Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0046/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0046/2020

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

    10.1.2020 - (2019/2956(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
    imressqa skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Marco Zanni, Tom Vandendriessche
    f'isem il-Grupp ID

    Proċedura : 2019/2956(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B9-0046/2020
    Testi mressqa :
    B9-0046/2020
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B9-0046/2020

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew

    (2019/2956(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

     wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 107, 153, 173, 174, 191 u 194 tiegħu,

     wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2016)0640final),

     wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 mill-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew,

     wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi l-protezzjoni ambjentali (jiġifieri l-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni tal-ilma mit-tniġġis, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, il-protezzjoni tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu fl-atmosfera, il-protezzjoni tal-bijodiversità) ma tistax tiġi separata mill-protezzjoni tal-pajsaġġ (jiġifieri l-hekk imsejjaħ "ambjent viżibbli"), li tkopri bis-sħiħ l-aspetti kollha relatati mar-relazzjoni bejn il-bniedem u n-natura; billi l-antropizzazzjoni mhijiex neċessarjament sinonima ma' impatt negattiv fuq l-ambjent;

    B. billi l-ambjent ma għandux jitqies bħallikieku kien astratt u ma jinbidilx fin-natura; billi l-ambjent fih kemm elementi arkitettoniċi kif ukoll ambjentali u jinkludi l-patrimonju ambjentali, storiku u artistiku, u għaldaqstant jirrapreżenta l-"essenza kulturali" ta' nazzjon, li ilha stabbilita għal sekli u li tinsab f'evoluzzjoni kostanti;

    C. billi l-politika għall-protezzjoni ambjentali li trid issir effettiva għandha primarjament tiffoka fuq l-aktar aspetti li jniġġsu tal-mudell ta' produzzjoni u konsum tagħna; billi l-globalizzazzjoni (jiġifieri l-moviment liberu tal-fatturi ta' produzzjoni) hija fattur qawwi ħafna li jikkontribwixxi għad-deterjorazzjoni tal-ambjent;

    D. billi, sa minn żmien wara l-gwerra sa issa, kien hemm tkabbir kważi kontinwu fl-emissjonijiet tas-CO2, li twaqqaf temporanjament mill-bidu tal-kriżi ekonomika tal-2007-2008; billi, sa mis-snin 1970, konna qed nosservaw diżakkoppjament relattiv bejn l-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils fossili u l-PDG globali, "jiġifieri, tnaqqis fl-intensità tal-emissjonijiet minflok fil-valur assolut, minħabba l-azzjoni ta' makrofatturi oħra, bħall-popolazzjoni u d-dħul per capita reali, li ż-żieda fl-effiċjenza ma tistax tikkumpensa għalihom"[1]; billi d-diżakkoppjament totali bejn it-tkabbir ekonomiku u l-emissjonijiet (jiġifieri s-suppożizzjoni teoretika ta' "mudell ta' żvilupp b'emissjonijiet żero") ma tqisx adegwatament il-limitazzjonijiet imposti mil-liġijiet tal-fiżika; billi t-tfittxija għall-ksib ta' "emissjonijiet żero" hija għalhekk konfigurata bħala mudell mhux sostenibbli, peress li mhux biss neċessarjament tinvolvi d-deindustrijalizzazzjoni u għalhekk it-tfaqqir tal-pajjiżi avvanzati, iżda tikkundanna lill-pajjiżi foqra għal nuqqas ta' żvilupp etern u għalhekk tipprevjeni l-industrijalizzazzjoni tagħhom;

    E. billi, sa minn meta bdiet id-dinja, il-klima ilha tinbidel u l-bniedem, bħall-ħlejjaq kollha li jinsabu fid-Dinja llum, minn dejjem irnexxielu jadatta ruħu għaliha f'suċċess; billi dan huwa konfermat minn evidenza empirika li tistabbilixxi li l-indikaturi kollha tar-reżiljenza, il-mortalità, il-vulnerabbiltà u t-telf ekonomiku minħabba avvenimenti klimatiċi tjiebu b'mod sinifikanti, speċjalment għal pajjiżi ifqar[2];

    F. billi l-għarfien attwali tas-sistema tal-klima għad ma jippermettilniex li b'mod preċiż nisseparaw l-effett antropiku minn kawżi naturali oħra għall-bidla, u lanqas li nikkwantifikawh; billi l-għarfien tagħna għadu l-bogħod milli jippermettilna niddefinixxu b'mod preċiż biżżejjed il-kontributi differenti li jiddeterminaw iż-żidiet jew it-tnaqqis fit-temperatura medja tal-pjaneta;

    G. billi l-IPCC huwa korp intergovernattiv li ma jagħmilx riċerka xjentifika jew attivitajiet ta' monitoraġġ jew ta' ġbir tad-data, iżda pjuttost jibbaża l-valutazzjonijiet tiegħu fuq għażla antoloġika ta' letteratura xjentifika rieżaminata bejn il-pari u fuq rapporti mill-istituzzjonijiet ewlenin tad-dinja;

