ta' EUR 1 115 biljun f'investiment kull sena sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030, u għalhekk jemmen li l-mira tal-Kummissjoni għandha tiġi riveduta 'l fuq;

67. Jitlob għal reviżjoni tal-qafas fiskali Ewropew kurrenti biex jiġi żgurat finanzjament xieraq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-Istati Membri dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-baġits nazzjonali, iżda jibża' li dan se jonqos milli jilħaq l-aspettattivi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u t-territorji Ewropej; jitlob reviżjoni tal-klawżola ta' investiment kurrenti fi ħdan il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-introduzzjoni ta' regola tad-deheb fil-qafas fiskali Ewropew biex jiġi eskluż mill-kalkolu tad-defiċit pubbliku tal-Istati Membri, kwalunkwe investiment pubbliku mmirat lejn il-mitigazzjoni jew l-adattament għat-tibdil fil-klima b'mod ġust u inklużiv;

68. Jilqa' l-adozzjoni mill-bord tad-diretturi tal-BEI fl-14 ta' Novembru 2019 ta' politika ġdida dwar is-self tal-enerġija, bħala kontribut pożittiv lejn il-kisba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jitlob li ssir reviżjoni ulterjuri tal-politika ta' investiment tal-BEI biex jiġi pprovdut finanzjament immirat għal inizjattivi tal-Ftehim Ekoloġiku bħala kwistjoni ta' prijorità, filwaqt li titqies l-addizzjonalità li l-finanzjament tal-BEI jista' jipprovdi flimkien ma' sorsi oħra; jenfasizza li l-koordinament ma' strumenti ta' finanzjament oħra huwa kruċjali minħabba li l-grupp tal-BEI waħdu ma jistax jiffinanzja l-inizjattivi kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jitlob reviżjoni tal-qafas ta' governanza tal-BEI biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika tiegħu;

69. Jenfasizza li jrid jiġi indirizzat l-iżbilanċ kurrenti tas-suq bejn il-provvista baxxa u d-domanda għolja ta' prodotti finanzjarji sostenibbli; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ftehim milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar it-tassonomija, biex jiġi żgurat li l-investimenti sostenibbli jkunu tassew sostenibbli u biex jitħeġġeġ l-investiment privat f'dawn l-attivitajiet; jinsisti li s-settur privat waħdu ma jistax ikun mistenni jilħaq il-massa kritika meħtieġa u li s-settur pubbliku għandu jżid ir-rwol tiegħu fis-swieq finanzjarji sostenibbli;

70. Jemmen li r-reviżjoni ppjanata tar-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ u tissemplifika l-kapaċità ta' investiment f'soluzzjonijiet sostenibbli u f'għodod konkreti għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li r-rwol tagħhom se jkun strumentali f'implimentazzjoni effettiva u innovattiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iwissi, madankollu, li reviżjoni bħal din m'għandhiex tintuża biex iddgħajjef is-sett qawwi ta' regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE iżda biex titħalla azzjoni leġittima fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Ekoloġiku u tranżizzjoni ġusta;

71. Jantiċipa reviżjoni progressiva tas-Semestru Ewropew li tintegra l-SDGs, sabiex is-Semestru Ewropew ikun proċess qawwi ta' bidla lejn il-benesseri sostenibbli ta' kulħadd fl-Ewropa; jitlob, għalhekk, approċċ aktar olistiku li jkejjel l-impatt tal-politiki lejn ir-realizzazzjoni tal-SDGs lil hinn mill-PDG, b'mod speċifiku billi jiffoka l-attenzjoni fuq il-benesseri tan-nies; jitlob, barra minn hekk, l-integrazzjoni ta' miri u indikaturi ta' benesseri fiċ-ċiklu sħiħ tas-Semestru Ewropew, jiġifieri l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR), ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs);

