Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0048/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0048/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara t-tentattiv ta' elezzjoni illegali tal-Presidenza u tal-Bureau tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida (kolp ta' stat parlamentari)

13.1.2020 - (2020/2507(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Esteban González Pons, Antonio Tajani, Michael Gahler, Dolors Montserrat, Sandra Kalniete, David McAllister, Željana Zovko, Leopoldo López Gil, Antonio López‑Istúriz White, Pilar del Castillo Vera, Javier Zarzalejos, Francisco José Millán Mon, Juan Ignacio Zoido Álvarez, Nuno Melo, Paulo Rangel, Isabel Wiseler‑Lima, Ivan Štefanec, Vladimír Bilčík, Stelios Kympouropoulos, Esther de Lange, Cláudia Monteiro de Aguiar
f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B9-0048/2020

Proċedura : 2020/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B9-0048/2020
Testi mressqa :
B9-0048/2020
Dibattiti :
Testi adottati :

B9‑0048/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara t-tentattiv ta' elezzjoni illegali tal-Presidenza u tal-Bureau tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida (kolp ta' stat parlamentari)

(2020/2507(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019[1] li tirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-president interim tal-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tal-Kelliem għall-Viċi‑President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-avvenimenti fl-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 mill-VP / RGħ dwar l-aħħar żviluppi fl-Assemblea Nazzjonali,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Veneżwela tad-9 ta' Jannar 2020,

 wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Venezwelana,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, kull sena fil-5 ta' Jannar il-membri parlamentari jeleġġu l-president u l-bureau tagħhom għal mandat ta' sena;

B. billi l-avvenimenti madwar l-elezzjoni skedata tal-President tal-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela fil-5 ta' Jannar 2020 involvew min-naħa tar-reġim illegali ta' Maduro tentattiv ta' kolp ta' stat parlamentari, u kienu kkaratterizzati minn irregolaritajiet u atti serji kontra l-funzjonament demokratiku u kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

C. billi l-President tal-Assemblea, Juan Guaidó, ġie mblukkat b'mod vjolenti minn forzi tas-sigurtà milli jippresiedi matul is-sessjoni, ħafna membri parlamentari ma tħallewx jidħlu fl-Assemblea Nazzjonali u l-istampa lokali u internazzjonali ma tħallewx jidħlu fil-bini;

D. billi t-tentattivi biex jinħatar Bureau ġdid favur Maduro kienu nulli u bla effett, peress li s-sessjoni qatt ma nfetħet formalment, ma kien hemm l-ebda president tal-laqgħa, ma kien hemm l-ebda għadd ta' kworum u ma ġiet ivverifikata l-ebda votazzjoni formali b'sejħa tal-ismijiet, kif meħtieġ mill-Artikoli 7, 8 u 11 tar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali u mill-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

E. billi sigħat wara, minħabba ċ-ċirkostanzi furzati, maġġoranza kbira ta' membri parlamentari kellhom laqgħa straordinarja fil-kwartieri ġenerali tal-gazzetta El Nacional, bi qbil mal-Kostituzzjoni Venezwelana u mar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali, li jippermettu li s-sessjonijiet isiru barra mill-binjiet leġiżlattivi; billi 100 mill-167 membru parlamentari, li kien jissodisfa r-rekwiżiti li jirregolaw il-kundizzjoni ta' kworum u l-vot b'sejħa tal-ismijiet tal-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, ivvutaw biex jerġgħu jiġu eletti mill-ġdid Juan Guaidó u l-Bureau tiegħu bħala l-mexxejja għas-sena finali tal-mandat 2015-2020;

F. billi s-seduta formali tal-Assemblea Nazzjonali tas-7 ta' Jannar 2020 ikkonkludiet bil-ġurament ta' Juan Guaidó bħala president, minkejja tentattivi minn forzi mir-reġim ta' Maduro biex jipprevjenu s-sessjoni milli sseħħ, inkluż billi ostakolaw id-dħul fil-bini u qatgħu l-elettriku minn ġewwa;

G. billi l-azzjonijiet li għaddejjin kontra l-membri eletti tal-Assemblea Nazzjonali, inklużi t-tortura, il-fastidju, l-għajbien sfurzat, l-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji, qed ixekklu l-ħidma kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

H. billi l-kriżi multidimensjonali politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarja marret għall-agħar b'mod sinifikanti; billi ż-żieda fl-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini, il-ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, l-iperinflazzjoni, l-oppressjoni politika, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed jipperikolaw ħajjet in-nies u qed iġegħluhom jaħarbu mill-pajjiż;

1. Itenni r-rikonoxximent tiegħu li, bħala riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó huwa l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u l-President interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f'konformità mal-Artikolu 223 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

2. Jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat parlamentari mir-reġim ta' Maduro u mill-alleati tiegħu, u l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, milli twettaq kif suppost il-mandat kostituzzjonali li ngħatalha mill-poplu tal-Venezwela;

3. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni paċifika u politika tista' tintlaħaq biss billi jiġu rispettati bis-sħiħ il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

4. Ifakkar li r-rispett għall-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi u d-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi fil-Venezwela għall-benefiċċju tal-poplu tagħha;

5. Jappella għat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija permezz tal-pjan direzzjonali, li jikkonsisti fil-waqfien tal-użurpazzjoni, il-gvern tranżizzjonali u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għal elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli bbażati fuq kalendarju fiss, kundizzjonijiet ġusti għall-atturi kollha, trasparenza u l-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli;

6. Jitlob li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirrikonoxxu l-mandat leġittimu tal-President Guaidó, u jilqa' l-fatt li r-Rappreżentant Għoli tirrikonoxxi li huwa l-unika awtorità demokratika rikonoxxuta mill-UE;

7. Jitlob li tintbagħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-pajjiż sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni;

8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Jannar 2020
Avviż legali - Politika tal-privatezza