    H. billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-korpi politiċi jżommu approċċ razzjonali u prammatiku għall-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, mingħajr ma jagħmlu użu strumentalizzat tal-metodi xjentifiċi meta jitnaqqsu l-ispazji ta' dibattitu pubbliċi u l-mekkaniżmi tal-kontroll demokratiku garantiti mill-kostituzzjonijiet sovrani tal-Istati Membri;

    I. billi t-tibdil tal-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 ifisser li jrid jinkiteb mill-ġdid bl-għaġla l-corpus sħiħ tal-liġi tal-UE fil-qasam tal-klima u l-enerġija għall-perjodu tal-2021 sal-2030, li ġie approvat riċentement fl-aħħar leġiżlatura; billi dan ifisser li l-Kummissjoni u l-Kunsill jinsabu f'kontradizzjoni ċara mal-għan tagħhom stess li jipprovdu swieq bl-istabbiltà u ċ-ċertezza fit-terminu medju sa twil;

    J. billi l-aċċess għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli huwa conditio sine qua non sabiex jiġi garantit il-benesseri għal kulħadd;

    K. billi t-tranżizzjoni għall-enerġiji rinnovabbli wasslet għal prezzijiet tal-enerġija ogħla u għal provvista inqas stabbli, minħabba n-natura varjabbli ta' diversi sorsi rinnovabbli;

    L. billi l-miżuri ta' restrizzjoni fiskali fuq il-fjuwils fossili u l-enerġija li ġew reċentement adottati minn xi gvernijiet – bl-intenzjoni dikjarata li jistimolaw it-"tranżizzjoni ekoloġika" – wasslu għal protesti mill-klassijiet medji u baxxi, li digà jgħixu taħt politiki ta' awsterità persistenti, u xi drabi dawn il-protesti eskalaw għal irvellijiet gravi kemm f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u kif ukoll fl-UE;

    M. billi l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet  (EU ETS) hija l-aktar eżempju ċar tal-falliment tal-mekkaniżmi bbażati fuq is-suq kif konċepiti u adottati biex jiġu applikati l-Protokoll ta' Kjoto u l-Ftehim ta' Pariġi; billi dawn il-mekkaniżmi ġew ikkoreġuti diversi drabi waqt li kienu fis-seħħ b'konsegwenza ta' fallimenti tas-suq, inkluża l-proposta li jiġi stabbilit prezz tal-karbonju ope legis, li hija negazzjoni tal-kunċett ta' "suq" innifsu; billi l-EU ETS naqset mhux biss milli tilħaq l-objettivi finanzjarji tagħha, iżda wkoll l-objettivi klimatiċi tagħha, peress li ma setgħetx tipprevjeni rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

    N. billi l-produttur ma jistax, fil-prinċipju, jinżamm responsabbli għall-użu li jagħmel il-konsumatur mill-prodott tiegħu; billi l-problema li jiġi abbandunat l-iskart fl-ambjent hija kwistjoni li tikkonċerna l-aġir taċ-ċittadini u l-effikaċja tas-sistemi stabbiliti ta' ġbir u rimi tal-iskart;

    O. billi diversi Stati Membri, sabiex jiffrankaw mill-ispejjeż pubbliċi, preferew jesportaw l-iskart tagħhom lil pajjiżi terzi u jimportaw mill-ġdid il-materja prima sekondarja li tiġi prodotta minn dan, pjuttost milli jibnu l-infrastruttura meħtieġa biex jagħmlu t-trattament u r-riċiklaġġ sħaħ fuq il-post;

    P. billi l-Kummissjoni assoċjat l-ekonomija ċirkolari mal-"ekonomija kollaborattiva"; billi din tal-aħħar la hija innovattiva u lanqas sostenibbli, peress li hija mudell ta' negozju bbażat fuq it-tnaqqis massimu tal-ispejjeż lavorattivi u l-esternalizzazzjoni tar-riskju tan-negozju, kif ukoll fuq ir-rikors fuq skala kbira għall-forom tipiċi ta' ekonomija ta' sussistenza;

    Q. billi l-kwoti u s-sussidji għall-vetturi elettriċi ma jikkonformawx mal-prinċipju tal-ekonomija tas-suq ħieles u potenzjalment se jqiegħdu f'riskju bla bżonn il-pożizzjoni tagħna bħala mexxej tas-suq f'ħafna industriji;

    R. billi miri ta' emissjoni aktar stretti jżidu l-ispejjeż tas-sjieda u l-użu ta' karozza li jfisser li ħafna familji ma jkollhomx il-mezzi neċessarji biex iżommu l-mobbiltà indipendenti tagħhom; billi, kwalunkwe projbizzjoni potenzjali tal-magni ta' kombustjoni twassal għall-esproprjazzjoni tal-konsumaturi;

    S. billi l-kategorizzazzjoni tal-vetturi elettriċi bħala "vetturi b'emissjonijiet żero" tqarraq bil-konsumaturi, peress li l-produzzjoni tal-batteriji u tal-enerġija nnifisha tikkawża l-emissjonijiet u ta' spiss twassal għal aktar emissjonijiet milli meta jintużaw il-magni ta' kombustjoni tal-aħħar ġenerazzjoni;