72. Jilqa' bis-sħiħ l-impenn tal-Kummissjoni għall-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta wara t-talbiet ripetuti tal-Parlament għal mekkaniżmu bħal dan biex ikun żgurat li ħadd ma jibqa' lura; jenfasizza l-importanza ta' tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-ħtieġa għal approċċ antiċipatorju u parteċipattiv biex jiġi żgurat li l-partijiet kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mit-tranżizzjoni u biex jiġu appoġġjati r-reġjuni, b'mod partikolari r-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam u r-reġjuni b'intensità għolja ta' karbonju, il-komunitajiet u l-forzi tax-xogħol tas-setturi kollha li huma l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, inkluż billi jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti u teknoloġiji ġodda għal dawk il-komunitajiet; jirrikonoxxi li l-fondi ta' kumpens waħedhom ma jiżgurawx tranżizzjoni ġusta u li strateġija komprensiva tal-UE bbażata fuq djalogu ġenwin mal-poplu u l-komunitajiet ikkonċernati, għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta' dawn ir-reġjuni flimkien mal-konverżjoni tas-siti, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja, u miżuri soċjali inklużi t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, għandhom ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe politika ta' tranżizzjoni; jinsisti li l-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta jrid jiġi ffinanzjat permezz ta' flus ġodda addizzjonali, u li ma jkunx ta' ħsara għal politiki oħra fit-tul tal-UE;

73. Itenni l-appoġġ mhux ambigwu tiegħu għall-prinċipju tal-integrazzjoni tal-klima fil-QFP, li jeħtieġ li jmur lil hinn mil-livelli ta' ishma ta' nfiq fil-mira kif stabbilit fir-rapport interim tal-QFP u mill-Kummissjoni; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-integrazzjoni tad-dimensjoni klimatika u soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-programmi ewlenin kollha tal-QFP u matul iċ-ċiklu politiku kollu; barra minn hekk, f'dan il-kuntest, jitlob metodoloġija aktar trasparenti, stretta u komprensiva, inklużi indikaturi tal-prestazzjoni riformati għad-definizzjoni u t-traċċar tan-nefqa b'rilevanza għall-klima u għall-bijodiversità, il-prevenzjoni ta'ġ appoġġ finanzjarju għal miżuri ta' ħsara u l-monitoraġġ tal-impatt fuq terminu medju u fit-tul tal-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika għall-mitigazzjoni u l-adattament;

74. Ifakkar fl-importanza tal-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE, jiġifieri dawk iġġenerati mill-implimentazzjoni ta' inizjattivi tal-UE għall-protezzjoni tal-ambjent, kif enfasizzat mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet, mingħajr ma jiġi kompromess il-prinċipju tal-universalità baġitarja; jilqa', bħala punt ta' tluq għan-negozjati, il-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji bbażati fuq id-dħul mill-irkantar tal-EU ETS u t-taxxa fuq l-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat; iqis li kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit tal-UE;

75. Jitlob għal allokazzjoni finanzjarja ambizzjuża għall-Politika ta' Koeżjoni b'enfasi ċara fuq l-isfidi ambjentali, b'tal-anqas 30 % allokati għall-objettiv ta' politika għal ekonomija aktar ekoloġika, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju u lejn Ewropa reżiljenti; jissottolinja l-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tal-kunċetti tat-tkabbir sostenibbli u l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-Politika ta' Koeżjoni matul il-perjodu ta' wara l-2020, inkluż l-għan li ma jintużawx il-fondi ta' koeżjoni għal investimenti marbuta mal-produzzjoni, l-ipproċessar, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-ħżin jew il-kombustjoni tal-fjuwils fossili; ifakkar fl-importanza tal-investimenti pubbliċi fil-Politika ta' Koeżjoni;