    T. billi t-tikkettar tal-prodotti għandu jipprovdi informazzjoni għall-konsumaturi; billi mhuwiex raġonevoli li wieħed jistenna li t-tikkettar tal-prodotti jkun ta' natura etika;

    U. billi l-ikkunsmar ta' ħut maqbud fis-selvaġġ huwa mod kif tiġi protetta l-klima, peress li sa issa huwa l-aktar tip ta' proteina tal-annimali bil-marka tal-karbonju l-aktar baxxa;

    V. billi s-settur tas-sajd għandu jingħata prijorità bħala utent ewlieni tal-ispazju marin, peress li huwa impossibbli li jiġu implimentati politiki ambjentali marini effikaċi meta s-sajjieda ma jitqiesux;

    W. billi ż-żona tal-UE li hija miksija boskijiet u foresti ilha tikber għal sekli, u għadha qed tikber, prinċipalment bis-saħħa tal-abbandun progressiv tal-użu tal-injam bħala fjuwil u bħala materjal ta' kostruzzjoni, kif ukoll minħabba, fi snin aktar riċenti, l-abbandun tal-kampanja;

    X. billi l-finanzjament lokali għandu rwol ewlieni fir-restawr tar-rabta bejn il-kapital u t-territorju;

    Y. billi l-ambjent huwa kompetenza kondiviża tal-Unjoni; billi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent tipprevedi regoli ta' universalità astratti, li darba kienu stabbiliti għall-Istati Membri kollha u li jiġu modifikati biss f'aktar dettall, u dan imur kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew isegwi l-istess approċċ razzjonali u kostruttivist;

    1. Jenfasizza li waħda mill-isfidi fid-deċennji li ġejjin hija li jitnaqqas it-tniġġis tal-atmosfera, tal-ħamrija u tal-ilma; huwa konxju li dan ifisser li jeħtieġ tittieħed azzjoni serja fir-rigward tal-aktar aspetti li jniġġsu tal-mudelli ta' produzzjoni u ta' konsum tagħna: il-produzzjoni tal-iskart, it-tixrid tal-materja prima u l-użu ineffiċjenti tal-enerġija prodotta; jenfasizza, għalhekk, li huwa impenjat li juża l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala opportunità biex iġib is-suġġett ambjentali lura fil-kuntest tad-diskussjoni razzjonali u għar-rikonċiljazzjoni bejn il-politiki ambjentali u soċjali;

    Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

    2. Jinnota li ż-żieda ulterjuri tal-livell limitu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) tal-UE għal 50 jew 55 %, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, se tirriżulta fi pressjoni amministrattiva u finanzjarja mhux sostenibbli għall-kumpaniji fl-UE u se taċċelera r-rilokazzjoni tagħhom barra mill-UE biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni, u b'hekk tkompli ddgħajjef il-kompetittività tal-UE, tinkoraġġixxi d-deindustrijalizzazzjoni u ssaħħaħ il-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi; jinnota b'dispjaċir li dawn il-miri x'aktarx jimminaw is-sostenibbiltà tas-setturi ekonomiċi ewlenin tal-UE, bħall-industrija tal-azzar; jiddeplora l-fatt li l-adozzjoni ta' obbligi ambjentali ġodda għadha ma ġietx akkumpanjata mill-introduzzjoni ta' għodod xierqa sabiex tiġi protetta l-industrija tal-UE minn kompetizzjoni esterna inġusta;

    3. Iqis li huwa xieraq li kull Stat Membru jitħalla liberu li jiddetermina t-tassazzjoni tal-prodotti ta' enerġija bil-mod li huwa jqis li huwa l-aktar effettiv u xieraq sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali, skont it-taħlita ta' enerġija tagħhom stess, u skont il-kundizzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi, u antropoġeniċi partikolari tagħhom u fuq is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom;

    4. Itenni li t-tassazzjoni hija kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u għalhekk jirrifjuta l-idea nfisha ta' tassazzjoni tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 194(2) tat-TFUE, tipproponi li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)[3];

    5. Jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu estiżi l-mekkaniżmi ta' limitu u skambju, bħall-EU ETS, għal setturi oħra; itenni li l-UE hija responsabbli biss għal madwar 10 % tal-emissjonijiet globali tas-CO2; jenfasizza, għalhekk, li jkun aktar effettiv li l-EU ETS tiġi sostitwita b'mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju konformi mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ibbażat fuq il-marka tal-karbonju tal-prodotti importati, li jqis l-emissjonijiet diretti, l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-emissjonijiet mill-użu tal-materja prima; iqis li huwa xieraq li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jappoġġaw tali miżura kummerċjali permezz ta' politiki ta' inċentiv xierqa sabiex tiġi rilokata l-produzzjoni minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri;

    6. Ifakkar li l-azzar huwa prodott negozjat b'mod intensiv, peress li l-kapaċità żejda globali kienet ta' madwar 500 miljun tunnellata fl-2018, ekwivalenti għal kważi 25 % tal-kapaċità tal-produzzjoni globali tal-azzar; jinnota li l-importazzjonijiet tal-azzar tal-UE żdiedu b'mod sinifikanti, minn 18-il miljun tunnellata fl-2013 għal rekord ta' 30 miljun tunnellata fl-2018;

    7. Jinnota li, sabiex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta għad-detriment tas-settur tal-azzar tal-UE, l-UE jeħtiġilha tadotta miżuri biex tiġġieled kontra d-dumping, is-sussidjar governattiv u skemi oħra ta' appoġġ f'pajjiżi terzi billi ttejjeb l-applikazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (TDI); jinnota, barra minn hekk, li l-UE trid timmodernizza l-ġabra ta' regoli tad-WTO sabiex tindirizza d-distorsjoni kummerċjali b'mod aktar effikaċi;

    8. Jenfasizza li l-Unjoni għandha timplimenta r-reċiproċità meta pajjiżi terzi jiċħdu l-aċċess għall-akkwist pubbliku u għandha tinforza l-iskrinjar ta' investiment barrani dirett u tivverifika ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda, u, jekk xieraq, tirrevedi dawk eżistenti sabiex tiżguraw l-aċċess għas-suq u l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija tal-UE;

    9. Ifakkar li t-tkabbir tal-produzzjoni tal-faħam fiċ-Ċina biss għandu l-potenzjal li jinnewtralizza l-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2;

    10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw l-azzjoni politika u leġiżlattiva tagħhom fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima aktar milli fuq ġlieda utopika kontriha;

    Il-provvista ta' enerġija nadifa, sigura u bi prezz raġonevoli

    11. Ifakkar li l-ispiża tal-produzzjoni tal-enerġija hija proporzjonali b'mod invers għall-possibbiltà li jiġi żgurat il-benesseri għal kulħadd;

    12. Ifakkar li l-objettivi ppjanati tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw provvista sigura u bi prezz raġonevoli, attwalment ma jistgħux jinkisbu biss b'konċentrazzjoni fuq l-għoti ta' spinta lill-enerġija rinnovabbli;

    13. Jiddeplora l-fatt li l-assigurazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward ir-rispett għan-newtralità teknoloġika, flimkien mal-fatt li l-Istati Membri għandhom prerogattivi esklużivi fir-rigward tat-taħlita enerġetika tagħhom, huma kontradetti mill-fatti; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni tal-Enerġija hija konfigurata bħala ċentralizzazzjoni indebita tal-politiki tal-enerġija tal-Istati Membri, li jitħallew f'idejn il-Kummissjoni;

    Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

    14. Jemmen, fil-prinċipju, li l-ekonomija ċirkolari tista' ġġib valur miżjud, dment li tkun mezz ta' rikonċiljazzjoni tal-politiki ambjentali u soċjali – dejjem jekk tippromwovi l-produzzjoni fuq il-post ta' prodotti li għandhom impatt ambjentali baxx u jekk twassal għal tkabbir fid-domanda interna; Jirrifjuta, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq mudell tal-UE għall-ġbir separat tal-iskart, li, inter alia, jmur kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

    15. Jirrikonoxxi li l-liġi tal-UE – pereżempju dwar l-iġjene tal-ikel u s-sikurezza tal-prodotti – kienet qed tikkontribwixxi wkoll għall-produzzjoni ta' imballaġġ mhux meħtieġ u, konsegwentement, ta' skart; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-leġiżlazzjoni attwali minflok ma tipproponi rekwiżiti saħansitra aktar legalment vinkolanti;

    16. Jinnota li ż-żmien meta ssir il-kampanja li tistigmatizza l-plastik li jiġi prodott u kkonsmat fl-UE ħabat mal-kriżi biex l-iskart jiġi riċiklat – b'mod partikolari l-plastik – f'dawk l-Istati Membri b'sistemi domestiċi għat-trattament tal-iskart u r-riċiklaġġ mhux adegwati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sabiex jilħqu l-objettivi tat-tnaqqis tal-ammont ta' skart li jitħalla fl-ambjent b'mod aktar effettiv, biex jagħmlu enfasi akbar fuq is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u fuq l-effikaċja tas-sistemi ta' ġbir u trattament tal-iskart;

    17. Jafferma mill-ġdid bil-qawwa li l-proprjetà privata żgħira mifruxa tirrappreżenta wieħed mill-fatturi ewlenin wara l-emanċipazzjoni u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi u tikkostitwixxi pilastru tad-demokraziji nazzjonali tal-Punent; iqis li l-"ekonomija kollaborattiva" tista' twassal, għall-kuntrarju, għall-konċentrazzjoni tas-sjieda ta' oligopolji privati, u dan jagħmel il-prodotti u s-servizzi aċċessibbli biss għal dawk il-ftit persuni li jistgħu jikruhom; jistieden lill-Istati Membri jadottaw mingħajr dewmien il-miżuri leġiżlattivi u regolatorji kollha biex issir ekwazzjoni bejn l-attivitajiet tal-pjattaformi online u l-"ekonomija kollaborattiva" mal-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali korrispondenti;

    Il-bini u r-rinnovazzjoni b'mod effiċjenti fl-enerġija u r-riżorsi

    18. Iqis li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi biex l-enerġija tiġi kkonsmata b'mod aktar effiċjenti; ifakkar, madankollu, fil-paradoss Jevons: "effiċjenza" ma tfissirx l-istess ħaġa bħal "iffrankar", peress li l-istess kwantità ta' enerġija aċċessibbli għal numru akbar ta' persuni twassal għal tnaqqis ġenerali fl-intensità minflok tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fil-valur assolut; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi s-sostituzzjoni, id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE[4], tal-miri tal-konsum tal-enerġija, stabbiliti fil-valur assolut, b'miri tal-intensità enerġetika;

    19. Iqis li huwa ambizzjuż wisq li jingħata bidu għal "mewġa ta' rinnovazzjoni" mistennija ta' bini pubbliku u privat meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet baġitarji attwali u l-politiki monetarji u fiskali kontroproduttivi fis-seħħ;

    20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm lura milli tinkludi l-emissjonijiet tal-bini fl-EU ETS u milli tagħmel ir-riċevituri tal-finanzjament għall-proġetti ta' rinnovazzjoni soġġetti għall-ekonomiji ta' skala; jenfasizza li, minflok ma tiġi stimulata t-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi ta' CO2 u effiċjenza enerġetika, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ifissru li s-sjieda tal-proprjetà fil-parti l-kbira minnha tkun f'idejn l-oligopolija privata li hi kapaċi topera fis-swieq finanzjarji tas-CO2 u taċċessa strumenti finanzjarji kkumplikati tal-UE, li jiffavorixxu l-formazzjoni ta' bżieżaq immobiljari u jaċċelleraw il-fenomenu, li diġà qed iseħħ, tal-espulsjoni tal-klassi tan-nofs miċ-ċentru tal-bliet kbar;

    L-aċċellerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

    21. Ifakkar li l-elettrifikazzjoni sfurzata ma tqisx b'mod dovut l-impatt ambjentali, soċjoekonomiku u ġeopolitiku; jenfasizza li sakemm il-batteriji ma jkollhomx densità tal-enerġija (f'MJ/kg) komparabbli ma' dik tal-fjuwils fossili tal-lum, il-mobbiltà elettrika se tkun biss ballon d'essai jew operazzjoni ta' greenwashing għall-għonja; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami sħiħ tal-pakkett Ewropa Attiva b'tali mod li tiġi garantita n-newtralità teknoloġika, sabiex it-teknoloġiji kollha bl-aqwa proporzjon tal-kostijiet u l-benefiċċji jkunu jistgħu jintużaw b'mod ħieles fuq kundizzjonijiet ekwi;

    22. Itenni li l-objettivi restrittivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 se jkollhom impatti detrimentali serji fuq il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE, li qed iħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni dejjem tiżdied minn pajjiżi terzi li ma japplikawx l-istess standards ambjentali;

    23. Jinnota li ż-żieda fil-moviment ta' merkanzija u persuni li tirriżulta mill-politiki orjentati lejn is-suq promossi mill-UE fis-snin preċedenti kkontribwiet b'mod konsiderevoli għal żieda fit-tniġġis, u li huwa meħtieġ li jiġi adottat mudell ekonomiku differenti u li jiġu favoriti modi ta' trasport aktar effiċjenti, speċjalment għal distanzi twal;

    24. Jiddeplora kwalunkwe żieda fit-tassazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE li għandha l-iskop li twaqqaf u tneħħi gradwalment l-użu tal-vetturi eżistenti sabiex jinqalbu għal oħrajn aktar ġodda u li jniġġsu inqas, peress li dan ifisser it-tibdil ta' kapital u oġġetti tal-konsum li jistgħu jiġu użati bla xkiel fi skart; ifakkar li kemm iċ-ċittadini kif ukoll l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) spiss ma jkunux jistgħu jirrinnovaw il-flotot tal-karozzi tagħhom minħabba kapaċità finanzjarja fqira u li m'għandhomx iġorru piżijiet addizzjonali li jpoġġu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom f'aktar periklu; itenni li għandhom jiġu ppreferuti mekkaniżmi li jinċentivaw aktar milli jippenalizzaw;

    25. Ifakkar li, fir-rigward tas-settur tat-toroq – u fi ħdan il-qafas ta' objettivi restrittivi ħafna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 bi 30 % għal vetturi tqal tal-merkanzija ġodda sal-2030, b'objettiv intermedju ta' 15 % sal-2025 – it-tranżizzjoni ppjanata għall-"elettromobbiltà" ma tistax titwettaq mingħajr ma jitqiesu n-nuqqasijiet attwali tan-netwerk tat-toroq Ewropej f'termini tal-iżvilupp tal-infrastruttura tiegħu għall-iċċarġjar tal-vetturi li jużaw forom alternattivi ta' enerġija;

    26. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tqis il-ħtiġijiet tal-Istati Membri fir-rieżami tad-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' merkanzija bejn l-Istati Membri[5] (id-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat), meta jitqies li t-tliet tentattivi preċedenti li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni ġdida ma tawx ir-riżultati mistennija minħabba obbligi finanzjarji u leġiżlattivi eċċessivi li hemm implikati għall-Istati Membri, u minħabba l-ħtieġa għal protezzjoni akbar tad-drittijiet soċjali u l-kompetittività fil-qasam;

    27. Jiddeplora n-nuqqas ta' progress li sar bl-Ajru Uniku Ewropew u l-falliment tal-implimentazzjoni tal-Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs), li rriżultaw f'inqas effiċjenza u fi spejjeż ogħla għas-settur tal-avjazzjoni;

    28. Jenfasizza l-importanza li jiġu salvagwardjati s-sigurtà, l-impjiegi, id-data, ir-responsabbiltà u l-kwistjonijiet etiċi fil-qasam tal-mobbiltà multimodali konnessa u awomatizzata;

    29. Ifakkar li dak li ħafna drabi huwa mifhum bħala "mobbiltà sostenibbli" fil-verità llum jikkostitwixxi, fl-aħjar każijiet, delokalizzazzjoni ta' emissjonijiet miċ-ċentru lejn il-periferija (jiġifieri, minn kwartieri aktar għonja għal dawk inqas għonja); jenfasizza li, fl-agħar xenarju possibbli, dan jista' jwassal għal żieda fl-emissjonijiet li jniġġsu;

    30. Jenfasizza li l-inċentivi pubbliċi li jinkoraġġixxu l-użu ta' mezzi privati tat-trasport għall-kiri huma kuntrarji għall-objettivi tal-koeżjoni soċjali u territorjali, peress li jipprovdu benefiċċju miżjud lil dawk li jgħixu fil-bliet u li diġà jgawdu offerta aħjar tal-mezzi tat-trasport;

    31. Jafferma mill-ġdid ir-rwol insostitwibbli mwettaq mit-trasport pubbliku lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-koeżjoni soċjali u territorjali; jinnota li l-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport, flimkien mat-tnaqqis fis-sussidji u l-investimenti pubbliċi f'konformità mad-dixxiplina baġitarja, inevitabbilment wasslu għall-konċentrazzjoni tal-offerta fejn hemm domanda akbar (jiġifieri fiż-żoni metropolitani); jiddeplora l-fatt li, għalhekk, reġjuni sħaħ tħallew skonnettjati miċ-ċentri tal-bliet, u dan ġiegħel lill-persuni li kienu qed jgħixu hemmhekk jużaw trasport privat; iqis bħala stupidu li wieħed jikkonċepixxi l-"ekonomija kollaborattiva" bħala metodu biex isolvi n-nuqqasijiet tat-trasport pubbliku lokali;

    32. Jirrimarka li t-tnaqqis tal-mobbiltà sfurzata lejn il-bliet, immexxi mill-urbanizzazzjoni, se jkun mod deċiżiv biex jitnaqqsu t-tniġġis u l-emissjonijiet ta' CO2;

    Mill-"Għalqa sal-Platt": it-tfassil ta' sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

    33. Ifakkar li politiki monetarji u fiskali kontroproduttivi u l-istandardizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ikel globalment huma proporzjonati b'mod invers għall-kwalità tas-sistemi tal-ikel;

    34. Josserva li mill-"Għalqa sal-Platt" turi kunċett mhux ġust tas-settur primarju, fejn il-bdiewa u s-sajjieda huma ridotti għal gwardjani tal-klima; josserva, barra minn hekk, dimensjoni etika inkwetanti fejn l-azzjonijiet ta' kuljum u l-istili ta' ħajja tal-individwi jiġu kkontrollati b'mod metikoluż;

    35. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004[6], sabiex it-tikkettar tal-ikel ikun limitat għal li jirrapporta informazjoni li hi rilevanti u fornuta b'tali mod li ma tqarraqx bil-konsumatur; jenfasizza li dan it-tikkettar għandu jinkludi informazzjoni dwar l-ingredjenti (inkluż l-oriġini tagħhom u l-preżenza ta' OĠM), l-allerġeni, il-valuri nutrizzjonali, u fejn l-oġġett tal-ikel ġie prodott u imballat; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni toqgħod lura milli tagħmel tikettar ambigwu, qarrieqi u diskriminatorju b'mod arbitrarju – bħad-dwal tat-traffiku, in-Nutriscore u l-impronta tas-CO2 – obbligatorju madwar l-UE;

    36. Jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi għal ġestjoni aħjar tal-katina tal-provvista tal-ikel sabiex tinkiseb bidla fundamentali kulturali għal approċċ aktar lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa u trawwem b'mod attiv katina alimentari tal-UE bil-għan li tippreserva l-agrikoltura u s-sajd domestiċi, minflok ma tuża l-ikel bħala pedina ta' negozjar fuq ftehimiet kummerċjali;

    Il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità

    37. Ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm politika agrikola komuni (PAK) li tistabbilixxi sistema ta' ppremjar għall-bdiewa li jimplimentaw azzjonijiet intiżi li jipproteġu l-bijodiversità, u li tali sistema għandha tkun bla xkiel; ifakkar li l-protezzjoni tal-pajsaġġ rurali u l-prevenzjoni tal-erożjoni u l-instabbiltà idroġeoloġika jridu jkunu inklużi fil-lista tal-azzjonijiet ambjentali ffinanzjati mill-PAK;

    38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw azzjonijiet aktar konkreti mmirati li jiġġieldu l-iskart fil-baħar u l-plastik fil-baħar;

    Ambizzjoni ta' żero tniġġis għal ambjent ħieles mit-tossiċità

    39. Jenfasizza li l-politiki dwar il-klima mhux dejjem kienu konsistenti mal-għan li jitnaqqas it-tniġġis (eż. "Dieselgate", il-mobbiltà elettrika, ċerti bijofjuwils u ċerti bijomassi); jinnota li meta jsir l-iżball li wieħed jassumi li l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jridu jiġu miġġielda l-ewwel sabiex jitnaqqas it-tniġġis fil-pjaneta, issa l-kwistjoni li tiġi salvata l-klima hija ferm akbar dik li jiġi salvat l-ambjent; jenfasizza li, għal dik ir-raġuni, intefqu riżorsi finanzjarji kbar biex jitnaqqas is-CO2, irrispettivament minn kemm kienu negliġibbli r-riżultati, filwaqt li dawn ir-riżorsi setgħu ntużaw għall-benefiċċju tal-ambjent b'mod aħjar, peress li t-tnaqqis tat-tniġġis huwa wkoll ta' benefiċċju għall-klima;

    40. Ifakkar li l-ambjent ma jistax jiġi protett b'mod effikaċi bl-użu ta' approċċ leġiżlattiv wieħed tajjeb għal kulħadd li jinjora l-kundizzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi u antropiċi ta' kull territorju;

    It-twettiq tal-finanzjament ekoloġiku u l-investiment u l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta

    41. Jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tirreplika l-istess strumenti finanzjarji li diġà wrew li huma falliment; jenfasizza li l-fondi tal-UE, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, mhumiex adegwati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' finanzjament li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni; iqis li l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta ġie deskritt bħala duplikazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), fejn ġie ppruvat li huwa sempliċement rimedju palljattiv għall-pjaga tal-qgħad immexxi mid-deindustrijalizzazzjoni; jinnota wkoll, fir-rigward tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli, li l-inġinerija finanzjarja se tiżdied abbażi tal-mudell tal-pjan Juncker ineffettiv;

    42. Iqis li l-banek reġjonali sħaħ u mhux sistemiċi huma għodod deċiżivi għall-finanzjament ta' tranżizzjoni ekoloġika ġusta skont il-preferenzi u l-pekuljaritajiet reġjonali;

    L-ekoloġizzazzjoni tal-baġits nazzjonali u t-trażmissjoni tas-sinjali tal-prezz it-tajjeb

    43. Jirrimarka li billi jinżammu l-istess restrizzjonijiet baġitarji (li, fil-fatt, imorru kontra l-idea tal-emerġenza klimatika allegata), u billi jsir ir-rilassament immirat tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Patt Ekoloġiku Ewropew inevitabbilment, u għal darb'oħra, se jsir sussidju li jintuża biex jittrasforma s-setturi industrijali f'ċerti Stati Membri;

    44. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni tidderieġi b'mod mhux debitu liema politiki fiskali, flimkien ma' tipi oħra ta' politiki, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu r-riskju li jkun "New Deal" fl-isem biss u li jista' jfakkar fis-slogan tad-Demokratiċi tal-Istati Uniti, li jfisser li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jista' jitqies bħala operazzjoni ta' greenwashing tal-immaġni tal-UE;

    45. Jirrimarka li s-sostenibbiltà hija mfassla biex tkun restrizzjoni esterna ewlenija tad-demokraziji nazzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li kull programm ta' żvilupp industrijali u ħolqien ta' impjiegi soġġett għar-restrizzjoni esterna għall-klima, ġie fgat mir-restrizzjoni nnifisha; jitlob li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jerġa' lura għan-natura ta' tali restrizzjoni; jenfasizza, għalhekk, li sabiex jitnaqqas it-tniġġis u jinħolqu aktar impjiegi, il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jiffoka l-ewwel fuq l-iżvilupp industrijali u l-impjiegi sabiex titjieb il-kwalità tal-ambjent;

    Il-mobilizzazzjoni tar-riċerka u t-trawwim tal-innovazzjoni

    46. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw u jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) f'setturi kruċjali, bħal ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija u r-riċiklaġġ ta' materja prima;

    47. Ifakkar li l-istrumenti tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, bħal Orizzont Ewropa, iridu jiżguraw inklużjoni ġenwina u mhux sempliċi inklużjoni ta' intrapriżi mikro u ta' daqs żgħir; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, sa issa, għadd ta' intrapriżi mikro u ta' daqs żgħir ġew esklużi milli jkollhom aċċess għall-għodod finanzjarji tal-UE minħabba kriterji ta' applikazzjoni eċċessivi u ħafna drabi mhux realistiċi;

    L-attivazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ

    48. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u jimplimentaw, fil-korsijiet ta' taħriġ fl-iskejjel u t-taħriġ professjonali rilevanti fis-settur tekniku u xjentifiku, premji għal min jagħmel proġetti innovattivi intiżi biex jipproteġu aħjar l-ambjent;

    49. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt biex jiġi ddeterminat l-impatt soċjali u okkupazzjonali li l-Patt Ekoloġiku Ewropew se jkollu fuq is-setturi tal-manifattura tal-UE; jesprimi, barra minn hekk, id-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li ma ġiet identifikata ebda strateġija konkreta biex jiġu trasferiti u mtejba l-ħiliet tal-ħaddiema tal-UE jew biex jiġu definiti oqfsa legali u ekonomiċi tas-suq allegat tal-impjiegi ekoloġiċi; jirrimarka, fir-rigward tar-rikwalifikazzjoni tal-ħiliet, li huwa delużjonali li wieħed jemmen li sempliċi kors ta' taħriġ huwa biżżejjed biex jittrasforma lil ħaddiem tal-metall f'negozju ġdid (ekoloġiku);

    Ġurament ekoloġiku: "tagħmilx ħsara"

    50. Jesprimi l-interess tiegħu fl-impenn tal-Kummissjoni li tipprovdi lil kull proposta għal att leġiżlattiv u delegat b'rapport li juri kif il-konformità mal-prinċipju "tagħmilx ħsara" hija żgurata; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjoekonomiku ex ante u ex post u toqgħod lura milli twettaqhom bl-għan li turi l-validità ta' soluzzjoni predeterminata b'mod awtomatiku;

    L-UE bħala attur globali

    51. Jirrimarka li bdiet fażi ta' tbegħid mill-globalizzazzjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li jkun għaqli li l-UE tuża l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala opportunità biex tipprepara minn qabel għal dan ix-xenarju ekonomiku u ġeopolitiku ġdid, minflok ma' tinsisti b'mod ideoloġiku fuq il-multilateraliżmu sempliċement biex teħles mill-idea ta' sovranità;

    52. Jirrimarka li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jittieħed bħala opportunità biex jiġi indirizzat ir-rwol ewlieni tal-kummerċ globali fir-rigward tat-tniġġis; jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija li tipprijoritizza l-produzzjoni domestika minflok timporta l-istess merkanzija minn pajjiżi terzi 'l bogħod ħafna; jitlob, għalhekk, għal reviżjoni bir-reqqa tal-istrateġija kummerċjali tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi bi standards inqas stretti, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

    53. Jenfasizza li l-Afrika la għandha bażi industrijali stabbilita u lanqas skambji ekonomiċi interni; jenfasizza li huwa għal din ir-raġuni li l-Afrika hija milquta mill-pjaga tal-emigrazzjoni, sadanittant il-kumpaniji Ċiniżi qed jagħmlu progress kbir f'dak il-kontinent; jiddeplora, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' viżjoni tal-UE;

    54. Jirrikonoxxi l-konsegwenzi naturali, xi kultant diżastrużi, ikkawżati mit-tibdil fil-klima, b'mod partikolari d-diżastri naturali, iż-żieda fil-livelli tal-baħar, il-fenomeni ta' temp estrem, id-deżertifikazzjoni u n-nuqqas ta' ilma, li jġiegħlu lin-nies jabbandunaw djarhom u l-għajxien tagħhom; iwissi li dawn il-konsegwenzi naturali jikkontribwixxu għall-instabbiltà politika u għat-tbatija ekonomika, li, min-naħa tagħhom, jistgħu jwasslu għal kriżijiet tar-rifuġjati; jenfasizza li dawn il-kriżijiet jiddestabbilizzaw mhux biss lir-reġjuni milquta iżda wkoll lill-UE; jenfasizza n-nuqqas ta' definizzjoni universali ta' "rifuġjati minħabba l-klima" u jitlob lill-UE biex tirrifletti dwar din l-ambigwità u biex tippromwovi u tassisti l-operazzjonijiet ta' appoġġ lokali u reġjonali li jirċievu r-rifuġjati affettwati mit-tibdil fil-klima;

    Wasal iż-żmien li naġixxu – flimkien: Patt Ewropew dwar il-Klima

    55. Jinnota x-xebh bejn il-Patt Ewropew dwar il-Klima u l-grand débat national li kien stabbilit mill-President tar-Repubblika Franċiża, Emmanuel Macron, bħala risposta tentattiva għall-irvellijiet tal-ġkieket sofor (gilet jaunes) li nħolqu minħabba l-applikazzjoni sperimentali ta' ċerti politiki ta' tranżizzjoni ekoloġika; jenfasizza li l-istess politiki jinsabu wkoll stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    56. Josserva li l-istabbiliment ta' assemblej taċ-ċittadini huwa metodu li diġà ġie ttestjat b'mod wiesa' biex jgħin jinkiseb kunsens minn isfel għal fuq dwar politiki ta' tranżizzjoni ekoloġiċi; jibża' li dawn l-assemblej spiss jiġu manipulati sabiex jintlaħaq riżultat predeterminat, fejn in-nies jiġu mqarrqa biex jemmnu li huma kkontribwew għal dan ir-riżlutat;

    57. Jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu miġġielda r-reati kontra l-ambjent; jenfasizza, madankollu, li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu dwar l-aċċess għall-ġustizzja;

     

    °

    ° °

    58. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

     

     

    Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Jannar 2020
    Avviż legali - Politika tal-privatezza