Il-mobilizzazzjoni tar-riċerka u t-trawwim tal-innovazzjoni

76. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm baġit ambizzjuż għall-Orizzont Ewropa ta' EUR 120 biljun fi prezzijiet kurrenti bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi sinifikanti tal-innovazzjoni għal tranżizzjoni diġitali u industrijali lejn in-newtralità klimatika, filwaqt li jitqies li mill-inqas 35 % tal-baġit ta' Orizzont Ewropa għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi; jitlob li l-Kummissjoni timmassimizza l-opportunitajiet li jirriżultaw minn ambjent usa' ta' innovazzjoni bbażat fuq ix-xjenza u l-għarfien, peress li xi teknoloġiji abilitanti essenzjali ġodda bħat-tagħlim awtomatiku, it-teknoloġiji ta' reġistru distribwit, teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju u dawk favur l-ekonomija ċirkolari, teknoloġiji b'livell baxx ta' teknoloġija, in-netwerks 5G u l-quantum computing se jkunu kruċjali biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050;

77. Jitlob għal finanzjament ta' riċerka adegwat u kollaborazzjoni transdixxiplinari miżjuda fuq is-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' tħassib – inklużi dawk użati f'materjali, proċessi, jew teknoloġiji – u l-iżvilupp ta' alternattivi aktar sikuri fuq il-bażi tal-perikli, il-prestazzjoni u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom, sabiex tiġi evitata s-sostituzzjoni ta' sustanza kimika tossika ma' oħra ta' livell ugwali jew ta' tħassib akbar; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw sħubiji trasparenti ta' investiment pubbliku-privat għall-appoġġ tar-riċerka f'alternattivi aktar sikuri u għall-għoti ta' appoġġ tekniku lill-SMEs, b'mod partikolari dwar il-fattibbiltà teknika ta' alternattivi;

78. Jissottolinja l-importanza tal-komplementarjetà u s-sinerġiji bejn il-fondi u l-istrumenti l-oħra tal-UE, kif ukoll l-importanza tat-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-trasferiment teknoloġiku tar-riżultati fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità, u teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u b'emissjonijiet żero, u l-ġbir ta' data biex jiġi appoġġjat it-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza li l-ambjent eżistenti u t-teknoloġiji innovattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima għandhom jiġu appoġġjati lejn it-tlestija tas-suq, b'mod partikolari fl-oqsma ta' espansjoni, ta' żvilupp tal-infrastruttura u s-sistemi ta' prezzijiet;

79. Jinsisti dwar l-importanza tal-appoġġ tal-iskjerament fis-suq, li huwa mutur ewlieni fit-trasformazzjoni tal-assi sostanzjali ta' għarfien tal-UE fl-innovazzjonijiet;

80. Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jinħoloq ambjent li jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll ekosistema ta' riċerka u innovazzjoni li trawwem l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi u li tagħmel possibbli l-ittestjar ta' teknoloġiji u prodotti, pereżempju permezz ta' żoni tal-ittestjar u/jew laboratorji tal-ittestjar inqas regolati, aċċettazzjoni akbar ta' falliment fir-riċerka u l-innovazzjoni, u appoġġ finanzjarju semplifikat;

"Tagħmilx ħsara" - l-integrazzjoni tas-sostenibilità fil-politiki kollha tal-UE

81. Jinsisti fuq approċċ konġunt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni; jenfasizza l-importanza tal-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jikkontribwixxu kemm għall-protezzjoni tal-bijodiversità kif ukoll għall-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima; jissottolinja li l-prinċipju ta' prekawzjoni għandu jiggwida l-azzjonijiet tal-UE fl-isferi ta' politika kollha, flimkien mal-prinċipju "tagħmilx ħsara", bl-akbar kunsiderazzjoni għall-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, partikolarment f'termini ta' żvilupp, kummerċ, agrikoltura, enerġija u klima;

82. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ambizzjoni dwar il-klima u l-ambjent tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE, inkluż fil-politika kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment futuri kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli għalkollox mal-Ftehim ta' Pariġi u li d-dispożizzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima jkunu legalment vinkolanti u infurzabbli; jitlob lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika valutazzjoni komprensiva ta' kemm il-ftehimiet eżistenti u futuri huma konsistenti mal-Ftehim ta' Pariġi;

83. Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa x-Xenarju 1 tad-Dokument ta' Riflessjoni "Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030", kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-14 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)[10]", li tirrikjedi, inter alia, li prinċipju ta' "sostenibbiltà l-ewwel" jiġi integrat fl-Aġendi għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

84. Jissottolinja li l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE jridu jinkludu impenji minn kull waħda mill-partijiet biex jirratifikaw u jimplimentaw it-tmien konvenzjonijiet ewlenin u l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO, kif ukoll il-ftehimiet multilaterali internazzjonali dwar l-ambjent billi jingħata pjan direzzjonali għar-ratifika l-konklużjoni tan-negozjati; jenfasizza li l-kapitoli TSD għandhom jinkludu miżuri deterrenti effettivi fil-każ ta' ksur serju u ppruvat ta' impenji ambjentali, inklużi sanzjonijiet kummerċjali, u għandhom ikunu koperti mill-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim ġenerali, fuq bażi ugwali mal-partijiet l-oħra tal-ftehim;

85. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi l-ktajjen ta' provvista sostenibbli biex iżżid il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari domestikament u globalment; jissottolinja li dan jista' jsir biss permezz ta' obbligi ta' diliġenza dovuta vinkolanti f'konformità mal-linji gwida tal-OECD li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards ambjentali, soċjali u ta' sikurezza kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta li tinkludi l-introduzzjoni ta' sistema obbligatorja, trasparenti u li tiffunzjona ta' traċċabbiltà soċjali u ambjentali tul il-katina kollha tal-produzzjoni;

L-UE bħala attur globali

86. Jappoġġja bis-saħħa t-tkomplija u t-tisħiħ ulterjuri tal-komunikazzjoni tal-politika tal-UE abbażi tad-"Diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku", li hija essenzjali biex tiġi mobilizzata l-azzjoni dwar il-klima u l-ħarsien tal-ambjent fil-pajjiżi sħab u fl-influwenzar tal-opinjoni pubblika globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javviċinaw id-diplomazija ambjentali tal-UE dwar il-klima b'mod olistiku billi joħolqu rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp sostenibbli, l-agrikoltura, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u tħassib umanitarju sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni globali lejn emissjonijiet netti żero, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma;

87. Jenfasizza li l-istrumenti kollha tal-politika esterna għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-objettivi tal-UE dwar il-klima, il-bijodiversità u dawk ambjentali; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss, l-azzjonijiet taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għandhom jikkontribwixxu mill-inqas 16 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tagħhom għall-objettivi tal-klima, u l-azzjonijiet taħt ir-Regolament dwar l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) għandhom jikkontribwixxu 45 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tagħhom għall-objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, bi 30 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-NDICI jiġi ddedikat għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

88. Itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi drammatiċi li t-tibdil fil-klima għandu fuq l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS); jitlob, għalhekk, għal aktar investiment f'infrastruttura reżiljenti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jingħata rispons għall-intensifikar tad-diżastri naturali;

89. Jenfasizza li, skont l-IPCC, l-għarfien indiġenu u tradizzjonali huwa riżorsa ewlenija fil-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari minħabba l-fatt li t-territorji tal-popli indiġeni jinkludu madwar 80 % tal-bqija tal-bijodiversità fid-dinja; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-interdipendenza tad-dimensjonijiet klimatiċi, ambjentali, ekonomiċi u soċjali, u b'mod partikolari l-effetti diretti li t-tibdil fil-klima għandu fuq il-komunitajiet indiġeni u t-theddida eżistenzjali akuta li qed jiffaċċjaw ħafna minnhom, inklużi l-komunitajiet mhux ikkuntattjati;

°

° °

90. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

[1] Testi adottati, P9_TA(2019)0078.

[2] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

[3] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

[4] ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

[5] ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

[6] ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.

[7] ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

[8] ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.

[9] ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

[10] Testi adottati, P9_TA(2019)0220.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza